+Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“bini” tfisser kostruzzjoni msaqqfa u bil-ħitan, li fiha tintuża l-enerġija biex tikkondizzjona l-ambjent intern;

(2) 

“bini b’emissjonijiet żero” tfisser bini b’rendiment għoli ħafna fl-użu tal-enerġija, kif determinat f’konformità mal-Anness I, li jeħtieġ żero jew ammont baxx ħafna ta’ enerġija, jipproduċi żero emissjonijiet ta’ karbonju fuq il-post minn fjuwils fossili u jipproduċi żero jew ammont baxx ħafna ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra operazzjonali, skont ir-l-Artikolu 11;

(3) 

“bini b’użu ta’ kważi żero enerġija” tfisser bini b’rendiment tajjeb ħafna fl-użu tal-enerġija kif determinat skont l-Anness I, li ma jkunx agħar mil-livell kostottimali tal-2023 rrappurtat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(2) u fejn il-kważi żero enerġija jew l-ammont baxx ħafna ta’ enerġija meħtieġa jkunu koperti ħafna minnhom minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluż minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ġġenerata fuq il-post jew enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta fil-qrib;

(4) 

“standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija” tfisser regoli li jirrikjedu li l-bini eżistenti jkun jissodisfa rekwiżit ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija bħala parti minn pjan ta’ rinnovazzjoni wiesa’ għal stokk ta’ bini jew f’xi punt ta’ skattar fis-suq bħal bejgħ, kiri, donazzjoni jew bidla fl-iskop fil-katast jew ir-reġistru tal-artijiet, f’perjodu ta’ żmien jew sa data speċifika, u b’hekk tiskatta r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti;

(5) 

“korpi pubbliċi” tfisser korpi pubbliċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (12), tad-Direttiva (UE) 2023/1791;”

(6) 

“sistema teknika użata fil-bini” tfisser tagħmir tekniku ta’ binja jew ta’ unità ta’ bini għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ventilazzjoni, għall-ilma sħun domestiku, għad-dawl integrat, għall-awtomatizzazzjoni u l-kontroll tal-bini, għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija fuq il-post, jew għal taħlita tagħhom, inkluż dawk is-sistemi li jużaw enerġija minn sorsi rinnovabbli,;

(7) 

“sistema tal-awtomatizzazzjoni u l-kontroll tal-bini” tfisser sistema li tinkludi l-prodotti, is-software u s-servizzi ta’ inġinerija kollha li jistgħu jappoġġaw it-tħaddim effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ekonomiku u sikur tas-sistemi tekniċi tal-bini permezz ta’ kontrolli awtomatiċi u permezz tal-iffaċilitar tal-ġestjoni manwali ta’ dawk is-sistemi tekniċi użati fil-bini;

(8) 

“rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija ta’ binja” tfisser l-ammont ta’ enerġija kkalkolata jew immetrata meħtieġa biex tilħaq id-domanda tal-enerġija assoċjata mal-użu tipiku tal-binja, li jista’ jinkludi l-enerġija użata għat-tisħin, għat-tkessih, għall-ventilazzjoni, għall-misħun u għat-tidwil domestiku;

(9) 

“enerġija primarja” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli jew mhux rinnovabbli li ma għaddiet mill-ebda proċess ta’ konverżjoni jew trasformazzjoni;

(10) 

“immetrat(a)” tfisser kejl permezz ta’ apparat rilevanti, bħal miter tal-enerġija, miter tal-potenza, apparat li jimmetra u jimmonitorja l-potenza, jew miter tal-elettriku;

(11) 

“fattur tal-enerġija primarja mhux rinnovabbli” tfisser indikatur li jiġi kkalkulat billi l-enerġija primarja minn sorsi mhux rinnovabbli għal vettur tal-enerġija partikolari, inkluż l-enerġija fornuta u l-ispejjeż ġenerali tal-enerġija kkalkulati għat-twassil lejn il-punti tal-użu, tiġi diviża bl-enerġija fornuta;

(12) 

“fattur tal-enerġija primarja rinnovabbli” tfisser indikatur li jiġi kkalkulat billi l-enerġija primarja minn sorsi rinnovabbli minn sors tal-enerġija fuq il-post, fil-qrib jew imbiegħed li tiġi kkonsenjata permezz ta’ vettur tal-enerġija partikolari, inkluż l-enerġija fornuta u l-ispejjeż ġenerali tal-enerġija kkalkulati għat-twassil lejn il-punti tal-użu, tiġi diviża bl-enerġija fornuta;

(13) 

“fattur totali tal-enerġija primarja” tfisser it-total tal-fatturi tal-enerġija primarja rinnovabbli u mhux rinnovabbli għal vettur tal-enerġija partikolari;

(14) 

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli, jiġifieri l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx (solari termali u solari fotovoltajka), u enerġija ġeotermika, enerġija osmotika, enerġija tal-ambjent, enerġija tal-marea, tal-mewġ u enerġija oċeanika oħra, idroenerġija, bijomassa, gass mil-landfills, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ, u bijogass;

(15) 

“involukru tal-bini” tfisser l-elementi integrati tal-bini li jifirdu l-intern tiegħu mill-ambjent estern;

(16) 

“unità ta’ bini” tfisser taqsima, sular jew appartament f’bini li hi ddisinjata jew mibdula biex tkun tista’ tintuża separatament;

(17) 

“element tal-bini” tfisser sistema teknika użata fil-bini jew element tal-involukru tal-bini;

(18) 

“bini residenzjali jew unità residenzjali f’bini” tfisser kamra jew sett ta’ kmamar f’bini permanenti jew f’parti strutturalment separata ta’ bini li hija ddisinjata għall-abitazzjoni minn unità domestika privata waħda matul is-sena kollha;

(19) 

“passaport tar-rinnovazzjoni” tfisser pjan direzzjonali mfassal apposta għar-rinnovazzjoni profonda ta’ binja speċifika f’numru massimu ta’ stadji li se jtejjeb b’mod sinifikanti r-rendiment fl-użu tal-enerġija tagħha;

(20) 

“rinnovazzjoni profonda” tfisser rinnovazzjoni konformi mal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” u li tiffoka fuq elementi essenzjali tal-bini, u li tittrasforma binja jew unità ta’ bini:

(a) 

qabel l-1 ta’ Jannar 2030, f’bini b’użu ta’ kważi żero enerġija;

(b) 

mill-1 ta’ Jannar 2030, f’bini b’emissjonijiet żero;

(21) 

“rinnovazzjoni profonda fi stadji” tfisser rinnovazzjoni profonda mwettqa f’numru massimu ta’ stadji, stabbiliti f’passaport tar-rinnovazzjoni;

(22) 

“rinnovazzjoni maġġuri” tfisser rinnovazzjoni ta’ binja meta:

(a) 

il-kost totali għar-rinovazzjoni marbuta mal-involukru tal-bini jew is-sistemi tekniċi użati fil-bini tkun ogħla minn 25 % tal-valur tal-bini, eskluż il-valur tal-art li fuqha qiegħed il-bini; jew

(b) 

aktar minn 25 % tal-erja tal-uċuħ tal-involukru tal-bini tkun rinovata.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw il-punt (a) jew (b);

(23) 

“emissjonijiet operattivi tal-gassijiet serra” tfisser l-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati mal-konsum tal-enerġija tas-sistemi tekniċi tal-bini matul l-użu u t-tħaddim tal-bini;

(24) 

“emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu” tfisser emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jsiru tul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-bini, inkluż il-produzzjoni u t-trasport ta’ prodotti tal-kostruzzjoni, l-attivitajiet fis-sit ta’ kostruzzjoni, l-użu tal-enerġija fil-bini u s-sostituzzjoni ta’ prodotti tal-kostruzzjoni, kif ukoll id-demolizzjoni, it-trasport u l-ġestjoni ta’ materjali ta’ skart u l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi aħħari tagħhom;

(25) 

“potenzjal ta’ tisħin globali tul iċ-ċiklu tal-ħajja” jew (“GWP tul taċ-ċiklu tal-ħajja”) tfisser indikatur li jikkwantifika l-kontribuzzjonijiet potenzjali ta’ tisħin globali ta’ bini tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu;

(26) 

“inċentivi opposti” tfisser inċentivi maqsuma kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (54), tad-Direttiva (UE) 2023/1791;

(27) 

“faqar enerġetiku” tfisser faqar enerġetiku kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (52), tad-Direttiva (UE) 2023/1791;

(28) 

“unitajiet domestiċi vulnerabbli” tfisser unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku jew unitajiet domestiċi, inklużi unitajiet domestiċi b’introjtu medju baxx, li huma partikolarment esposti għal kostijiet għoljin tal-enerġija u li ma għandhomx il-mezzi biex jirrinnovaw il-bini li jokkupaw;

(29) 

“standard Ewropew” tfisser standard adottat mill-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni, il-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni Elettroteknika jew l-Istitut Ewropew dwar l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni, u magħmul disponibbli għall-użu pubbliku;

(30) 

“ċertifikat dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija” tfisser ċertifikat rikonoxxut minn Stat Membru jew minn persuna ġuridika magħżula minnu, li jindika r-rendiment ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini fl-użu tal-enerġija, kkalkolata f’konformità mal-metodoloġija adottata skont l-Artikolu 4;

(31) 

“koġenerazzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termika u enerġija elettrika jew mekkanika;

(32) 

“livell kostottimali” tfisser il-livell tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jwassal għall-anqas spiża tul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika tal-bini, fejn:

(a) 

l-anqas spejjeż jiġu ddeterminati billi jittieħed kont:

(i) 

tal-kategorija u l-użu tal-bini kkonċernat:

(ii) 

tal-kostijiet relatati mal-investiment fuq l-enerġija abbażi tat-tbassir uffiċjali;

(iii) 

tal-kostijiet tal-manutenzjoni u tal-operat, inklużi l-kostijiet u l-iffrankar enerġetiku b’kunsdierazzjoni tal-kost tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

(iv) 

tal-esternalitajiet ambjentali u tas-saħħa tal-użu tal-enerġija;

(v) 

tal-qligħ mill-enerġija prodotta fuq il-post, fejn applikabbli;

(vi) 

tal-kostijiet tal-ġestjoni tal-iskart, fejn applikabbli; u

(b) 

iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika għandu jiġi ddeterminat minn kull Stat Membru u jirreferi għall-bqija taċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika ta’ bini fejn ir-rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jkunu stabbiliti għall-bini kollu, jew għaċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika mistenni ta’ element tal-bini fejn ir-rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija huma stabbiliti għall-elementi tal-bini.

Il-livell kostottimali għandu jkun fil-firxa ta’ livelli li joħorġu mir-rendiment meta l-analiżi tal-kostbenefiċċju kkalkolat matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika jirriżulta pożittiv;

(33) 

“punt tal-irriċarġjar” tfisser punt tal-irriċarġjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (48), tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(34) 

“kablaġġ mgħoddi minn qabel” tfisser il-miżuri kollha li huma meħtieġa biex jippermettu l-installazzjoni ta’ punti tal-irriċarġjar, inkluż it-trażmissjoni tad-data, il-kejbils, ir-rotot tal-kablaġġ u, fejn meħtieġ, il-miters tal-elettriku;

(35) 

“parkeġġ imsaqqaf” tfisser kostruzzjoni msaqqfa, b’mill-inqas tliet spazji għall-parkeġġ tal-karozzi, li ma tużax l-enerġija biex tikkundizzjona l-ambjent ta’ ġewwa;

(36) 

“sistema iżolata mikro” tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ anqas minn 500 GWh fis-sena 2022, fejn ma jkun hemm l-ebda konnessjoni ma’ sistemi oħra;

(37) 

“irriċarġjar intelliġenti” tfisser irriċarġjar intelliġenti kif definit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (14 m) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(38) 

“irriċarġjar bidirezzjonali” tfisser irriċarġjar bidirezzjonali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2023/1804;

(39) 

“standards tal-portafoll ipotekarju” tfisser mekkaniżmi li jinċentivaw lis-selliefa ipotekarji biex jistabbilixxu perkors biex iżidu r-rendiment medjan fl-użu tal-enerġija tal-portafoll ta’ bini kopert mill-ipoteki tagħhom lejn l-2030 u l-2050, u biex jinkoraġġixxu lill-klijenti potenzjali biex itejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-proprjetà tagħhom f’konformità mal-ambizzjoni ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni u l-miri tal-enerġija rilevanti fil-qasam tal-konsum tal-enerġija fil-bini, abbażi tal-kriterji biex jiġu ddeterminati l-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852;

(40) 

“skema finanzjarja ħallas waqt li tiffranka” tfisser skema ta’ self iddedikata esklużivament għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fejn tiġi stabbilita korrelazzjoni fit-tfassil tal-iskema bejn ir-ripagamenti fuq is-self u l-iffrankar tal-enerġija miksub, filwaqt li jitqiesu wkoll fatturi ekonomiċi oħra, bħall-indiċjar tal-kost tal-enerġija, ir-rati tal-imgħax, iż-żieda fil-valur tal-assi u r-rifinanzjament tas-self;

(41) 

“reġistru diġitali tal-bini” tfisser repożitorju komuni għad-data rilevanti kollha dwar il-bini, inkluża data relatata mar-rendiment fl-użu tal-enerġija bħaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, il-passaporti ta’ rinnovazzjoni u l-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza, kif ukoll data relatata mal-GWPċ-tul iċ-ċiklu tal-ħajja, li jiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni, u fost is-sidien u l-okkupanti tal-bini, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-korpi pubbliċi;

(42) 

“sistema ta’ arja kkondizzjonata” tfisser numru ta’ komponenti magħqudin li jkunu meħtieġa biex tkun ipprovduta forma ta’ trattament tal-arja interna, li permezz tagħhom it-temperatura hija kkontrollata jew tista’ titbaxxa;

(43) 

“sistema tat-tisħin” tfisser taħlita tal-komponenti meħtieġa biex tkun ipprovduta forma ta’ trattament tal-arja interna, li permezz tagħha tiżdied it-temperatura;

(44) 

“sistema ta’ ventilazzjoni” tfisser is-sistema teknika tal-bini li tipprovdi arja ta’ barra li xi spazju permezz ta’ modi naturali jew mekkaniċi;

(45) 

“ġeneratur tas-sħana” tfisser il-parti ta’ sistema tat-tisħin li tiġġenera sħana utli għall-użi identifikati fl-Anness I, bl-użu ta’ wieħed jew aktar mill-proċessi li ġejjin:

(a) 

il-kombustjoni ta’ fjuwils, pereżempju, f’bojler;

(b) 

l-effett Joule, li jseħħ fl-elementi tat-tisħin ta’ sistema tat-tisħin b’reżistenza elettrika;

(c) 

il-ġbir ta’ sħana mill-arja ambjentali, mill-arja tal-egżost tal-ventilazzjoni, jew mill-ilma jew minn sors ta’ sħana ta’ taħt l-art bl-użu ta’ pompa tas-sħana;

(46) 

“ġeneratur tat-tkessiħ” tfisser parti minn sistema tal-arja kundizzjonata li tiġġenera tkessiħ utli għall-użi identifikati fl-Anness I;

(47) 

“kuntratt għar-rendiment tal-enerġija” tfisser kuntratt għar-rendiment tal-enerġija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (33) tad-Direttiva (UE) 2023/1791;

(48) 

“bojler” tfisser il-qafas tal-bojler ikkumbinat mal-unità tal-ħruq li ġew iddisinjati biex flimkien jittrażmettu s-sħana li tinħoloq bil-ħruq u tiġi trażmessa fil-fluwidi;

(49) 

“saħħa effettiva” tfisser l-ogħla saħħa kalorifika, espress f’ kW speċifikata u ggarantita mill-manifattur bħala dik li toħroġ waqt tħaddim kontinwu b’konformita’ mal-effiċjenza utilizzabbli indikata mill-manifattur;

(50) 

“tisħin distrettwali” jew “tkessiħ distrettwali” tfisser id-distribuzzjoni ta’ enerġija termika f’forma ta’ fwar, ilma sħun jew likwidi mkessħin, minn sors ta’ produzzjoni ċentrali jew diċentralizzat permezz ta’ network lill-bini jew siti multipli, għall-użu ta’ tisħin jew tkessiħ ta’ spazju jew proċess;

(51) 

“erja utli tal-art” tfisser l-erja tal-art ta’ bini meħtieġa bħala parametru biex jiġu kkwantifikati l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu li huma espressi għal kull unità tal-erja tal-art u għall-applikazzjoni tas-simplifikazzjonijiet u r-regoli tat-tqassim f’żoni jew tar-riallokazzjoni;

(52) 

“erja tal-art ta’ referenza” tfisser l-erja tal-art użata bħala daqs ta’ referenza għall-valutazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini, ikkalkulata bħala s-somma tal-erjas utli tal-art tal-ispazji fl-involukru tal-bini speċifikat għall-valutazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

(53) 

“konfini tal-valutazzjoni” tfisser il-konfini fejn titkejjel jew tiġi kkalkulata l-enerġija kkonsenjata u esportata;

(54) 

“fuq il-post” tfisser f’bini partikolari jew fuqu jew fuq l-art li fuqha jinsab dak il-bini;

(55) 

“enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta fil-qrib” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta f’perimetru fil-livell lokali jew distrettwali tal-bini partikolari, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

tista’ titqassam u tintuża biss f’dak il-perimetru fil-livell lokali u distrettwali permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni ddedikat;

(b) 

tippermetti l-kalkolu ta’ fattur speċifiku tal-enerġija primarja validu biss għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta f’dak il-perimetru fil-livell lokali jew distrettwali; u

(c) 

tista’ tintuża fuq il-post permezz ta’ konnessjoni ddedikata mas-sors tal-produzzjoni tal-enerġija, fejn dik il-konnessjoni ddedikata tirrikjedi tagħmir speċifiku għall-provvista sikura u l-metraġġ tal-enerġija għall-użu proprju tal-bini;

(56) 

“servizzi relatati mar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija” jew “servizzi EPB” tfisser is-servizzi, bħat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni, l-ilma sħun domestiku u d-dawl u oħrajn li għalihom l-użu tal-enerġija jitqies fil-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija;

(57) 

“ħtiġijiet tal-enerġija” tfisser l-enerġija li trid titwassal lil, jew tiġi estratta minn, spazju kkundizzjonat biex jinżammu l-kundizzjonijiet tal-ispazju maħsuba matul perjodu ta’ żmien partikolari mingħajr ma jitqiesu l-ineffiċjenzi ta’ kwalunkwe sistema teknika użata fil-bini;

(58) 

“użu tal-enerġija” jew “konsum tal-enerġija” tfisser input tal-enerġija għal sistema teknika użata fil-bini li tipprovdi servizz EPBP maħsub biex jissodisfa ħtieġa ta’ enerġija;

(59) 

“użu proprju” tfisser l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta fuq il-post jew enerġija minn sorsi rinnovabbli prodotta fil-qrib minn sistemi tekniċi fuq il-post għal servizzi EPB;

(60) 

“użi oħra fuq il-post” tfisser użi fuq il-post għajr servizzi EPB, inkluż tagħmir, tagħbijiet mixxellanji u anċillari, jew punti tal-irriċarġjar tal-elettromobbiltà;

(61) 

“intervall tal-kalkolu” tfisser l-intervall ta’ ħin diskret użat għall-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

(62) 

“enerġija fornuta” tfisser enerġija, espressa għal kull vettur tal-enerġija, fornuta lis-sistemi tekniċi tal-bini permezz tal-konfini tal-valutazzjoni, biex tissodisfa l-użi meqjusa jew biex tipproduċi l-enerġija esportata;

(63) 

“enerġija esportata” tfisser il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli, espress għal kull vettur tal-enerġija u għal kull fattur tal-enerġija primarja, li jiġi esportat lejn il-grilja tal-enerġija minflok ma jintuża fuq il-post għall-użu proprju jew għal użi oħra fuq il-post.

(64) 

“spazju għall-parkeġġ tar-roti” tfisser spazju deżinjat għall-parkeġġ ta’ mill-inqas rota waħda;

(65) 

“parkeġġ fiżikament maġenb bini” tfisser parkeġġ tal-karozzi li huwa maħsub għar-residenti, għall-viżitaturi, jew għall-ħaddiema ta’ binja u li jinsab fiż-żona tal-proprjetà tal-bini jew jinsab fil-viċinanza diretta tal-bini;

(66) 

“kwalità ambjentali interna” tfisser ir-riżultat ta’ valutazzjoni tal-kundizzjonijiet ġewwa bini li jinfluwenzaw is-saħħa u l-benesseri tal-okkupanti tiegħu, bbażata fuq parametri bħal dawk relatati mat-temperatura, l-umdità, ir-rata ta’ ventilazzjoni u l-preżenza ta’ kontaminanti,.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 24.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L1275
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.