|
+ANNESS I |
ANNESS I
ANNESS I Metodi għaż-żieda tal-iskopertura ta’ AIF 1. Teħid ta’ self ta’ flus mhux iggarantit: Meta flus meħuda b’self jiġu investiti jkollhom il-propensità li jżidu l-iskopertura tal-AIF bl-ammont totali ta’ dak it-teħid ta’ self. Għalhekk, l-iskopertura minima dejjem hija l-ammont ta’ self meħud. Tista’ tkun ogħla jekk il-valur tal-investiment realizzat bis-self meħud ikun ikbar mill-ammont meħud b’self. Sabiex jiġi evitat li jingħaddu darbtejn, it-teħid ta’ selfiet ta’ flus li jintużaw biex tiġi ffinanzjata l-iskopertura ma għandhomx jiġu inklużi f’dan il-kalkolu. Jekk it-teħid ta’ self ta’ flus ma jiġix investit iżda jibqa’ fi flus jew ekwivalenti ta’ flus kif definit fl-Artikolu 9(1), l-iskopertura tal-AIF ma tiżdiedx. 2. Teħid ta’ self ta’ flus iggarantit: Teħid ta’ self ta’ flus iggarantit huwa simili għal teħid ta’ self ta’ flus iżda s-selfa tista’ tkun iggarantita minn pula ta’ assi jew assi wieħed. Jekk it-teħid ta’ self ta’ flus ma jiġix investit iżda jibqa’ fi flus jew ekwivalenti ta’ flus kif definit fl-Artikolu 9(1) l-iskopertura tal-AIF ma tiżdiedx 3. Teħid ta’ self konvertibbli: Teħid ta’ self konvertibbli huwa dejn mixtri li għandu l-ħila, taħt ċerti ċirkostanzi, li jippermetti lid-detentur jew lill-emittent jikkonverti dak id-dejn f’assi ieħor. L-iskopertura tal-AIF hija l-valur tas-suq ta’ dan it-teħid ta’ self. 4. Tpartit tar-rati tal-imgħax: Tpartit tar-rati tal-imgħax huwa ftehim ta’ skambju tal-flussi ta’ flus mir-rati tal-imgħax, ikkalkulati fuq ammont prinċipali nozzjonali, f’intervalli speċifikati (dati tal-pagament) matul il-ħajja tal-ftehim. L-obbligu ta’ pagament ta’ kull parti jiġi kkalkulat bl-użu ta’ rati tal-imgħax differenti abbażi tal-iskoperturi nozzjonali. 5. Kuntratti għad-differenzi; Kuntratt għad-differenzi (CFD) huwa ftehim bejn żewġ partijiet – l-investitur u l-fornitur — biex iħallsu lil xulxin il-bidla fil-prezz ta’ assi sottostanti. Skont il-mod li bih jiċċaqlaq il-prezz, parti waħda tħallas lill-oħra d-differenza minn meta ġie miftiehem il-kuntratt sa meta jispiċċa. L-iskopertura hija l-valur tas-suq tal-assi sottostanti. L-istess trattament irid jiġi applikat għall-ispegulazzjoni fuq il-firxiet finanzjarji. 6. Kuntratti ta’ futuri: Kuntratt tal-futuri hu ftehim għax-xiri jew il-bejgħ ta’ ammont iddikjarat ta’ titolu, munita, komodità, indiċi jew assi oħra f’data futura speċifika u bi prezz miftiehem minn qabel. L-iskopertura hija l-valur tas-suq tal-assi sottostanti ekwivalenti. 7. Tpartit tar-reddittu totali: Tpartit totali tar-reddittu huwa ftehim li fih parti waħda (dik li tħallas ir-redditu totali) tittrasferixxi l-prestazzjoni ekonomika totali ta’ obbligu ta’ referenza lill-parti l-oħra (ir-riċevitur tar-reddittu). Prestazzjoni ekonomika totali tinkludi introjtu minn imgħax u tariffi, qligħ jew telf minn ċaqliq fis-suq, u telf minn kreditu. L-iskopertura tal-AIF hija l-valur tas-suq tal-assi ekwivalenti ta’ referenza li għandhom piż fuq il-prestazzjoni ekonomika tat-tpartit. 8. Ftehimiet forward: Ftehim forward huwa ftehim personalizzat u bilaterali għall-iskambju ta’ assi jew flussi ta’ flus f’data tas-saldu futura speċifikata bi prezz forward miftiehem fid-data tan-negozju. Parti waħda fil-forward hija x-xerrej (twil), li taqbel li tħallas il-prezz forward fid-data tas-saldu; il-parti l-oħra hija l-bejjiegħ (qasir), li taqbel li tirċievi l-prezz forward. L-iffirmar ta’ kuntratt forward tipikament ma jeħtieġx il-ħlas ta’ tariffa. L-iskopertura tal-AIF hija l-valur tas-suq tal-assi sottostanti ekwivalenti. Din tista’ tinbidel mal-valur nozzjonali tal-kuntratt meta dan ikun aktar konservattiv. 9. Opzjonijiet: Opzjoni hija ftehim li jagħti lix-xerrej, li jħallas tariffa (primjum), id-dritt – iżda mhux l-obbligu – li jixtri jew ibiegħ ammont speċifikat ta’ assi sottostanti bi prezz miftiehem (prezz tal-eżerċitar) sakemm jiskadi jew meta jiskadi l-kuntratt (skadenza). Opzjoni call hija l-opzjoni ta’ xiri, u opzjoni put hija opzjoni ta’ bejgħ. Il-limiti tal-iskopertura tal-fond se jkunu min-naħa skopertura potenzjali bla limitu u min-naħa l-oħra skopertura li hija limitata għall-ogħla primjum imħallas jew il-valur tas-suq ta’ dik l-opzjoni. L-iskopertura bejn dawn iż-żewġ limiti hija determinata bħala ekwivalenti tad-delta aġġustata għall-pożizzjoni sottostanti (id-delta ta’ opzjoni tkejjel is-sensittività tal-prezz ta’ opzjoni għal bidla fil-prezz tal-assi sottostanti biss). L-istess approċċ irid jiġi adottat għal derivattivi integrati, eż. fi prodotti strutturati. L-istruttura għandha tinqasam fil-partijiet tal-komponenti tagħha u l-effett tas-saffi tal-iskoperturi tad-derivattivi jrid jkun kopert b’mod adegwat. 10. Ftehimiet ta’ riakkwist: Ftehim ta’ riakkwist normalment iseħħ fejn l-AIF “ibigħ” titoli lil kontraparti reverse-repo u jaqbel li jixtruhom lura fil-futur bi prezz miftiehem. L-AIF se jġarrab spiża tal-finanzjament meta jidħol f’din it-tranżazzjoni u għalhekk se jkollu bżonn jinvesti mill-ġdid id-dħul fi flus (effettivament kollateral fi flus) sabiex jiġġenera reddittu akbar mill-ispejjeż tal-finanzjament imġarrba. Dan l-investiment mill-ġdid ta’ “kollateral fi flus” ifisser li r-riskju tas-suq inkrementali se jiġġarrab mill-AIF u konsegwentement irid jitqies fil-kalkolu tal-iskopertura kumplessiva. Ir-riskji ekonomiċi u l-benefiċċji tat-titoli “mibjugħa” jibqgħu għand l-AIF. barra minn hekk, tranżazzjoni repo kważi dejjem tagħti lok għal ingranaġġ peress li l-kollateral fi flus jiġi investit mill-ġdid. Fil-każ li jingħata kollateral mhux fi flus bħala parti mit-tranżazzjoni u dan il-kollateral jerġa’ jintuża bħala parti minn repo ieħor, jew ftehim ta’ self ta’ stokk, il-valur tas-suq sħiħ tal-kollateral irid jiġi inkluż fl-ammont kumplessiv tal-iskopertura. L-iskopertura tal-AIF tiżdied bil-parti investita mill-ġdid tal-kollateral fi flus. 11. Ftehimiet ta’ riakkwist invers: Din it-tranżazzjoni sseħħ fejn l-AIF “jixtri” titoli minn kontroparti repo u jiftiehem li jbigħhom lura fil-futur bi prezz miftiehem. AIFs normalment jidħlu f’dawn it-tranżazzjonijiet biex jiġġeneraw reddittu tat-tip tas-suq tal-flus b’riskju baxx, u t-titoli “mixtrija” jaġixxu ta’ kollateral. Għalhekk ma tiġix iġġenerata skopertura kumplessiva; ukoll, l-AIF lanqas ma jassumi r-riskji u l-benefiċċji tat-titoli “mixtrija”, jiġifieri ma hemmx riskju tas-suq inkrementali. Madankollu, huwa possibbli li t-titoli “mixtrija” jerġgħu jintużaw bħala parti minn transazzjoni repo jew selfa ta’ titoli, kif deskritt hawn fuq, u f’dak il-każ il-valur tas-suq sħiħ tat-titoli jrid jiġi inkluż fl-ammont kumplessiv tal-iskopertura. Ir-riskji u l-benefiċċji ekonomiċi tat-titoli mixtrija jibqgħu għand il-kontroparti u għalhekk dan ma jżidx l-iskopertura tal-AIF. 12. Arranġamenti ta’ għoti ta’ self ta’ titoli: AIF li jidħol f’tranżazzjoni ta’ għoti ta’ self ta’ titoli jsellef titolu lill-kontraparti li tissellef it-titolu (li normalment tissellef it-titolu biex tkopri tranżazzjoni fiżika ta’ bejgħ qasir) b’tariffa miftiehma. Min jissellef it-titolu jikkonsenja jew flus jew kollateral mhux fi flus lill-AIF. Fil-każ biss li l-kollateral fi flus jiġi investit mill-ġdid fi strumenti oħra għajr dawk definiti fl-Artikolu 9(1) il-punt (a), tinħoloq skopertura kumplessiva. Jekk kollateral mhux fi flus jerġa’ jintuża bħala parti minn tranżazzjoni repo jew ta’ għoti ta’ self ta’ titoli oħra, il-valur tas-suq sħiħ tat-titoli jrid jiġi inkluż fl-iskopertura kumplessiva kif deskritt hawn fuq. Tinħoloq skopertura sal-punt li l-kollateral fi flus jiġi investit mill-ġdid. 13. Arranġamenti ta’ teħid ta’ self ta’ titoli: AIF li jieħu b’self titoli jissellef titolu mingħand kontroparti li ssellef it-titoli għal tariffa miftiehma. L-AIF imbagħad ibigħ it-titolu fis-suq. L-AIF issa jkun nieqes minn dak it-titolu. Sal-punt li d-dħul fi flus mill-bejgħ jiġi investit mill-ġdid, dan ukoll iżid l-iskopertura tal-AIF. L-iskopertura hija l-valur tas-suq tat-titoli nieqsa; tinħoloq skopertura addizzjonali sal-punt li l-flus li jaslu jiġu investiti mill-ġdid. 14. Tpartit ta’ inadempjenzi ta’ kreditu Tpartit ta’ inadempjenzi ta’ kreditu (CDS) huwa ftehim ta’ derivattiv tal-kreditu li jagħti lix-xerrej protezzjoni, normalment l-irkupru sħiħ, fil-każ li l-entità ta’ referenza ssir inadempjenti jew tbati avveniment tal-kreditu. Minflok, il-bejjiegħ tas-CDS jirċievi mingħand ix-xerrej tariffa regolari, imsejħa l-firxa. Għall-bejjiegħ tal-protezzjoni, l-iskopertura hija l-ogħla valur tas-suq tal-assi sottostanti ta’ referenza jew il-valur nozzjonali tat-tpartit tal-inadempjenza tal-kreditu. Għax-xerrej tal-protezzjoni, l-iskopertura hija l-valur tas-suq tal-assi sottostanti ta’ referenza. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|