+Artikolu 22a L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija
---+Artikolu 22a 1.
---+Artikolu 22a 2.
---+Artikolu 22a 3.

Artikolu 22a L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 22a 1.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex iżidu s-sehem tas-sorsi rinnovabbli fl-ammont ta’ sorsi ta’ enerġija użati għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fis-settur tal-industrija b’żieda indikattiva ta’ mill-anqas 1,6 punti perċentwali bħala medja annwali kkalkulata għall-perjodi mill-2021 sal-2025 u mill-2026 sal-2030.

L-Istati Membri jistgħu jgħoddu s-sħana u l-kesħa mormija maż-żidiet annwali medji msemmija fl-ewwel subparagrafu, sa limitu ta’ 0,4 punti perċentwali, sakemm is-sħana u l-kesħa mormija jkunu pprovduti minn tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti, għajr networks li jipprovdu s-sħana lil bini wieħed biss jew fejn l-enerġija termika kollha tiġi kkonsmata biss fuq il-post u fejn l-enerġija termika ma tinbiegħx. Jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan, iż-żieda annwali medja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiżdied b’nofs il-punti perċentwali tas-sħana u l-kesħa mormija magħduda.

L-Istati Membri għandhom jinkludu l-politiki u l-miżuri ppjanati u meħuda biex tinkiseb tali żieda indikattiva fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.

Meta l-elekrifikazzjoni titqies bħala għażla kosteffettiva, dawk il-politiki u l-miżuri għandhom jippromwovu l-elettrifikazzjoni bbażata fuq sorsi rinnovabbli tal-proċessi industrijali. Dawk il-politiki u l-miżuri għandhom jippruvaw joħolqu kundizzjoni tas-suq li twassal għad-disponibbiltà ta’ alternattivi tal-enerġija rinnovabbli ekonomikament vijabbli u teknikament fattibbli biex jissostitwixxu l-karburanti fossili użati għat-tisħin industrijali bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-karburanti fossili użati għat-tisħin fejn it-temperatura tkun inqas minn 200 °C. Meta jadottaw dawk il-politiki u l-miżuri, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, l-effettività u l-kompetittività internazzjonali u l-bżonn li jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji, amministrattivi u ekonomiċi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribut ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati għal finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija għandu jkun ta’ mill-anqas 42 % tal-idroġenu użat għal finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija fl-industrija sal-2030, u 60 % sal-2035. Ir-regoli li ġejjin għandhom jintużaw biex jiġi kkalkulat dak il-perċentwal:

(a) 

għall-kalkolu tad-denominatur, għandu jitqies il-kontenut enerġetiku tal-idroġenu għal finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija, minbarra:

(i) 

l-idroġenu użat bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali u bijokarburanti;

(ii) 

l-idroġenu li jiġi prodott bid-dekarbonizzazzjoni tal-gass residwu industrijali u li jintuża biex jissostitwixxi l-gass speċifiku li jiġi prodott minnu;

(iii) 

l-idroġenu prodott bħala prodott sekondarju jew derivat minn prodotti sekondarji f’installazzjonijiet industrijali;

(b) 

Għall-kalkolu tan-numeratur, għandu jitqies il-kontenut enerġetiku tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika kkunsmati fis-settur tal-industrija għall-finijiet finali tal-enerġija u mhux tal-enerġija, minbarra l-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati bħala prodotti intermedji għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport konvenzjonali u bijokarburanti.

(c) 

Għall-kalkolu kemm tan-numeratur kif ukoll tad-denominatur, għandhom jintużaw il-valuri li jirrigwardaw il-kontenut enerġetiku tal-karburanti għat-trasport kif stabbilit fl-Anness III.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ħames subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut enerġetiku tal-karburanti mhux inklużi fl-Anness III, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istandards Ewropej rilevanti għad-determinazzjoni tal-valuri kalorifiċi tal-karburanti, jew, fejn l-ebda standard Ewropew ma jkun ġie adottat għal dak l-għan, għandhom jintużaw l-istandards tal-ISO rilevanti.

Artikolu 22a 2.
L-Istati Membri għandhom jippromwovu skemi volontarji ta’ tikkettar għal prodotti industrijali li jkunu ddikjarati li huma prodotti b’enerġija rinnovabbli u b’karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika. Tali skemi volontarji ta’ tikkettar għandhom jindikaw il-perċentwal ta’ enerġija rinnovabbli użata jew ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika użati fl-istadju tal-akkwist u tal-ipproċessar minn qabel, tal-manifattura u tad-distribuzzjoni tal-materja prima, ikkalkulat abbażi tal-metodoloġiji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 ( 23 ) jew, fl-ISO 14067:2018.
Artikolu 22a 3.
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-ammont ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika li jistennew li jimportaw u jesportaw fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament. Abbażi ta’ dak ir-rapportar, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa strateġija tal-Unjoni għall-idroġenu importat u intern bil-għan li tippromwovi suq Ewropew tal-idroġenu kif ukoll il-produzzjoni interna tal-idroġenu fl-Unjoni, li tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-kisba tal-miri stabbiliti fiha, filwaqt li tqis kif xieraq is-sigurtà tal-provvista u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fl-enerġija u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq globali tal-idroġenu. Fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif beħsiebhom jikkontribwixxu għal dik l-istrateġija.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 16.07.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018L2001
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.