|
+ANNESS II |
ANNESS II
ANNESS II PARAMETRI REFERENZJARJI TAL-KOMODITAJIET Metodoloġija 1. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jifformalizza, jiddokumenta, u jippubblika kwalunkwe metodoloġija li l-amministratur juża għall-kalkolu ta' parametru referenzjarju. Bħala minimu, tali metodoloġija għandha tinkludi u tiddeskrivi dawn li ġejjin:
(a)
il-kriterji u l-proċeduri kollha li jintużaw biex jiġi żviluppat il-parametru referenzjarju, inkluż kif l-amministratur juża data tal-input inkluż il-volum speċifiku, it-tranżazzjonijiet konklużi u rapportati, offerti ta' prezz jew offerti ta' akkwist u kwalunkwe informazzjoni oħra dwar is-suq fil-valutazzjoni tiegħu jew fil-perjodi jew l-intervalli tal-valutazzjoni, għaliex tintuża unità speċifika ta' referenza, kif l-amministratur jiġbor din id-data tal-input, il-linji gwida li jikkontrollaw l-eżerċizzju tal-ġudizzju mill-valutaturi u kwalunkwe informazzjoni oħra, bħal preżunzjonijiet, mudelli jew estrapolazzjonijiet minn data miġbura, li jitqiesu biex issir il-valutazzjoni;
(b)
il-proċeduri u l-prassi li huma maħsuba biex jiżguraw konsistenza bejn il-valutaturi tiegħu fl-eżerċizzju tagħhom ta' ġudizzju;
(c)
l-importanza relattiva li tingħata lil kull kriterju użat fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju, b'mod partikolari t-tip ta' data tal-input użata, u t-tip ta' kriterju użat biex jiggwida l-ġudizzju sabiex tiġi żgurata l-kwalità u l-integrità tal-kalkolu tal-parametru referenzjarju;
(d)
kriterji biex jiġi identifikat l-ammont minimu ta' data tat-tranżazzjonijiet meħtieġ għall-kalkolu ta' parametru referenzjarju partikolari. Jekk dan il-limitu ma jiġix previst, jingħataw ir-raġunijiet għaliex mhuwiex stabbilit limitu minimu, inkluż l-istipular tal-proċeduri li għandhom jintużaw fejn l-ebda data tat-transazzjonijiet teżisti;
(e)
kriterji li jindirizzaw il-perjodi tal-valutazzjoni fejn id-data sottomessa tkun taħt il-limitu tad-data tat-tranżazzjonijiet rakkomandat tal-metodoloġija jew l-istandards ta' kwalità mitluba mill-amministratur, inkluż kwalunkwe metodu alternattiv ta' valutazzjoni inklużi mudelli teoretiċi ta' stima. Dawk il-kriterji għandhom jispjegaw il-proċeduri li għandhom jintużaw fejn ma tkun teżisti l-ebda data tat-tranżazzjonijiet;
(f)
kriterji għall-puntwalità fil-kontribuzzjonijiet tad-data tal-input u l-mezzi għal dawn il-kontribuzzjonijiet ta' data tal-input kemm jekk elettronikament, bit-telefown jew b'mod ieħor;
(g)
kriterji u proċeduri li jindirizzaw il-perjodi tal-valutazzjoni fejn kontributur wieħed jew aktar jissottometti data tal-input li tikkostitwixxi proporzjon sinifikanti mid-data tal-input totali għal dak il-parametru referenzjarju. L-amministratur għandu jiddefinixxi wkoll f'dawk il-kriterji u l-proċeduri dak li jikkostitwixxi proporzjon sinifikanti għal kull kalkolu ta' parametru referenzjarju;
(h)
kriterji li permezz tagħhom id-data tat-tranżazzjonijiet tista' tiġi eskluża mill-kalkolu ta' parametru referenzjarju. 2. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jippubblika jew jagħmel disponibbli l-elementi ewlenin tal-metodoloġija li l-amministratur juża għal kull parametru referenzjarju tal-komoditajiet fornit u ppubblikat jew, meta jkun applikabbli, għal kull familja ta' parametri referenzjarji forniti u ppubblikati. 3. Flimkien mal-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 2, l-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiddeskrivi u jippubblika wkoll dawn kollha li ġejjin:
(a)
ir-raġunijiet tal-adozzjoni ta' metodoloġija partikulari, inkluż kwalunkwe tekniki ta' aġġustament fil-prezz u ġustifikazzjoni għall-perjodu ta' żmien jew intervall li fih huwa aċċettat li d-data tal-input tkun indikatur affidabbli tal-valuri fiżiċi tas-suq;
(b)
il-proċedura għal rieżami u approvazzjoni interni ta' metodoloġija partikolari, kif ukoll il-frekwenza ta' tali rieżami; u
(c)
il-proċedura għal rieżami estern ta' metodoloġija partikolari, inklużi l-proċeduri biex tinkiseb l-aċċettazzjoni fis-suq tal-metodoloġija permezz ta' konsultazzjoni mal-utenti dwar bidliet importanti fil-proċessi tal-kalkolu tagħhom tal-parametru referenzjarju. Bidliet fil-metodoloġija 4. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jadotta u jippubblika lill-utenti proċeduri espliċiti u r-raġunijiet għal kwalunkwe bidla materjali proposta fil-metodoloġija tiegħu. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu konsistenti mal-għan prevalenti li amministratur irid jiżgura l-integrità kontinwa tal-kalkoli tal-parametru referenzjarju tiegħu u jimplimenta bidliet għal mod korrett għas-suq partikolari li miegħu huma marbuta dawn il-bidliet. Dawn il-proċeduri jipprevedu:
(a)
avviż bil-quddiem f'perjodu ta' żmien ċar li jagħti lill-utenti opportunità biżżejjed biex janalizzaw u jikkummentaw dwar l-impatt ta' dawn il-bidliet proposti, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kumplessivi tal-kalkolu tal-amministratur;
(b)
li l-kummenti tal-utenti, u tweġiba mingħand l-amministratur għal dawk il-kummenti, isiru disponibbli għall-utenti kollha tas-suq wara kwalunkwe perjodu ta' konsultazzjoni, ħlief jekk il-kummentatur ikun talab il-kunfidenzjalità. 5. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jeżamina regolarment il-metodoloġiji tiegħu bil-għan li jiġi żgurat li dawn jirriflettu b'mod kredibbli s-suq fiżiku li qed jiġi vvalutat u għandu jinkludi proċess biex jitqiesu l-opinjonijiet tal-utenti rilevanti. Kwalità u integrità l-kalkoli tal-parametru referenzjarju 6. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu:
(a)
jispeċifika l-kriterji li jiddefinixxu l-komodità fiżika li hija s-suġġett ta' metodoloġija partikulari;
(b)
jagħti prijorità lid-data tal-input fl-ordni li ġejja, fejn konsistenti mal-metodoloġiji tiegħu:
(i)
tranżazzjonijiet konklużi u rappurtati;
(ii)
offerti ta' prezz u offerti ta' akkwist;
(iii)
informazzjoni oħra. Jekk tranżazzjonijiet konklużi u rappurtati ma jingħatawx prijorità, ir-raġunijiet għandhom jiġu spjegati kif meħtieġ fil-punt 7(b).
(c)
juża biżżejjed miżuri maħsuba biex jużaw data tal-input sottomessa u meqjusa fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju, li hija in bona fide, li jfisser li l-partijiet li ssottomettew id-data tal-input ikunu wettqu, jew ikunu lesti jwettqu tranżazzjonijiet li jiġġeneraw tali data tal-input u li t-tranżazzjonijiet konklużi kienu eżegwiti b'mod distakkat bejniethom u tingħata attenzjoni partikolari għal tranżazzjonijiet bejn affiljati;
(d)
jistabbilixxu u jużaw proċeduri biex jidentifikaw data anomala jew suspettuża tat-tranżazzjonijiet u jżommu rekords ta' deċiżjonijiet biex jeskludu data tat-tranżazzjonijiet mill-proċess tal-kalkolu tal-parametru referenzjarju tal-amministratur;
(e)
jinkoraġġixxu lill-kontributuri jissottomettu d-data tal-input kollha tagħhom li taqa' taħt il-kriterji tal-amministratur għal dak il-kalkolu. L-amministraturi għandhom ifittxu, sa fejn ikunu jistgħu u huwa raġonevoli, li jiżguraw li d-data tal-input sottomessa tkun rappreżentattiva tat-tranżazzjonijiet attwali konklużi tal-kontributuri; u
(f)
jużaw sistema ta' miżuri xierqa biex jiżguraw li l-kontributuri jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità applikabbli tal-amministratur u ma' standards ta' integrità għad-data tal-input. 7. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiddeskrivi u jippubblika għal kull kalkolu, sal-punt raġonevoli mingħajr ma jikkomprometti l-pubblikazzjoni dovuta tal-parametru referenzjarju:
(a)
spjegazzjoni qasira, biżżejjed biex tiffaċilita l-fehim tal-abbonat jew tal-awtorità kompetenti tal-parametru referenzjarju dwar kif ġie żviluppat il-kalkolu, fosthom, bħala minimu, id-daqs u l-likwidità tas-suq fiżiku li qed jiġi vvalutat (bħall-għadd u l-volum tat-tranżazzjonijiet sottomessi), il-firxa u l-volum medju u l-firxa u l-medja tal-prezz, u l-perċentwali indikattivi ta' kull tip ta' data tal-input li ġiet meqjusa fil-kalkolu; termini li jirreferu għall-metodoloġija tal-ipprezzar jiġu inklużi bħal “ibbażati fuq it-tranżazzjonijiet”, “ibbażati fuq il-firxa” jew “interpolati/estrapolati”; u
(b)
spjegazzjoni qasira ta' sa fejn, u l-bażi li fuqha intuża fi kwalunkwe ġudizzju li jinkludi l-esklużjonijiet ta' data li mill-bqija kkonformat mar-rekwiżiti tal-metodoloġija rilevanti għal dak il-kalkolu, filwaqt li jibbaża l-prezzijiet fuq firxiet jew interpolazzjoni, estrapolazzjoni, jew ponderazzjoni ta' prezz tal-offerti jew offerti ta' akkwist ogħla mit-tranżazzjonijiet konklużi, jekk ikun hemm. Integrità tal-proċess ta' rappurtar 8. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu:
(a)
jispeċifika l-kriterji li jiddefinixxu min jista' jissottometti data tal-input lill-amministratur;
(b)
ikollu fis-seħħ proċeduri tal-kontroll tal-kwalità biex jevalwa l-identità ta' kontributur u kwalunkwe sottomettent li jirrapporta data tal-input u l-awtorizzazzjoni ta' tali sottomettent biex tirrapporta data tal-input f'isem il-kontributur;
(c)
jispeċifika l-kriterji applikati lill-impjegati ta' kontributur li jistgħu jissottomettu data tal-input lil amministratur f'isem kontributur; jinkoraġġixxi lill-kontributuri jissottomettu data tat-transazzjonijiet mill-funzjonijiet back office u jfittex data ta' korroborazzjoni minn sorsi oħra fejn id-data tat-tranżazzjonijiet tasal direttament mingħand operatur tas-suq; u
(d)
jimplimenta kontrolli interni u proċeduri bil-miktub biex jidentifika komunikazzjonijiet bejn kontributuri u valutaturi li jippruvaw jinfluwenzaw kalkolu għall-benefiċċju ta' xi pożizzjoni kummerċjali (kemm jekk tal-kontributur, l-impjegati tiegħu jew kwalunkwe parti terza), tentattiv biex valutatur jikser ir-regoli jew il-linji gwida tal-amministratur jew jiġu identifikati kontributuri li jinvolvu ruħhom f'sekwenza ta' sottomissjonijiet anomali jew data tat-tranżazzjonijiet suspettuża. Dawn il-proċeduri għandhom jinkludu, sa fejn possibbli, provvediment għall-eskalazzjoni tal-inkjesta mill-amministratur fil-kumpanija tal-kontributur. Il-kontrolli jinkludu indikaturi ta' kontroverifika mis-suq biex tiġi vvalidata l-informazzjoni sottomessa. Valutaturi 9. Fir-rigward tar-rwol ta' valutatur, l-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu:
(a)
jadotta u jkollu fis-seħħ regoli u linji gwida interni espliċiti għall-għażla tal-valutaturi, inkluż il-livell minimu ta' taħriġ, esperjenza u ħiliet tagħhom, kif ukoll il-proċess għar-rieżami perjodiku tal-kompetenza tagħhom;
(b)
ikollu fis-seħħ arranġamenti sabiex jiżgura li jkunu jistgħu jsiru l-kalkoli fuq bażi konsistenti u regolari;
(c)
jippjana għall-kontinwità u s-suċċessjoni fir-rigward tal-valutaturi tiegħu sabiex ikun żgurat li l-kalkoli jsiru b'mod konsistenti u minn impjegati li jkollhom livelli ta' għarfien espert rilevanti; u
(d)
jistabbilixxi proċeduri ta' kontroll intern sabiex tiġi żgurata l-integrità u l-kredibbiltà tal-kalkoli. Bħala minimu, dawn il-kontrolli u l-proċeduri interni għandhom jeħtieġu superviżjoni kontinwa tal-valutaturi biex jiżguraw li l-metodoloġija ġiet applikata b'mod xieraq u proċeduri għall-iffirmar intern minn superviżur qabel ma l-prezzijiet ikunu jistgħu jiġu disseminati fis-suq. Rendikonti tal-Entrati 10. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jkollu regoli u proċeduri biex jiddokumenta kontemporanjament informazzjoni rilevanti, inkluż:
(a)
id-data tal-input kollha;
(b)
il-ġudizzji li jagħmlu l-valutaturi biex jaslu għall-kalkolu ta' kull parametru referenzjarju;
(c)
jekk kalkolu eskludiex tranżazzjoni partikolari, li mill-bqija kkonforma mar-rekwiżiti tal-metodoloġija rilevanti għal dak il-kalkolu, u r-raġunijiet għaliex għamel hekk;
(d)
l-identità ta' kull valutatur u ta' kwalunkwe persuna oħra li ssottomettiet jew inkella ġġenerat kwalunkwe informazzjoni fil-punti (a), (b) jew (c). 11. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jkollu regoli u proċeduri stabbiliti sabiex ikun żgurat li rendikont tal-entrati tal-informazzjoni rilevanti jinżamm tal-anqas għal ħames snin sabiex jiddokumenta l-kostruzzjoni tal-kalkoli tiegħu. Kunflitti ta' Interess 12. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jistabbilixxi politiki u proċeduri adegwati għall-identifikazzjoni, id-divulgazzjoni, il-ġestjoni, jew il-mitigazzjoni u l-evitar ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess u l-protezzjoni tal-integrità u l-indipendenza tal-kalkoli. Dawk il-politiki u l-proċeduri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment u għandhom:
(a)
jiżguraw li l-kalkoli ta' parametru referenzjarju ma jkunux influwenzati bl-eżistenza, jew bil-potenzjal, ta' relazzjoni jew interess kummerċjali jew ta' negozju personali bejn l-amministratur jew l-affiljati tiegħu, il-persunal tiegħu, il-klijenti, kwalunkwe parteċipant tas-suq jew persuni marbuta magħhom;
(b)
jiżguraw li l-interessi personali u l-konnessjonijiet kummerċjali tal-persunal tal-amministratur ma jitħallewx jikkompromettu l-funzjonijiet tal-amministratur, inkluż lil hinn mill-impjieg, fl-ivvjaġġar u billi jiġu aċċettati divertiment, rigali u ospitalità provduti mill-klijenti tal-amministratur jew minn parteċipanti oħra fis-suq tal-komoditajiet;
(c)
jiżguraw, fir-rigward tal-kunflitti identifikati, segregazzjoni xierqa tal-funzjonijiet fl-amministratur permezz ta' superviżjoni, kumpens, sistemi ta' aċċess u flussi tal-informazzjoni;
(d)
jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sottomessa lill-amministratur, jew prodotta minnu, soġġetta għall-obbligi tad-divulgazzjoni tal-amministratur;
(e)
jipprojbixxu lill-maniġers, lill-valutaturi u lil impjegati oħra tal-amministratur milli jikkontribwixxu għal kalkolu ta' parametru referenzjarju permezz ta' involviment f'offerti ta' prezz jew f'offerti ta' akkwist u tranżazzjonijiet, kemm fuq bażi personali kif ukoll f'isem xi parteċipanti tas-suq; u
(f)
effettivament jindirizzaw kwalunkwe kunflitt ta' interess identifikat li jista' jeżisti bejn il-forniment mill-amministratur tal-parametru referenzjarju (inklużi l-impjegati kollha li jwettqu jew b'xi mod jipparteċipaw fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju), u kwalunkwe operat ieħor tal-amministratur. 13. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiżgura li l-operazzjonijiet kummerċjali l-oħra tiegħu jkollhom fis-seħħ proċeduri u mekkaniżmi xierqa maħsuba biex jimminimizzaw il-probabbiltà li kunflitt ta' interess jaffettwa l-integrità tal-kalkoli tal-parametru referenzjarju. 14. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ il-linji ta' rapportar mifruda bejn il-maniġers, il-valutaturi u impjegati oħra tiegħu u mill-maniġers sal-ogħla livell ta' maniġment tal-amministratur u l-bord tiegħu biex jiżgura:
(a)
li l-amministratur jimplimenta b'mod sodisfaċenti r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament; u
(b)
li r-responsabbiltajiet huma definiti b'mod ċar u ma jkunux f'kunflitt jew jikkawżaw perċezzjoni ta' kunflitt. 15. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jiddivulga mal-utenti tiegħu kunflitt ta' interess li jirriżulta mis-sjieda tal-amministratur malli jsir jaf bih. Ilmenti 16. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jkollu fis-seħħ u jippubblika politika dwar l-immaniġġar tal-ilmenti li tistabbilixxi proċeduri biex jirċievi, jinvestiga u jżomm rekords dwar l-ilmenti li jsiru dwar il-proċess tal-kalkolu tal-amministratur. Tali mekkaniżmi ta' lment jiżguraw li:
(a)
l-abbonati tal-parametru referenzjarju jistgħu jressqu lmenti dwar jekk il-kalkolu ta' parametru referenzjarju speċifiku huwiex rappreżentattiv tal-valur tas-suq, it-tibdil propost fil-kalkolu ta' parametru referenzjarju, l-applikazzjonijiet ta' metodoloġija fir-rigward ta' kalkolu ta' parametru referenzjarju speċifiku u deċiżjonijiet editorjali oħra fir-rigward tal-proċessi ta' kalkolu ta' parametru referenzjarju;
(b)
jkun hemm fis-seħħ skeda fil-mira għall-immaniġġar tal-ilmenti;
(c)
ilmenti formali li jsiru kontra amministratur u l-persunal tiegħu jiġu investigati minn dak l-amministratur fil-waqt u b'mod ġust;
(d)
l-inkjesta titwettaq indipendentement minn kwalunkwe persunal li jista' jkun involut fis-suġġett tal-ilment;
(e)
l-amministratur jimmira li jlesti l-investigazzjoni tiegħu fl-iqsar żmien;
(f)
l-amministratur jinnotifika lill-ilmentatur u lil kwalunkwe parti rilevanti oħra dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni bil-miktub u fi żmien raġonevoli;
(g)
ikun hemm rikors għand parti terza indipendenti maħtura mill-amministratur, jekk xi lmentatur ma jkunx sodisfatt bil-mod kif ġie trattat ilment mill-amministratur rilevanti jew mid-deċiżjoni tal-amministratur f'sitwazzjoni mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta sar l-ilment oriġinali; u
(h)
id-dokumenti kollha dwar ilment, inklużi dawk sottomessi mill-ilmentatur kif ukoll ir-rekord tal-amministratur stess, jinżammu għal minimu ta' ħames snin. 17. Tilwim dwar determinazzjonijiet fl-ipprezzar ta' kuljum, li mhumiex ilmenti formali, jiġu riżolti mill-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet b'referenza għall-proċeduri standard xierqa tiegħu. Jekk ilment jirriżulta f'bidla fil-prezz, id-dettalji ta' dik il-bidla fil-prezz għandhom jiġu kkomunikati lis-suq mill-aktar fiss possibbli. Awditjar estern 18. L-amministratur ta' parametru referenzjarju tal-komoditajiet għandu jaħtar awditur estern indipendenti b'esperjenza xierqa u kapaċità biex jirrieżamina u jirrapporta dwar kemm l-amministratur qed isegwi l-metodoloġija dikjarata tiegħu mal-kriterji u mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. L-awditi għandhom isiru kull sena u jiġu ppubblikati tliet xhur wara li kull awditu jkun ikkompletat b'awditi interim ulterjuri mwettqa kif xieraq. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|