+ANNESS VIII

ANNESS VIII




ANNESS VIII

Rekwiżiti essenzjali għal ATM/ANS u għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

1.   L-UŻU TAL-ISPAZJU TAL-AJRU

1.1.

Kull inġenju tal-ajru, barra dawk involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)(a), f'kull fażi tat-titjir jew fiż-żona ta' moviment tal-ajrudrom, għandu jkun operat skont regoli ġenerali komuni tal-operat u skont kwalunkwe proċedura speċifikata applikabbli għall-użu tal-ispazju tal-ajru.

1.2.

Kull inġenju tal-ajru, barra dawk involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3)(a), għandu jkun mgħammar bil-kostitwenti meħtieġa u jkun operat kif xieraq. Il-kostitwenti użati fis-sistema tal-ATM/ANS għandhom ukoll jikkonformaw mar-rekwiżiti fil-punt 3.

2.   SERVIZZI

2.1.   Informazzjoni ajrunawtika u data għall-utenti tal-ispazju tal-ajru għall-iskop tan-navigazzjoni bl-ajru

2.1.1.

Id-data użata bħala sors ta' informazzjoni ajrunawtika għandha tkun ta' kwalità suffiċjenti, kompluta, kurrenti u pprovduta f'waqtha.

2.1.2.

L-informazzjoni ajrunawtika għandha tkun preċiża, kompluta, attwali, mhux ambigwa, minn sors leġittimu, u ta' integrità adegwata, kif ukoll f'format adattat għall-utenti.

2.1.3.

It-tqassim ta' din l-informazzjoni ajrunawtika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru għandu jkun f'waqtu, u jkun jagħmel użu minn mezzi ta' komunikazzjoni affidabbli u veloċi biżżejjed li jkunu protetti minn interferenza u minn korruzzjoni intenzjonati jew mhux intenzjonati.

2.2.   Informazzjoni meteoroloġika

2.2.1.

Id-data użata bħala sors ta' informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika għandha tkun ta' kwalità suffiċjenti, kompluta u kurrenti.

2.2.2.

Sa fejn hu possibbli, l-informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika għandha tkun biżżejjed preċiża, kompluta, attwali, ta' integrità adegwata u mhux ambigwa biex tilħaq il-ħtiġijiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru. L-informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika għandha tkun minn sors leġittimu.

2.2.3.

It-tqassim ta' din l-informazzjoni ajrunawtika meteoroloġika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru jrid ikun f'waqtu u jkun juża mezzi ta' komunikazzjoni affidabbli u veloċi biżżejjed li jkunu protetti mill-interferenza u mill-korruzzjoni.

2.3.   Servizzi tat-traffiku tal-ajru

2.3.1.

Id-data użata bħala sors għall-forniment ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru għandha tkun korretta, kompluta, u kurrenti.

2.3.2.

Il-forniment ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru għandu jkun biżżejjed preċiż, komplut, kurrenti, u mhux ambigwu biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta' sikurezza tal-utenti.

2.3.3.

L-għodod awtomatizzati li jipprovdu informazzjoni jew pariri lill-utenti għandhom ikunu ddisinjati, prodotti u miżmuma b'mod xieraq sabiex jiġi żgurat li huma adattati għall-iskop tagħhom.

2.3.4.

Is-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-proċessi relatati għandhom jipprevedu separazzjoni adegwata bejn l-inġenji tal-ajru u jevitaw kolliżjonijiet bejn l-inġenji tal-ajru u l-ostakli fiż-żona tal-manuvrar tal-ajrudrom, u fejn xieraq, jassistu fil-protezzjoni minn ostakli u minn perikli oħra fl-ajru, u għandhom jiżguraw koordinazzjoni f'waqtha u fil-pront mal-utenti rilevanti kollha u mal-volumi fil-qrib ta' spazji tal-ajru.

2.3.5.

Il-komunikazzjoni bejn is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u bejn l-unitajiet rilevanti tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom ikunu f'waqthom, ċari, korretti, mhux ambigwi, protetti mill-interferenzi u mifhuma minn kulħadd u, fejn applikabbli, magħrufa minn kull min huwa involut.

2.3.6.

Għandu jkun hemm mezzi fis-seħħ sabiex jintgħarfu emerġenzi possibbli u, fejn xieraq, tinbeda azzjoni effettiva ta' tiftix u ta' salvataġġ. Dawn il-mezzi għandhom, bħala minimu, jinkludu mekkaniżmi xierqa ta' twissija, miżuri u proċeduri ta' koordinazzjoni, mezzi u persunal biex jiġi kopert b'mod effiċjenti l-qasam ta' responsabbiltà.

▼M3

2.3a.   Servizzi tad-data dwar it-traffiku tal-ajru

2.3a.1. Id-data dwar it-traffiku tal-ajru miġbura għandu jkollha kwalità suffiċjenti, tkun kompluta u attwali, tinkiseb mingħand sors leġittimu u tiġi pprovduta f’waqtha.

2.3a.2. Is-servizzi tad-data dwar it-traffiku tal-ajru għandhom jiksbu u jżommu prestazzjoni suffiċjenti fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-integrità, tal-kontinwità u tat-tempestività tagħhom, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utent.

2.3a.3 Is-sistemi u l-għodod li jipprovdu servizzi tad-data dwar it-traffiku tal-ajru għandhom jiġu mfassla, prodotti u miżmuma sew biex ikun żgurat li jkunu adattati għall-iskop intenzjonat tagħhom.

2.3a.4. Id-disseminazzjoni ta’ din id-data għandha ssir f’waqtha u tuża mezzi ta’ komunikazzjoni affidabbli u veloċi biżżejjed protetti minn interferenza u korruzzjoni intenzjonali u mhux intenzjonali.

▼B

2.4.   Servizzi ta' komunikazzjoni

Is-servizzi tal-komunikazzjoni għandhom jiksbu u jżommu prestazzjoni suffiċjenti fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-integrità, tal-kontinwità u tal-puntwalità tagħhom. Huma għandhom ikunu veloċi u mħarsa mill-korruzzjoni u l-interferenza.

2.5.   Servizzi ta' navigazzjoni

Is-servizzi ta' navigazzjoni għandu jikseb u jżomm livell suffiċjenti ta' prestazzjoni fir-rigward tal-gwida, il-pożizzjonament u, meta pprovduta, l-informazzjoni dwar il-ħinijiet. Il-kriterji tal-prestazzjoni jinkludu l-preċiżjoni, l-integrità, il-leġittimità tas-sors, id-disponibbiltà, u l-kontinwità tas-servizz.

2.6.   Servizzi ta' sorveljanza

Is-servizzi ta' sorveljanza għandhom jiddeterminaw il-pożizzjoni rispettiva tal-inġenju tal-ajru fl-ajru u ta' inġenji tal-ajru oħra u ta' vetturi tal-art fuq is-superfiċe tal-ajrudrom, bi prestazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-preċiżjoni, tal-integrità, tal-leġittimità tas-sors, tal-kontinwità u tal-probabbiltà tal-lokalizzazzjoni.

2.7.   Ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru

Il-ġestjoni tattika tal-flussi tat-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni għandha tuża u tagħti tagħrif li jkun preċiż u aġġornat biżżejjed dwar il-volum u n-natura tat-traffiku tal-ajru ppjanat li jaffettwa l-forniment tas-servizz u għandha tikkoordina u tinnegozja l-bdil tar-rotot jew id-dewmien tal-flussi tat-traffiku sabiex jitnaqqas ir-riskju li jkun hemm sitwazzjonijiet ta' konġestjoni fl-ajru jew fl-ajrudromi. Il-ġestjoni tal-flussi għandha titwettaq bl-għan li tintuża bl-aħjar mod il-kapaċità disponibbli fl-użu tal-ispazju tal-ajru u li jitjiebu l-proċessi tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru. Dan għandu jkun ibbażat fuq is-sikurezza, it-trasparenza u l-effiċjenza, filwaqt li jiġi żgurat li dik il-kapaċità tiġi pprovduta b'mod flessibbli u f'waqtha, b'konsistenti mal-Pjan Ewropew ta' Navigazzjoni bl-Ajru.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 43 dwar il-ġestjoni tal-fluss għandhom isostnu d-deċiżjonijiet operazzjonali meħuda mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, mill-operaturi tal-ajrudromi u mill-utenti tal-ispazju tal-ajru u għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin:

(a) 

l-ippjanar tat-titjir;

(b) 

l-użu tal-kapaċità disponibbli tal-ispazju tal-ajru matul il-fażijiet kollha tat-titjir, inkluż l-assenjazzjoni ta' slots tul ir-rotta;

(c) 

l-użu tar-rotot mit-traffiku ġenerali tal-ajru, inkluż:

— 
il-ħolqien ta' pubblikazzjoni unika għall-orjentazzjoni tar-rotot u tat-traffiku,
— 
il-possibilitajiet għad-devjazzjoni tat-traffiku ġenerali tal-ajru minn żoni ta' konġestjoni, u
— 
ir-regoli ta' prijorità dwar l-aċċess għall-ispazju tal-ajru għat-traffiku ġenerali tal-ajru, b'mod partikolari matul perjodi ta' konġestjoni u ta' kriżi; u
(d) 

il-konsistenza bejn il-pjanijiet tat-titjir u s-slots tal-ajruporti kif ukoll il-koordinazzjoni meħtieġa mar-reġjuni li jmissu magħhom, skont il-każ.

▼M3

2.8.   Ġestjoni tal-ispazju tal-ajru

Id-deżinjazzjoni ta’ volumi speċifiċi ta’ spazju tal-ajru għal ċertu użu għandha tiġi mmonitorjata, ikkoordinata u promulgata f’waqtha sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ telf ta’ separazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru f’kull ċirkostanza. Filwaqt li tqis l-organizzazzjoni tal-attivitajiet militari u l-aspetti relatati li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru għandha tappoġġa wkoll l-applikazzjoni uniformi tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru kif deskritt mill-ICAO u kif implimentat skont ir-Regolament (UE) 2024/2803, biex jiffaċilita l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport.

▼B

2.9.   It-tfassil tal-proċedura tat-titjir

Il-proċeduri tat-titjir għandhom ikunu mfassla, mistħarrġa u vvalidati sew qabel ma jkunu disponibbli u qabel ma jintużaw mill-inġenji tal-ajru.

3.   SISTEMI U KOSTITWENTI

3.1.   Ġenerali

Is-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS li jipprovdu informazzjoni relatata mal-inġenju tal-ajru, minnu u fuq l-art għandhom ikunu ddisinjati, prodotti, installati, miżmuma, imħarsa kontra interferenza mhux awtorizzata u operati b'mod xieraq sabiex jiġi żgurat li huma adattati għall-iskop tagħhom.

Is-sistemi u l-proċeduri għandhom jinkludu b'mod partikolari dawk meħtieġa biex jiġu appoġġati l-funzjonijiet u s-servizzi li ġejjin:

(a) 

Ġestjoni tal-ispazju tal-ajru;

(b) 

Ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru;

(c) 

Is-servizzi tat-traffiku tal-ajru, b'mod partikolari s-sistemi tal-ipproċessar tad-data tat-titjir, is-sistemi tal-ipproċessar tad-data tas-sorveljanza u s-sistemi ta' interfaċċa bejn il-bniedem u l-magni;

(d) 

Il-komunikazzjonijiet inkluż dawk mill-art għall-art/għall-ispazju tal-ajru, mill-ajru għall-art u mill-ajru għall-ajru/għall-ispazju tal-ajru;

(e) 

In-navigazzjoni;

(f) 

Is-sorveljanza;

(g) 

Is-servizzi ta' informazzjoni ajrunawtika; u

(h) 

Is-servizzi meteoroloġiċi.

3.2.   Integrità, prestazzjoni u affidabbiltà tas-sistema u tal-kostitwenti

L-integrità u l-prestazzjoni relatata mas-sikurezza tas-sistemi u tal-kostitwenti, ikunux fuq l-inġenju tal-ajru, fuq l-art jew fl-ispazju, għandhom ikunu adattati għall-iskop tagħhom. Għandhom jissodisfaw il-livell meħtieġ ta' prestazzjoni operazzjonali għall-kondizzjonijiet ta' operazzjoni prevedibbli kollha tagħhom u għall-ħajja operazzjonali kollha tagħhom.

Is-sistemi tal-ATM/ANS u l-kostitwenti tal-ATM/ANS għandhom ikunu ddisinjati, mibnija, miżmuma u mħaddma billi jintużaw il-proċeduri xierqa u validati, f'manjiera tali li tiżgura li l-operat tan-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (EATMN) jimxi ħarir f'kull ħin u tul il-fażijiet kollha ta' titjir. Operat li jimxi ħarir jista' jiġi espress, b'mod partikolari, f'termini ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż l-informazzjoni dwar l-istatus operattiv rilevanti, il-fehim komuni tal-informazzjoni, il-prestazzjonijiet komparabbli ta' pproċessar u l-proċeduri assoċjati li jippermettu prestazzjonijiet operazzjonali komuni maqbula għal-EATMN jew għal partijiet minnu.

L-EATMN, is-sistemi tiegħu u l-kostitwenti tagħhom għandhom jappoġġaw, fuq bażi kkoordinata, kunċetti ġodda ta' operat maqbula u validati li jtejbu l-kwalità, is-sostenibbiltà u l-effikaċja ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, b'mod partikolari f'termini ta' sikurezza u ta' kapaċità.

L-EATMN, is-sistemi tiegħu u l-kostitwenti tagħhom għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni progressiva tal-kordinazzjoni ċivili/militari, sal-punt meħtieġ għal ġestjoni effettiva tal-spazju tal-ajru u tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, u għal użu sikur u effiċjenti tal-ispazju tal-ajru mill-utenti kollha, permezz tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru.

Biex jinkisbu dawk l-għanijiet, l-EATMN, is-sistemi tiegħu u l-kostitwenti tagħhom għandhom jappoġġaw il-kondiviżjoni f'waqtha ta' informazzjoni korretta u konsistenti li tkopri l-fażijiet kollha tat-titjir, bejn il-partijiet ċivili u militari, mingħajr preġudizzju għall-interessi tas-sigurtà jew tal-politika tad-difiża, inkluż ir-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità.

3.3.   Disinn tas-sistemi u tal-kostitwenti

3.3.1.

Is-sistemi u l-kostitwenti għandhom ikunu ddisinjati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' sikurezza u ta' sigurtà applikabbli.

3.3.2.

Is-sistemi u l-kostitwenti, meqjusa kollettivament, separatament u f'relazzjoni ma' xulxin, għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li tkun teżisti relazzjoni inversa bejn il-probabbiltà li l-ħsara li tista' tirriżulta f'falliment totali tas-sistema u bejn is-severità tal-effett tagħhom fuq is-sikurezza tas-servizzi.

3.3.3.

Is-sistemi u l-kostitwenti, meqjusa kollettivament u mħallta ma' xulxin, għandhom ikunu ddisinjati billi jitqiesu l-limitazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet u mal-prestazzjoni tal-bniedem.

3.3.4.

Is-sistemi u l-kostitwenti għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li jkunu protetti, kemm huma kif ukoll id-data li qed iwasslu, minn interazzjonijiet perikolużi ma' elementi interni u esterni.

3.3.5.

L-informazzjoni meħtieġa għall-produzzjoni, għall-installazzjoni, għall-operazzjoni u għall-manutenzjoni tas-sistemi u tal-kostitwenti, kif ukoll l-informazzjoni dwar kondizzjonijiet mhux sikuri għandha tiġi pprovduta lill-persunal b'mod ċar, konsistenti u mhux ambigwu.

3.4.   Livell kontinwu ta' servizz

Il-livelli ta' sikurezza tas-sistemi u tal-kostitwenti għandhom ikunu miżmuma tajjeb waqt is-servizz u waqt kwalunkewe tip ta' modifika tas-servizz.

4.   KWALIFIKI TAL-KONTROLLURI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU

4.1.   Ġenerali

Persuna li qed titħarreġ bħala kontrollur tat-traffiku tal-ajru jew bħala student kontrollur tat-traffiku tal-ajru, għandha tkun matura biżżejjed f'sens edukattiv, fiżiku u mentali biex tikseb, iżżomm u turi l-għarfien teoretiku u l-ħila prattika rilevanti.

4.2.   Għarfien teoretiku

4.2.1.

Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu jikseb u jżomm livell ta' għarfien xieraq għall-funzjonijiet li jwettaq u proporzjonat għar-riskji assoċjati mat-tip ta' servizz.

4.2.2.

Il-kisba u ż-żamma tal-għarfien teoretiku għandhom jintwerew permezz ta' valutazzjoni kontinwa waqt it-taħriġ, jew permezz ta' eżamijiet xierqa.

4.2.3.

Għandu jinżamm livell xieraq ta' għarfien teoretiku. Il-konformità għandha tintwera permezz ta' valutazzjonijiet jew permezz ta' eżamijiet regolari. Il-frekwenza tal-eżamijiet għandha tkun proporzjonata mal-livell tar-riskju assoċjat mat-tip ta' servizz.

4.3.   Ħila prattika

4.3.1.

Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu jikseb u jżomm il-ħiliet prattiċi xierqa għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu jew tagħha. Dawn il-ħiliet għandhom ikunu proporzjonati għar-riskji assoċjati mat-tip ta' servizz u għandhom ikopru mill-inqas, jekk xierqa għall-funzjonijiet imwettqa, dawn li ġejjin:

(a) 

il-proċeduri operazzjonali;

(b) 

l-aspetti speċifiċi għall-kompitu;

(c) 

is-sitwazzjonijiet mhux normali u ta' emerġenza; u

(d) 

il-fatturi umani.

4.3.2.

Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu juri l-abbiltà li jwettaq il-proċeduri u l-kompiti assoċjati b'livell ta' kompetenza xieraq għall-funzjonijiet imwettqa.

4.3.3.

Għandu jinżamm livell xieraq ta' kompetenza fil-ħila prattika. Il-konformità għandha tkun verifikata permezz ta' valutazzjonijiet regolari. Il-frekwenza ta' dawk il-valutazzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-kumplessità u għal-livell tar-riskju assoċjat mat-tip ta' servizz u mal-kompiti mwettqa.

4.4.   Profiċjenza fil-lingwi

4.4.1.

Kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu juri profiċjenza li jitkellem u jifhem l-Ingliż sa tali punt li jkun jista' jikkomunika effettivament f'sitwazzjonijiet ta' leħen biss (telefown/radjutelefown) u f'sitwazzjonijiet wiċċ imb'wiċċ, dwar suġġetti konkreti u marbuta max-xogħol, inkluż f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

4.4.2.

Kull meta jkun meħtieġ f'volum definit ta' spazju tal-ajru għall-iskopijiet ta' forniment tas-Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru (ATS), kontrollur tat-traffiku tal-ajru għandu wkoll ikollu l-profiċjenza li jitkellem u jifhem l-ilsien/l-ilsna nazzjonali sal-punt deskritt hawn fuq.

4.5.   Mezzi sintetiċi ta' taħriġ (STD)

Meta jintuża STD għat-taħriġ prattiku dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-fatturi umani jew biex jintwera li l-ħiliet inkisbu jew inżammu, dan għandu jkollu livell ta' prestazzjoni li jippermetti simulazzjoni xierqa tal-ambjent tax-xogħol u tas-sitwazzjonijiet operazzjonali li jkunu adattati għat-taħriġ li jingħata.

4.6.   Kors ta' taħriġ

4.6.1.

It-taħriġ għandu jingħata permezz ta' kors ta' taħriġ, li jista' jinkludi tagħlim teoretiku u prattiku, inkluż taħriġ fuq STD, jekk applikabbli.

4.6.2.

Kors għandu jiġi ddefinit u approvat għal kull tip ta' taħriġ.

4.7.   Għalliema

4.7.1.

It-tagħlim teoretiku għandu jingħata minn għalliema kwalifikati kif xieraq. Huma:

(a) 

għandu jkollhom għarfien xieraq fil-qasam li qed jingħata t-tagħlim dwaru; u

(b) 

għandhom ikunu wrew l-abbiltà li jużaw tekniki ta' tagħlim xierqa.

4.7.2.

It-tagħlim dwar il-ħiliet prattiċi għandu jingħata minn għalliema kwalifikati kif xieraq, li jkollhom il-kwalifiki li ġejjin:

(a) 

jissodisfaw l-għarfien teoretiku u r-rekwiżiti ta' esperjenza li huma adattati għat-tagħlim li qed jingħata;

(b) 

ikunu wrew abbiltà li jgħallmu u li jużaw tekniki ta' tagħlim xierqa;

(c) 

ikunu pprattikaw tekniki ta' tagħlim f'dawk li proċeduri li dwarhom ikun ser jingħata t-tagħlim; u

(d) 

jirċievu taħriġ ta' aġġornament b'mod regolari biex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-għalliema jinżammu aġġornati.

4.7.3.

Barra minn hekk, l-għalliema tal-ħiliet prattiċi għandhom jkunu intitolati jew inkella diġà kienu intitolati li jaġixxu bħala kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

4.8.   Valutaturi

4.8.1.

Il-persuni responsabbli għall-valutazzjoni tal-ħila tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandhom:

(a) 

ikun wrew il-ħila li jivvalutaw il-prestazzjoni tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, u jwettqu testijiet u kontrolli fuqhom; u

(b) 

jirċievu korsijiet ta' aġġornament regolari sabiex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-valutazzjoni tagħhom jinżammu.

4.8.2.

Il-valutaturi tal-ħiliet prattiċi għandhom, barra minn hekk, ikunu intitolati jew inkella diġà kienu intitolati li jaġixxu bħala kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f'dawk l-oqsma li fihom trid issir l-evalwazzjoni.

4.9.   Stat mediku tajjeb ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru

4.9.1.

Il-kontrolluri kollha tat-traffiku tal-ajru għandhom perjodikament jagħtu prova li l-istat mediku tagħhom huwa tajjeb biex iwettqu l-funzjonijiet tiegħu b'mod sodisfaċenti. Il-konformità għandha tintwera permezz ta' valutazzjoni xierqa li tqis id-deterjorament mentali u fiżiku possibbli minħabba l-età.

4.9.2.

Il-wiri ta' stat mediku tajjeb, li jinkludi kemm l-aspett fiżiku kif ukoll l-aspett mentali, għandu jinkludi l-prova tal-assenza ta' kwalunkwe marda jew diżabbiltà, li tista' żżomm lill-persuna li qed tipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) milli:

(a) 

twettaq kif xieraq il-kompiti meħtieġa biex jiġi pprovdut servizz ta' ATC,

(b) 

twettaq id-dmirijiet assenjati lilha fi kwalunkwe ħin, jew

(c) 

milli tagħraf korrettament l-ambjent tagħha.

4.9.3.

Meta l-istat mediku tajjeb ma jkunx jista' jintwera għalkollox, jistgħu jiġu implimentati miżuri ta' mitigazzjoni li jipprovdu sikurezza ekwivalenti.

5.   FORNITURI TAS-SERVIZZI U ORGANIZZAZZJONIJIET TAT-TAĦRIĠ

5.1.

Il-forniment tas-servizz ma għandux isir jekk ma jiġux issodisfati dawn il-kondizzjonijiet:

(a) 

il-fornitur tas-servizz għandu jkollu, direttament jew permezz ta' ftehimiet ma' partijiet terzi, il-mezzi neċessarji għall-iskala u għall-ambitu tas-servizz. Dawk il-mezzi għandhom ikunu dawn li ġejjin, għalkemm mhux limitati għalihom: sistemi, faċilitajiet, inkluż il-provvista tal-enerġija, struttura ta' ġestjoni, persunal, tagħmir u l-manutenzjoni tiegħu, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u ż-żamma ta' reġistri;

(b) 

il-fornitur tas-servizz għandu jiżviluppa u jżomm aġġornati manwali tal-ġestjoni u tal-operazzjonijiet marbuta mal-forniment tas-servizzi tiegħu u għandu jopera skont dawk il-manwali. Dawk il-manwali għandu jkun fihom l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni u l-proċeduri kollha meħtieġa għall-operazzjonijiet, għas-sistema ta' ġestjoni u għall-persunal tal-operazzjonijiet biex iwettaq dmirijietu;

▼M3

(c) 

kif ikun adatt skont it-tip ta’ attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, il-fornitur tas-servizz għandu jimplimenta u jżomm sistema ta’ ġestjoni sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati f’dan l-Anness, jimmaniġġja r-riskji tas-sikurezza u tas-sigurtà u jimmira għal titjib kontinwu ta’ din is-sistema;

▼B

(d) 

il-fornitur tas-servizz għandu juża biss persunal kwalifikat u mħarreġ kif xieraq u jimplimenta u jżomm programmi ta' taħriġ u kontrolli għall-persunal;

(e) 

il-fornitur tas-servizz għandu jistabbilixxi interfaċċi formali mal-partijiet ikkonċernati kollha li jistgħu jinfluwenzaw b'mod dirett is-sikurezza tas-servizz tagħhom sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness;

(f) 

il-fornitur tas-servizz għandu jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' kontinġenza li jkopri sitwazzjonijiet ta' emerġenza u anormali li jistgħu jseħħu b'rabta mas-servizzi tiegħu, inkluż fil-każ ta' avvenimenti li jwasslu għal degradazzjoni jew interruzzjoni sinifikanti tal-operazzjonijiet tiegħu;

(g) 

il-fornitur tas-servizz għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mis-sistema ta' ġestjoni skont il-punt (c) sabiex jikkontribwixxi għall-għan ta' titjib kontinwu tas-sikurezza. Is-sistema ta' rappurtar tal-okkorrenzi għandha tkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni; u

(h) 

il-fornitur tas-servizz għandu jagħmel arranġamenti biex jivverifika li r-rekwiżiti tal-prestazzjoni tas-sikurezza ta' kwalunkwe sistema u kostitwent li huwa jopera jintlaħqu f'kwalunkwe ħin.

5.2.

Il-forniment tas-servizz ATC ma għandux isir jekk ma jiġux issodisfati dawn il-kondizzjonijiet:

(a) 

il-prevenzjoni tal-għejja tal-persunal li jipprovdi servizz ATC għandha tkun ġestita permezz ta' sistema ta' roster. Sistema ta' roster bħal din trid tindirizza l-perjodi ta' xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol u l-perjodi adattati ta' mistrieħ. Il-limitazzjonijiet stabbiliti fis-sistema ta' roster għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha rilevanti li jikkontribwixxu għall-għejja bħal ma' huma, in-nuqqas ta' rqad, lit-tfixkil taċ-ċikli bijoloġiċi ta' kuljum, is-sigħat ta' bil-lejl, l-akkumulazzjoni ta' ħinijiet ta' xogħol għal perjodi speċifiċi kif ukoll il-kondiviżjoni ta' kompiti allokati fost il-membri tal-persunal;

(b) 

il-prevenzjoni tal-istress tal-persunal li jipprovdi servizz ATC għandha tkun ġestita permezz ta' programmi ta' edukazzjoni u ta' prevenzjoni;

(c) 

il-fornitur tas-servizz ATC għandu jkollu stabbiliti proċeduri li jivverifikaw li l-persunal li jipprovdi s-servizzi ATC m'għandux il-ġudizzju konjittiv tiegħu mxekkel jew l-istat mediku mhux tajjeb biżżejjed; u

(d) 

il-fornitur tas-servizz ATC għandu jikkunsidra l-limitazzjonijiet operazzjonali u tekniċi kif ukoll il-prinċipji tal-fatturi umani fl-ippjanar u fl-operazzjonijiet tiegħu.

5.3.

Il-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u/jew tas-sorveljanza ma għandhomx isiru ħlief sakemm jiġu ssodisfati dawn il-kondizzjonijiet:

Il-fornitur tas-servizzi għandu jżomm lill-utenti tal-ispazju tal-ajru u lill-unitajiet ATS rilevanti infurmati dwar l-istatus operazzjonali (u l-bidliet fih) tas-servizzi tagħhom ipprovduti għal skopijiet ATS.

5.4.

Organizzazzjonijiet tat-taħriġ

Organizzazzjoni tat-taħriġ li tipprovdi t-taħriġ għall-persunal li jipprovdi servizz ATC għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

ikollha l-mezzi kollha neċessarji għall-ambitu tar-responsabbiltajiet assoċjati mal-attività tagħha. Dawk il-mezzi jinkludu dawn li ġejjin, għalkemm mhumiex limitati għalihom: faċilitajiet, persunal, tagħmir, metodoloġija, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u ż-żamma ta' reġistri;

(b) 

kif xieraq għat-taħriġ mogħti u għad-daqs tal-organizzazzjoni, l-organizzazzjoni għandha timplimenta u żżomm sistema ta' ġestjoni sabiex tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza, inkluż ir-riskji relatati ma' deterjorament fl-istandard tat-taħriġ, u timmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c) 

tistabbilixxi arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, kif meħtieġ, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness.

6.   EŻAMINATURI AJRUMEDIĊI U ĊENTRI AJRUMEDIĊI

6.1.   Eżaminaturi ajrumediċi

Eżaminatur ajrumediku jrid:

(a) 

ikun kwalifikat u jkollu liċenzja fil-prattika tal-mediċina;

(b) 

ikun irċieva taħriġ fil-mediċina tal-avjazzjoni u taħriġ ta' aġġornament regolari fil-mediċina tal-avjazzjoni biex ikun żgurat li l-istandards ta' valutazzjoni jinżammu aġġornati; u

(c) 

ikun kiseb għarfien u esperjenza prattiċi fir-rigward tal-kondizzjonijiet li fihom il-kontrolluri tat-traffiku jaqdu dmirijiethom.

6.2.   Ċentri ajrumediċi

Iċ-ċentri ajrumediċi jridu jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ikollhom il-mezzi kollha meħtieġa għall-ambitu ta' responsabbiltajiet marbuta mal-privileġġi tagħhom. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: faċilitajiet, persunal, tagħmir, għodda u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri;

(b) 

kif adatt għat-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, jimplimentaw u jżommu sistema ta' ġestjoni sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxu r-riskji tas-sikurezza u jimmiraw għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c) 

jistabbilixxu arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, skont il-ħtieġa, biex jiżguraw konformità kontinwa mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Anness.

▼M3

7.    ROBUSTEZZA FINANZJARJA, RESPONSABBILTÀ, REKWIŻITI TA’ KOPERTURA TAL-ASSIGURAZZJONI, SJIEDA U STRUTTURA ORGANIZZAZZJONALI

Il-fornituri ta’ ATM/ANS għandhom, bil-ħsieb li jiżguraw forniment ta’ servizz sikur u kontinwu:

(a) 

juru robustezza finanzjarja suffiċjenti;

(b) 

ikunu kisbu responsabbiltà u kopertura tal-assigurazzjoni adatti, b’kont meħud tal-istatus legali tagħhom u l-livell ta’ kopertura tal-assigurazzjoni kummerċjali disponibbli; u

(c) 

jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli dwar is-sjieda u l-istruttura organizzazzjonali bil-ħsieb li jevitaw kunflitti ta’ interess biex jiġi żgurat għoti ta’ servizz nondiskriminatorju.

▼B

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018R1139
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.