+Artikolu 12c Obbligazzjonijiet eliġibbli għal entitajiet ta' riżoluzzjoni
---+Artikolu 12c 1.
---+Artikolu 12c 2.
---+Artikolu 12c 3.
---+Artikolu 12c 4.
---+Artikolu 12c 5.
---+Artikolu 12c 6.
---+Artikolu 12c 7.
---+Artikolu 12c 8.
---+Artikolu 12c 9.

Artikolu 12c Obbligazzjonijiet eliġibbli għal entitajiet ta' riżoluzzjoni

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 12c 1.

Obbligazzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-ammont tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entitajiet ta' riżoluzzjoni biss meta dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli li ġejjin tar-Regolament (UE) Nru 575/2013:

(a) 

l-Artikolu 72a;

(b) 

l-Artikolu 72b, bl-eċċezzjoni tal-punt (d) tal-paragrafu 2; u

(c) 

Artikolu 72c.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fil-każ li dan ir-Regolament jirreferi għar-rekwiżiti fl-Artikolu 92a jew l-Artikolu 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l- għall-fini ta' dawk l-Artikoli, l-obbligazzjonijiet eliġibbli għandhom jikkonsistu f'obbligazzjonijiet eliġibbli kif definiti fl-Artikolu 72k ta' dak ir-Regolament u jiġu ddeterminati f'konformità mal-Kapitolu 5a tat-Titolu I tal-Parti II ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 12c 2.

Obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn strumenti tad-dejn b'derivattivi inkorporati, bħal noti strutturati, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, ħlief għall-punt (l) tal-Artikolu 72a(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandhom jiġu inklużi biss fl-ammont ta' fondi proprji u ta' obbligazzjonijiet eliġibbli meta tiġi ssodisfata xi waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-ammont prinċipali tal-obbligazzjoni li tirriżulta mill-istrument tad-dejn ikun magħruf fil-mument tal-ħruġ, ikun fiss jew qed jiżdied u mhux affettwat minn karatteristika ta' derivattiv inkorporat, u l-ammont totali tal-obbligazzjoni li tirriżulta mill-istrument tad-dejn, inkluż id-derivattiv inkorporat, jistgħu jiġu vvalutati fuq bażi ta' kuljum b'referenza għal suq bidirezzjonali attiv u likwidu għal strument ekwivalenti mingħajr riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikoli 104 u 105 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; jew

(b) 

l-istrument tad-dejn jinkludi terminu kuntrattwali li jispeċifika li l-valur tal-pretensjoni f'każijiet kemm ta' insolvenza tal-emittent kif ukoll tar-riżoluzzjoni tal-emittent huwa fiss jew jiżdied, u ma jeċċedix l-ammont inizjalment imħallas totalment tal-obbligazzjoni.

L-istrumenti tad-dejn imsemmija fl-ewwel subparagrafu, inkluż id-derivattivi inkorporati tagħhom, m'għandhomxikunu soġġetti għal xi ftehim ta' netting u l-valutazzjoni ta' tali strumenti m'għandhiex tkun soġġetta għall-Artikolu 49(3) tad-Direttiva 2014/59/UE.

L-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu inklużi biss fl-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli fir-rigward tal-parti tal-obbligazzjoni li tikkorrispondi għall-ammont prinċipali msemmi fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu jew għall-ammont fiss jew li qed jiżdied imsemmi fil-punt (b) ta' dak is-subparagrafu.

Artikolu 12c 3.

Fejn jinħarġu obbligazzjonijiet minn sussidjarja stabbilita fl-Unjoni għal xi azzjonist eżistenti li ma jkunx parti mill-istess grupp ta' riżoluzzjoni, u dik is-sussidjarja tkun parti mill-istess grupp ta' riżoluzzjoni bħall-entità ta' riżoluzzjoni, dawk l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta' dik l-entità ta' riżoluzzjoni dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

jinħarġu f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 12g(2);

(b) 

l-eżerċizzju tas-setgħat ta' valutazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni fir-rigward ta' dawk l-obbligazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 21 ma jaffettwax il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta' riżoluzzjoni;

(c) 

dawk l-obbligazzjonijiet ma jaqbżux ammont determinat mit-tnaqqis:

(i) 

is-somma tal-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità ta' riżoluzzjoni jew direttament inkella indirettament permezz ta' entitajiet oħra fl-istess grupp ta' riżoluzzjoni u l-ammont ta' fondi proprji maħruġa f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 12g(2) minn

(ii) 

l-ammont meħtieġ f'konformità mal-Artikolu 12g(1).

Artikolu 12c 4.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit minimu fl-Artikolu 12d(4) u fil-punt (a) tal-Artikolu 12e(1), il-Bord, fuq inizjattiva proprja tiegħu wara li jkun ikkonsulta mal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew fuq proposta minn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandu jiżgura li parti mir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12f daqs 8 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi fondi proprji, għandha tiġi ssodisfata minn entitajiet ta' riżoluzzjoni li huma GSIIs jew entitajiet ta' riżoluzzjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 12d(4) jew (5) bl-użu ta' fondi proprji, strumenti eliġibbli subordinati, jew obbligazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Il-Bord jista' jippermetti li livell aktar baxx minn 8 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi fondi proprji, tal-entità ta' riżoluzzjoni iżda ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-formula (1-X1/X2) × 8 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi fondi proprji, għandu jiġi ssodisfat minn entitajiet ta' riżoluzzjoni li huma GSIIs jew entitajiet ta' riżoluzzjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 12d(4) jew (5) bl-użu ta' fondi proprji, strumenti eliġibbli subordinati jew obbligazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, dment li jkunu ssodisfati kollha l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72b(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn, fid-dawl tat-tnaqqis li huwa possibbli skont l-Artikolu 72b(3) ta' dak ir-Regolament:

X1 = 3.5 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
X2 = l-ammont li jirriżulta mis-somma ta' 18 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kkalkulat f'konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u l-ammont tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata.

Għall-entitajiet ta' riżoluzzjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 12d(4), fejn l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu twassal għal rekwiżit 'il fuq minn 27 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju għall-entità ta' riżoluzzjoni kkonċernata, il-Bord għandu jillimita l-parti tar-rekwiżit imsemmija fl-Artikolu 12f li għandha tiġi ssodisfata bl-użu ta' fondi proprji, strumenti eliġibbli subordinati, jew obbligazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għal ammont daqt 27 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju jekk il-Bord ikun ivvaluta li:

(a) 

l-aċċess għall-Fond mhux meqjus bħala opzjoni biex tiġi riżolta dik l-entità ta' riżoluzzjoni fil-pjan ta' riżoluzzjoni; u

(b) 

fejn il-punt (a) ma japplikax, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12f jippermetti dik l-entità ta' riżoluzzjoni tissodisfa r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 27(7).

Meta jagħmel il-valutazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, il-Bord għandu jqis ukoll ir-riskju ta' impatt sproporzjonat fuq il-mudell kummerċjali tal-entità ta' riżoluzzjoni kkonċernata.

Għall-entitajiet ta' riżoluzzjoni soġġetti għall-Artikolu 12d(5), it-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma japplikax.

Artikolu 12c 5.

Għal entitajiet ta' riżoluzzjoni li la huma GSIIs u lanqas ma huma entitajiet ta' riżoluzzjoni soġġetti għall-Artikolu 12d(4) jew (5), il-Bord, jew fuq inizjattiva proprja tiegħu wara li jikkonsulta mal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew fuq proposta minn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, jista' jiddeċiedi li parti mir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12f sal-ogħla waħda mit-8 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi fondi proprji, tal-entità u l-formula msemmija fil-paragrafu 7 ta'dan l-Artikolu, għandha tiġi ssodisfata permezz tal-użu ta' fondi proprji, strumenti eliġibbli subordinati, jew obbligazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

obbligazzjonijiet mhux subordinati msemmija fil-paragrafi (1) u (2) ta' dan l-Artikolu għandhom l-istess klassifikazzjoni prijoritarja fil-ġerarkija nazzjonali tal-insolvenza bħal ċerti obbligazzjonijiet li huma esklużi mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' valutazzjoni negattiva u ta' konverżjoni skont l-Artikolu27(3) jew l-Artikolu 27(5);

(b) 

jeżisti r-riskju li, bħala riżultat ta' applikazzjoni ppjanata ta' setgħat ta' valutazzjoni negattiva u ta' konverżjoni lil obbligazzjonijiet mhux subordinati li mhumiex esklużi mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' valutazzjoni negattiva u ta' konverżjoni skont l-Artikolu 27(3) jew l-Artikolu 27(5), kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jirriżultaw minn dawk l-obbligazzjonijiet iġarrbu telf ikbar milli kieku jġarrbu fi stralċ taħt proċedimenti normali ta' insolvenza;

(c) 

l-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet subordinati oħra ma jaqbiżx l-ammont meħtieġ biex jiġi żgurat li l-kredituri msemmija fil-punt (b) ma għandhomx iġarrbu telf 'il fuq mil-livell tat-telf li altrimenti kienu jġarrbu fi stralċ taħt proċedimenti normali ta' insolvenza.

Fejn il-Bord jiddetermina li, fi ħdan klassi ta' obbligazzjonijiet li tinkludi obbligazzjonijiet eliġibbli, l-ammont tal-obbligazzjonijiet li huma esklużi jew hemm raġunijiet biex x'aktarx jiġu esklużi mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' valutazzjoni negattiva u ta' konverżjoni skont l-Artikoli 27(3) jew 27(5), jammonta għal iktar minn 10 % ta' dik il-klassi, il-Bord għandu jivvaluta r-riskju msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 12c 6.
Għall-finijiet tal-paragrafi 4, 5, u 7, l-obbligazzjonijiet derivattivi għandhom jiġu inklużi fl-obbligazzjonijiet totali, fuq il-bażi li jingħata rikonoxximent sħiħ lid-drittijiet ta' nettjar tal-kontroparti.

Il-fondi proprji ta' entità ta' riżoluzzjoni użati biex tikkonforma mar-rekwiżit ta' riżerva kombinata għandhom ikunu eliġibbli għal konformità mar-rekwiżit imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 7.

Artikolu 12c 7.

B'deroga mill-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Bord jista' jiddeċiedi li r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12f ta' dan ir-Regolament għandu jiġi ssodisfat minn entitajiet ta' riżoluzzjoni li huma GSIIs jew entitajiet ta' riżoluzzjoni soġġetti għall-Artikolu 12d(4) jew (5) ta' dan ir-Regolament bl-użu ta' fondi proprji, strumenti eliġibbli subordinati, jew obbligazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, sa fejn, minħabba l-obbligu tal-entitajiet ta' riżoluzzjoni li tikkonforma mar-rekwiżiti ta' riżerva kombinata msemmija fl-Artikolu 92a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Artikolu 12d(4) u l-Artikolu 12f ta' dan ir-Regolament, is-somma ta' dawk il-fondi proprji, strumenti u obbligazzjonijiet ma taqbiżx l-ogħla minn:

(a) 

8 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi fondi proprji, tal-entità; jew

(b) 

l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-formola A × 2 + B × 2 + C, fejn A, B u C huma l-ammonti li ġejjin:

A = l-ammont li jirriżulta mir-rekwiżit imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

B = l-ammont li jirriżulta mir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE;

C = l-ammont li jirriżulta mir-rekwiżit ta' riżerva kombinata.

Artikolu 12c 8.
Il-Bord jista' jeżerċita s-setgħa msemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-entitajiet ta' riżoluzzjoni li huma G-SIIs jew li huma soġġetti għall-Artikolu 12d(4) jew (5), li jissodisfaw waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, sa limitu ta' 30 % tan-numru totali tal-entitajiet ta' riżoluzzjoni kollha li huma G-SIIs jew li huma soġġetti għall-Artikolu 12d (4) jew (5) li għalihom il-Bord jiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12f.

Il-kondizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati mill-Bord kif ġej:

(a) 

fejn ġew identifikati impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà fil-valutazzjoni preċedenti tar-riżolvibbiltà, u jew:

(i) 

ma ttieħdet ebda azzjoni ta' rimedju wara l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 10(11) fl-iskeda ta' żmien mitluba mill-Bord, jew

(ii) 

l-impediment sostantiv identifikat ma jistax jiġi indirizzat minn kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 10(11), u l-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu jkun jikkumpensa parzjalment jew kompletament għall-impatt negattiv ta' impediment sostantiv dwar ir-riżolvibbiltà;

(b) 

il-Bord iqis li l-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta tal-entità ta' riżoluzzjoni hija limitata, b'kont meħud tad-daqs tal-entità, l-interkonnettività, in-natura, l-ambitu, ir-riskju u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, l-istatus ġuridiku tagħha u l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha; jew

(c) 

ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE jirrifletti l-fatt li l-entità ta' riżoluzzjoni li hija G-SII jew li hija soġġetta għall-Artikolu 12d(4) jew (5) ta' dan ir-Regolament hija, f'termini ta stat ta' riskju, fost l-ogħla 20 % tal-istituzzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Bord jiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ta' dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-perċentwali msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu, il-Bord għandu jżid in-numru li jirriżulta mill-kalkolu sal-eqreb numru sħiħ.

Artikolu 12c 9.
Wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, il-Bord għandu jieħu d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 5 jew 7.

Meta jkun qed jieħu dawk id-deċiżjonijiet, il-Bord għandu jqis ukoll:

(a) 

il-profondità tas-suq għall-istrumenti ta' fondi proprji tal-entità ta' riżoluzzjoni u strumenti eliġibbli subordinati, l-ipprezzar ta' tali strumenti, u l-ħin meħtieġ biex titwettaq kwalunkwe transazzjoni meħtieġa għall-fini ta' konformità mad-deċiżjoni;

(b) 

l-ammont ta' strumenti ta' obbligazzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 b'maturità residwa ta' inqas minn sena mid-data tad-deċiżjoni bil-ħsieb li jsiru aġġustamenti kwantitattivi għar-rekwiżiti imsemmija fil-paragrafi 5 u 7 ta' dan l-Artikolu;

(c) 

id-disponibbiltà u l-ammont ta' strumenti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ħlief għall-punt (d) tal-Artikolu 72b(2) ta' dak ir-Regolament;

(d) 

jekk l-ammont ta' obbligazzjonijiet esklużi mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' valutazzjoni negattiva u ta' konverżjoni f'konformità mal-Artikolu 27(3) jew (5) li, fi proċedimenti ta' insolvenza normali, jikklassifikaw fl-istess livell ta' jew taħt l-obbligazzjonijiet eliġibbli bl-ogħla klassifikazzjoni jkun sinifikanti meta mqabbel mal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità ta' riżoluzzjoni. Fejn l-ammont ta' obbligazzjonijiet esklużi ma jaqbiżx 5 % tal-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità ta' riżoluzzjoni, l-ammont eskluż għandu jitqies bħala li mhux sinifikanti. 'Il fuq minn dak il-limitu, is-sinifikat tal-obbligazzjonijiet esklużi għandu jiġi vvalutat mill-Bord.

(e) 

il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament, u l-profil ta' riskju tal-entità ta' riżoluzzjoni, kif ukoll l-istabbiltà u l-ħila tagħha li tikkontribwixxi għall-ekonomija; u

(f) 

l-impatt ta' spejjeż ta' ristrutturar possibbli fuq ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità ta' riżoluzzjoni.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 11.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014R0806
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.