+ANNESS I ATTIVITAJIET

ANNESS I ATTIVITAJIET

ANNESS I

ATTIVITAJIET

L-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jitwettqu fil-Programm Euratom 2026-2027 kollu, skont il-linji ġenerali tal-attività deskritti f’dan l-Anness. Bit-twettiq ta’ dawk l-objettivi speċifiċi, il-Programm Euratom 2026-2027 jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Euratom (1) u jsaħħaħ l-isforzi ta’ riċerka tagħhom u tas-settur privat. Jenħtieġ li dawk l-objettivi speċifiċi jikkontribwixxu biex tinżamm u tkompli tiżviluppa t-tmexxija teknoloġika fil-qasam nukleari.

Biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2), il-Programm Euratom 2026-2027 ser jappoġġa attivitajiet trażversali li jiżguraw is-sinerġija ta’ sforzi ta’ riċerka biex jingħelbu l-isfidi komuni. Ser ikunu żgurati rabtiet u interfaċċi xierqa, bħal sejħiet konġunti ma’ Orizzont Ewropa. L-attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni relatati jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-appoġġ finanzjarju tal-fondi skont ir-Regolament (UE) 2021/1060, dment li dan ikun konformi mal-objettivi u r-regolamenti ta’ dawk il-fondi.

Fost l-attivitajiet elenkati f’dan l-Anness hemm il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka nukleari u l-innovazzjoni għal użi paċifiċi, abbażi tal-għanijiet komuni u l-fiduċja reċiproka biex jinkisbu benefiċċji ċari u sinifikanti għall-Unjoni, u għaċ-ċittadini u l-ambjent tagħha. Dan jinkludi l-kooperazzjoni internazzjonali permezz ta’ oqfsa multilaterali. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), bħala l-Aġent Implimentattiv tal-Euratom rikonoxxut formalment għall-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV (GIF) (2) ser ikompli jiffaċilita u jikkoordina l-kontribut u l-parteċipazzjoni tal-Komunità tal-Euratom fl-attivitajiet tar-riċerka u t-taħriġ tal-GIF. Il-kontribut għall-attivitajiet tal-GIF fl-ambitu tal-Programm Euratom 2026-2027 huwa ffukat fuq ir-riċerka u l-attivitajiet ta’ taħriġ dwar is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, is-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni li huma speċifiċi għas-sistemi tal-Ġenerazzjoni IV.

Kwalunkwe attività ġdida assenjata lill-JRC għandha tiġi analizzata mill-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC biex tkun ivverifikata l-konsistenza tagħha mal-attivitajiet eżistenti fl-Istati Membri u biex tkun evitata d-duplikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp nukleari fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz tal-programm ta’ ħidma rilevanti tal-Programm Euratom 2026-2027, li tkompli tiffinanzja l-għotjiet mogħtija permezz tar-Regolament (Euratom) 2021/765.

Il-prijoritajiet tal-programmi ta’ ħidma għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi ta’ kontributi mingħand awtoritajiet pubbliċi, partijiet ikkonċernati fil-qasam tar-riċerka nukleari u kwalunkwe organizzazzjoni jew forum rilevanti ta’ partijiet ikkonċernati fil-qasam nukleari.

Ir-riċerka u t-taħriġ fl-oqsma li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament mill-Programm Euratom 2026-2027:

(a)

it-titjib u l-appoġġ għas-sikurezza, is-sigurtà, u s-salvagwardji nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv u d-dekummissjonar, inkluż l-użu sikur u sigur tal-enerġija nukleari u ta’ applikazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u mhux tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-radjazzjoni jonizzanti (3):

(i)

sikurezza nukleari: is-sikurezza tas-sistemi tar-reatturi u taċ-ċikli tal-fjuwil, li jintużaw fil-Komunità jew, sa kemm ikun meħtieġ, biex jinżamm għarfien espert wiesgħa dwar is-sikurezza nukleari fil-Komunità, dawk it-tipi ta’ reatturi u ċ-ċikli kollha tal-fjuwil tagħhom, bħal segregazzjoni u trażmutazzjoni, li jistgħu jintużaw fil-futur;

(ii)

ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv: il-ġestjoni u b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ qabel ir-rimi u tar-rimi tal-iskart radjuattiv intermedju, ta’ livell għoli u b’ħajja twila u l-fjuwil nukleari użat, u ta’ flussi u tipi oħra ta’ skart radjuattiv li għalihom proċessi maturi industrijalment bħalissa għadhom ma jeżistux jew jistgħu jittejbu; it-tnaqqis għall-minimu tal-iskart radjuattiv u t-tnaqqis tar-radjutossiċità ta’ dan l-iskart; il-ġestjoni u t-trasferiment tal-għarfien u l-kompetenzi bejn il-ġenerazzjonijiet u bejn il-programmi tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat;

(iii)

dekummissjonar: ir-riċerka għall-iżvilupp u l-evalwazzjoni ta’ teknoloġiji għad-dekummissjonar u r-rimedju ambjentali tal-faċilitajiet nukleari; l-appoġġ għall-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki u għarfien dwar id-dekummissjonar;

(iv)

applikazzjonijiet tax-xjenza nukleari u tar-radjazzjoni jonizzanti, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, it-tħejjija f’każ ta’ emerġenza:

—

applikazzjonijiet tax-xjenza nukleari u teknoloġiji tar-radjazzjoni jonizzanti f’oqsma mediċi, industrijali u ta’ riċerka oħra;

—

l-effetti u r-riskji ta’ dożi baxxi minn esponiment industrijali, mediku jew ambjentali;

—

it-tħejjija f’każ ta’ emerġenza għal inċidenti li jinvolvu r-radjazzjoni, u riċerka dwar ir-radjuekoloġija;

—

il-provvista u l-użu siguri u sikuri ta’ isotopi radjuattivi;

—

il-mudelli għat-tixrid tar-radjazzjoni fl-ambjent, u l-appoġġ għall-iskambju tad-data, is-sistemi tat-twissija u kooperazzjoni dwar tekniki tal-kejl (4) (jiġu implimentati b’azzjonijiet diretti);

(v)

is-sigurtà, is-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni nukleari (jiġu implimentati b’azzjonijiet diretti):

—

metodi u teknoloġija għall-appoġġ u t-tisħiħ tas-salvagwardji tal-Komunità u internazzjonali;

—

appoġġ u taħriġ operazzjonali għas-sistema tas-salvagwardji tal-Euratom;

—

appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni fil-qasam tas-salvagwardji nukleari inkluż appoġġ għat-tisħiħ tar-reġim tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-Unjoni;

—

riċerka u appoġġ għat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari u radjoloġika fil-kuntest tal-qafas globali CBRN (Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku, Nukleari) u strateġiji relatati tal-Unjoni;

—

metodi u teknoloġija għad-detezzjoni ta’ materjali nukleari u radjuattivi barra mill-kontroll regolatorju u l-prevenzjoni tal-inċidenti li jinvolvu materjali bħal dawn, inkluż il-forensika nukleari, u r-risponsi għalihom;

—

appoġġ għall-bini tal-kapaċità dwar is-sigurtà nukleari bl-użu taċ-Ċentru Ewropew tat-Taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari;

(b)

jinżamm u jitkompla l-iżvilupp ta’ għarfien espert u kompetenza fil-qasam nukleari fil-Komunità:

(i)

edukazzjoni, taħriġ u mobbiltà, inkluż l-iskemi ta’ edukazzjoni u taħriġ bħall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie;

(ii)

il-promozzjoni tal-innovazzjoni, il-ġestjoni tal-għarfien, id-disseminazzjoni u l-isfruttament tax-xjenza u t-teknoloġija nukleari, b’mod partikolari għas-sikurezza, is-sigurtà, u s-salvagwardji nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni;

(iii)

appoġġ għat-trasferiment tat-teknoloġija mir-riċerka għall-industrija;

(iv)

appoġġ għat-tħejjija u l-iżvilupp ta’ kapaċità industrijali tal-fużjoni Ewropea kompetittiva;

(v)

appoġġ għall-forniment, id-disponibbiltà u l-aċċess xieraq għal infrastrutturi tar-riċerka Ewropej u internazzjonali, inkluż infrastrutturi tal-JRC (5);

(vi)

għat-trawwim tax-xjenza nukleari bħala bażi biex tiġi appoġġata l-istandardizzazzjoni, l-azzjonijiet diretti ser jipprovdu data ta’ referenza, materjali u kejl tal-aqwa żvilupp tekniku relatati mas-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari, kif ukoll applikazzjonijiet oħra bħall-mediċina nukleari;

(c)

trawwim tal-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni u kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali Ewropew:

dwar il-fużjoni Sħubija Ewropea kofinanzjata fir-riċerka fil-fużjoni ser timplimenta l-pjan direzzjonali għall-mira tal-produzzjoni tal-elettriku mill-fużjoni sat-tieni nofs ta’ dan is-seklu. Dan jista’ jinkludi, fost l-oħrajn:

(i)

sfruttament tal-faċilitajiet tal-fużjoni eżistenti u futuri, inkluż l-allokazzjoni ta’ għotjiet operattivi għal infrastrutturi tar-riċerka dwar il-fużjoni meta jkun xieraq;

(ii)

it-tħejjija għal impjanti tal-enerġija mill-fużjoni futuri permezz tar-riċerka u l-iżvilupp tal-aspetti kollha rilevanti inkluż il-materjali, it-teknoloġiji u d-disinji;

(iii)

l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ edukazzjoni u taħriġ iffokat flimkien mal-attivitajiet taħt il-punt (b)(i);

(iv)

koordinazzjoni tal-attivitajiet komuni mal-Impriża Konġunta Fużjoni għall-Enerġija;

(v)

kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni ITER;

(vi)

kollaborazzjoni xjentifika fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali tal-Euratom.

Is-Sħubija Ewropea Kofinanzjata fil-fużjoni ser tiġi implimentata b’għotja li ser tingħata lill-entitajiet legali stabbiliti jew magħżula mill-Istati Membri u kwalunkwe pajjiż terz assoċjat mal-Programm Euratom 2026-2027. L-għotja tista’ tinkludi riżorsi in natura mill-Komunità, jew l-issekondar ta’ persunal tal-Kummissjoni.

Finanzjament addizzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-fużjoni jista’ jingħata permezz ta’ sejħiet għall-proposti;

(d)

appoġġ għall-politika tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha dwar is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari;

l-azzjonijiet diretti ser jappoġġaw il-politika dwar is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti billi jipprovdu evidenza u għarfien espert xjentifiċi u tekniċi indipendenti.


(1)  B’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit (ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/117/oj); id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/71/oj); id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom; id-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom tat-22 ta’ Ottubru 2013 li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 296, 7.11.2013, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/51/oj); id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/59/oj) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2016/52 tal-15 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta’ kontaminazzjoni radjuattiva ta’ ikel u għalf wara inċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika, u li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 u (Euratom) Nru 770/90 (ĠU L 13, 20.1.2016, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/52/oj).

(2)  F’konformità mal-Artikolu III.2 tal-Ftehim Qafas għall-Kollaborazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka u l-Iżvilupp ta’ Sistemi tal-Enerġija Nukleari tal-Ġenerazzjoni IV.

(3)  Minbarra s-sigurtà, is-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni nukleari, dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu implimentati b’azzjonijiet diretti u indiretti.

(4)  L-Artikoli 35, 36, 38 tat-Trattat Euratom; id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1987/600/oj).

(5)  Abbażi tal-pjan ta’ investiment kontinwu għall-infrastrutturi tal-JRC.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 03.07.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R1304
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.