+ANNESS V METODI U PRINĊIPJI KOMUNI GĦALL-KALKOLU TAL-IMPATT TA’ SKEMI TA’ OBBLIGI B’RABTA MAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA JEW TA’ MIŻURI OĦRA TA’ POLITIKA SKONT L-ARTIKOLI 8, 9 U 10 U TAL-ARTIKOLU 30(14)

ANNESS V METODI U PRINĊIPJI KOMUNI GĦALL-KALKOLU TAL-IMPATT TA’ SKEMI TA’ OBBLIGI B’RABTA MAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA JEW TA’ MIŻURI OĦRA TA’ POLITIKA SKONT L-ARTIKOLI 8, 9 U 10 U TAL-ARTIKOLU 30(14)




ANNESS V

METODI U PRINĊIPJI KOMUNI GĦALL-KALKOLU TAL-IMPATT TA’ SKEMI TA’ OBBLIGI B’RABTA MAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA JEW TA’ MIŻURI OĦRA TA’ POLITIKA SKONT L-ARTIKOLI 8, 9 U 10 U TAL-ARTIKOLU 30(14)

1. Il-metodi għall-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għajr dak li jinkiseb b’miżuri tat-tassazzjoni għall-finijiet tal-Artikoli 8, 9 u 10 u tal-Artikolu 30(14).

Il-partijiet parteċipanti jew inkarigati obbligati, jew l-awtoritajiet pubbliċi ta’ implimentazzjoni, jistgħu jużaw il-metodi li ġejjin għall-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija:

(a) 

iffrankar meqjus, b’referenza għar-riżultati ta’ titjib enerġetiku preċedenti mmonitorjat b’mod indipendenti f’installazzjonijiet simili. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ “ex ante”;

(b) 

iffrankar imkejjel b’metraġġi, fejn l-iffrankar bl-installazzjoni ta’ miżura, jew ta’ pakkett ta’ miżuri, jiġi ddeterminat bir-reġistrazzjoni tat-tnaqqis reali fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jqis fatturi bħall-addizzjonalità, l-okkupanza, il-livelli tal-produzzjoni u t-temp, li jistgħu jaffettwaw il-konsum. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ “ex post”;

(c) 

iffrankar skalat li juża stimi tal-inġinerija tal-iffrankar. Dan l-approċċ jista’ jintuża biss meta l-istabbiliment ta’ data mkejla soda għal installazzjoni speċifika jkun diffiċli jew għali b’mod sproporzjonat, pereżempju s-sostituzzjoni ta’ kompressur jew mutur elettriku b’rata ta’ kWh differenti minn dik li għaliha tkejlet l-informazzjoni indipendenti dwar l-iffrankar, jew meta dawk l-istimi jsiru b’metodoloġiji u parametri referenzjarji stabbiliti b’mod nazzjonali minn esperti kwalifikati jew akkreditati li jkunu indipendenti mill-partijiet parteċipanti jew inkarigati obbligati, involuti;

(d) 

meta jikkalkulaw l-iffrankar tal-enerġija għall-fini tal-Artikolu 8(3) li jista’ jingħadd biex jiġi ssodisfat l-obbligu f’dak l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jistmaw l-iffrankar tal-enerġija ta’ persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, klijenti vulnerabbli, persuni f’unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u, fejn applikabbli, persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali abbażi ta’ stimi tal-inġinerija bl-użu ta’ kundizzjonijiet jew parametri standardizzati ta’ okkupanza u kumdità termali, bħal parametri definiti fir-regolamenti nazzjonali dwar il-bini. Il-mod kif tiġi kkunsidrata l-kumdità għall-azzjonijiet fil-bini għandu jiġi rrappurtat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni flimkien ma’ spjegazzjonijiet dwar il-metodoloġija tal-kalkolu tagħhom.

(e) 

iffrankar mistħarreġ, li jiddetermina r-rispons tal-konsumaturi għal pariri, kampanji informattivi, tikkettar jew skemi taċ-ċertifikazzjoni, jew għal metraġġ intelliġenti. Dan l-approċċ għandu jintuża biss għall-iffrankar miksub b’tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi. Ma għandux jintuża għall-iffrankar miksub bl-installazzjoni ta’ miżuri fiżiċi.

2. Fid-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija għal miżura tal-effiċjenza enerġetika għall-finijiet tal-Artikoli 8, 9 u 10 u tal-Artikolu 30(14), għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a) 

l-Istati Membri għandhom juru li wieħed mill-objettivi tal-miżura politikakemm jekk ġdid jew eżistenti, huwa l-kisba tal-iffrankar fl-użu aħħari skont l-Artikolu 8(1) u għandhom jipprovdu evidenza u d-dokumentazzjoni tagħhom turi li l-iffrankar tal-enerġija nkiseb b’miżura ta’ politika, inkluż bi ftehimiet volontarji;

(b) 

l-iffrankar għandu jintwera li huwa addizzjonali għal dak li kien ser ikun hemm fi kwalunkwe każ mingħajr l-attività tal-partijiet parteċipanti jew inkarigati obbligati, jew tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ implimentazzjoni. Biex jiġi ddeterminat l-iffrankar li jista’ jiġi ddikjarat bħala addizzjonali, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kif l-użu tal-enerġija u d-domanda għaliha jevolvu fin-nuqqas tal-miżura ta’ politika inkwistjoni billi jqisu mill-inqas il-fatturi li ġejjin: ix-xejriet tal-konsum tal-enerġija, il-bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi, il-progress teknoloġiku u l-bidliet ikkawżati b’miżuri oħra implimentati fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni;

(c) 

l-iffrankar li jinkiseb bl-implimentazzjoni tal-liġi obbligatorja tal-Unjoni għandu jitqies bħala ffrankar li kien iseħħ fi kwalunkwe każ, u b’hekk ma għandux jiġi ddikjarat bħala ffrankar tal-enerġija għall-finijiet tal-Artikolu 8(1). B’deroga minn dak ir-rekwiżit, l-iffrankar marbut mar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti, inkluż l-iffrankar li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-bini skont id-Direttiva 2010/31/UE, jista’ jiġi ddikjarat bħala ffrankar tal-enerġija għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), diment li jkun żgurat il-kriterju tal-materjalità msemmi fil-punt 3(h) ta’ dan l-Anness. Il-miżuri li jippromwovu titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-settur pubbliku skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 jistgħu jkunu eliġibbli biex jitqiesu biex jiġi ssodisfat l-iffrankar tal-enerġija li jeżiġi l-Artikolu 8(1), dment li dawn iwasslu għal iffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat u mkejjel jew stmat. Il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jkun konformi ma’ dan l-Anness;

(d) 

l-iffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ miżuri li jtejbu l-effiċjenza enerġetika meħuda f’konformità mar-regolamenti ta’ emerġenza skont l-Artikolu 122 TFUE jista’ jiġi ddikjarat għall-fini tal-Artikolu 8(1), diment li dan jirriżulta fi ffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat u mkejjel jew stmat, bl-eċċezzjoni ta’ dak l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri ta’ razzjonar jew tnaqqis;

(e) 

il-miżuri meħuda skont ir-Regolament (UE) 2018/842 jistgħu jitqiesu bħala materjali, iżda l-Istati Membri jridu juru li dawn jirriżultaw fi ffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat u mkejjel jew stmat. Il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jkun konformi ma’ dan l-Anness;

(f) 

l-Istati Membri għandhom jgħoddu biss l-iffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari minn miżuri ta’ politika f’setturi jew installazzjonijiet koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE jekk jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 jew 10 ta’ din id-Direttiva u li jmur lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE jew lil hinn mill-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet marbuta mal-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas skont dik id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom juru li l-miżuri ta’ politika jirriżultaw fi ffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat u mkejjel jew stmat. Il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jkun konformi ma’ dan l-Anness. Jekk entità tkun parti obbligata skont skema nazzjonali tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika skont l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva u skont l-EU ETS għall-bini u t-trasport bit-triq skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE, is-sistema ta’ monitoraġġ u verifika għandha tiżgura li l-prezz tal-karbonju li jingħadda waqt ir-rilaxx tal-fjuwil għall-konsum skont dak il-Kapitolu jitqies fil-kalkolu u fir-rappurtar tal-iffrankar tal-enerġija tal-miżuri tagħha tal-iffrankar tal-enerġija;

(g) 

kreditu jista’ jingħata, dment li jingħata biss għall-iffrankar li jaqbeż il-livelli li ġejjin:

(i) 

l-istandards tal-Unjoni għall-prestazzjoni b’rabta mal-emissjonijiet għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda wara l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 17 ); l-Istati Membri jridu jipprovdu r-raġunijiet, is-suppożizzjonijiet tagħhom u l-metodoloġija tal-kalkolu tagħhom biex juru l-addizzjonalità għar-rekwiżiti tas-CO2 tal-vetturi l-ġodda tal-Unjoni;

(ii) 

ir-rekwiżiti tal-Unjoni relatati mat-tneħħija mis-suq ta’ ċerti prodotti relatati mal-enerġija wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE. L-Istati Membri jridu jipprovdu evidenza, is-suppożizzjonijiet tagħhom u l-metodoloġija tal-kalkolu tagħhom biex juru l-addizzjonalità;

(h) 

il-politiki bl-għan li jinkoraġġixxu livelli ogħla ta’ effiċjenza enerġetika ta’ prodotti, tagħmir, sistemi tat-trasport, vetturi u fjuwils, bini u elementi tal-bini, proċessi jew swieq għandhom ikunu permessi, ħlief għal miżuri politiċi:

(i) 

li jirrigwardaw l-użu ta’ teknoloġiji ta’ kombustjoni diretta tal-fjuwils fossili li jkunu għadhom kemm ġew implimentati mill-1 ta’ Jannar 2026, u

(ii) 

li jissussidjaw l-użu ta’ teknoloġiji ta’ kombustjoni diretta ta’ fjuwils fossili f’bini residenzjali mill-1 ta’ Jannar 2026.

(i) 

l-iffrankar tal-enerġija miksub b’miżuri ta’ politika li jkunu għadhom kemm ġew implimentati mill-1 ta’ Jannar 2024 rigward l-użu tal-kombustjoni diretta tal-fjuwils fossili fil-prodotti, fit-tagħmir, fis-sistemi tat-trasport, fil-vetturi, fil-bini jew fix-xogħlijiet ma għandux jgħodd biex jiġi ssodisfat l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija skont l-Artikolu 8(1)(b). Fil-każ ta’ miżuri ta’ politika li jippromwovu kombinazzjonijiet ta’ teknoloġiji, is-sehem tal-iffrankar tal-enerġija relatat mat-teknoloġija ta’ kombustjoni tal-fjuwils fossili mhuwiex eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2024.

(j) 

b’deroga mill-punt (i), għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2030, l-iffrankar tal-enerġija mit-teknoloġiji ta’ kombustjoni diretta tal-fjuwils fossili li jtejbu l-effiċjenza enerġetika f’intrapriżi intensivi fl-enerġija fis-settur industrijali jista’ jingħadd bħala ffrankar tal-enerġija biss għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), punti (b) u (c), sal-31 ta’ Diċembru 2030, dment li:

(i) 

l-intrapriża tkun wettqet awditjar tal-enerġija skont l-Artikolu 11(2) u pjan ta’ implimentazzjoni li jinkludi:

— 
ħarsa ġenerali lejn il-miżuri kosteffettivi kollha tal-effiċjenza enerġetika b’perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ ħames snin jew inqas, abbażi ta’ metodoloġiji sempliċi tal-perjodu ta’ rkupru tal-kost ipprovduti mill-Istat Membru,
— 
perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri kollha rrakkomandati għall-effiċjenza enerġetika b’perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ ħames snin jew inqas,
— 
kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija mistenni li jirriżulta mill-miżuri tal-effiċjenza enerġetika rakkomandati, u
— 
miżuri tal-effiċjenza enerġetika relatati mal-użu ta’ teknoloġiji diretti tal-kombustjoni tal-fjuwils fossili bl-informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex:
— 
tagħti prova li l-miżura identifikata ma żżidx l-ammont ta’ enerġija meħtieġa jew il-kapaċità ta’ installazzjoni,
— 
tiġġustifika li l-użu ta’ teknoloġiji sostenibbli u mhux fossili mhuwiex teknikament fattibbli,
— 
turi li t-teknoloġija tal-kombustjoni diretta tal-fjuwils fossili tikkonforma mal-aktar leġiżlazzjoni tal-Unjoni aġġornata dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet u tipprevjeni l-effetti ta’ lock-in teknoloġiku billi tiżgura l-kompatibbiltà futura ma’ fjuwils u teknoloġiji mhux fossili alternattivi b’impatt newtrali fuq il-klima;
(ii) 

il-kontinwazzjoni tal-użu ta’ teknoloġiji diretti tal-fjuwils fossili hija miżura ta’ effiċjenza enerġetika biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b’perjodu ta’ rkupru tal-kost ta’ ħames snin jew inqas, abbażi ta’ metodoloġiji ta’ perjodu ta’ rkupru tal-kost sempliċi pprovduti mill-Istat Membru, rakkomandati bħala riżultat tal-awditjar tal-enerġija skont l-Artikolu 11(2) u inklużi fil-pjan ta’ implimentazzjoni;

(iii) 

l-użu ta’ teknoloġiji diretti tal-fjuwils fossili jikkonforma mal-aktar leġiżlazzjoni tal-Unjoni aġġornata dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet, ma jwassalx għal effetti ta’ lock-in teknoloġiku u jiżgura l-kompatibbiltà futura ma’ fjuwils u teknoloġiji alternattivi b’impatt newtrali fuq il-klima;

(iv) 

l-użu ta’ teknoloġiji diretti tal-fjuwils fossili fl-intrapriża ma jwassalx għal żieda fil-konsum tal-enerġija jew iżid il-kapaċità tal-installazzjoni f’dik l-intrapriża;

(v) 

tingħata evidenza li l-ebda soluzzjoni alternattiva u sostenibbli ta’ fjuwils mhux fossili ma kienet teknikament fattibbli;

(vi) 

l-użu ta’ teknoloġiji diretti tal-fjuwils fossili jirriżulta f’iffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat u mkejjel jew stmat, ikkalkulat f’konformità ma’ dan l-Anness;

(vii) 

l-evidenza hija ppubblikata fuq sit web jew tiġi magħmula disponibbli pubblikament għaċ-ċittadini interessati kollha;

(k) 

il-miżuri li jippromwovu l-installazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira fuq il-bini jew fil-bini jistgħu jkunu eliġibbli biex jitqiesu biex jiġi ssodisfat l-iffrankar tal-enerġija li jeżiġi l-Artikolu 8(1), dment li dan iwassal għal iffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat u mkejjel jew stmat. Il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jkun konformi ma’ dan l-Anness;

(l) 

il-miżuri li jippromwovu l-installazzjoni ta’ teknoloġiji termali solari jistgħu jkunu eliġibbli biex jitqiesu biex jiġi ssodisfat l-iffrankar tal-enerġija li jeżiġi l-Artikolu 8(1), diment li dan iwassal għal iffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat u mkejjel jew stmat. Is-sħana prodotta mit-teknoloġiji termali solari minn radjazzjoni solari tista’ tiġi eskluża mill-konsum tal-enerġija fl-użu finali tagħhom;

(m) 

għall-politiki li jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ prodotti u vetturi aktar effiċjenti, għajr dawk li jkunu għadhom kemm ġew implimentati mill-1 ta’ Jannar 2024 rigward l-użu tal-kombustjoni diretta tal-fjuwils fossili, tista’ ssir dikjarazzjoni għal kreditu sħiħ, dment li jintwera li din l-adozzjoni ssir qabel jgħaddi t-tul tal-ħajja medju mistenni tal-prodott jew tal-vettura, jew qabel ma l-prodott jew il-vettura normalment jiġu sostitwiti, u diment li l-iffrankar jiġi ddikjarat biss għall-perjodu sa tmiem it-tul tal-ħajja medju mistenni tal-prodott jew tal-vettura li jridu jiġu sostitwiti;

(n) 

fil-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika, l-Istati Membri għandhom, meta rilevanti, jiżguraw li jinżammu l-istandards ta’ kwalità għall-prodotti, għas-servizzi u għall-installazzjoni ta’ miżuri, jew li dawn jiġu introdotti meta ma jkunux jeżistu;

(o) 

biex jitqiesu l-varjazzjonijiet klimatiċi bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jaġġustaw l-iffrankar għal valur standard jew li jippermettu ffrankar tal-enerġija differenti skont il-varjazzjonijiet fit-temperatura bejn ir-reġjuni;

(p) 

il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jqis it-tul tal-ħajja tal-miżuri u r-rata tat-tnaqqis tal-iffrankar maż-żmien. Dak il-kalkolu għandu jgħodd l-iffrankar li tikseb kull azzjoni individwali tul il-perjodu mid-data tal-implimentazzjoni tagħha sa tmiem kull perjodu ta’ obbligu. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jadottaw metodu ieħor li hu stmat li jikseb mill-inqas l-istess ammont totali tal-iffrankar. Meta jużaw metodu ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont totali tal-iffrankar tal-enerġija kkalkulat b’dak il-metodu ma jkunx jaqbeż l-ammont tal-iffrankar tal-enerġija li kien jinkiseb bil-kalkolu tagħhom meta jingħadd l-iffrankar li tikseb kull azzjoni individwali tul il-perjodu mid-data tal-implimentazzjoni tagħha sal-2030. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fid-dettall fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999 il-metodu l-ieħor u d-dispożizzjonijiet li saru biex ikun żgurat li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit vinkolanti tal-kalkolu.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti li ġejjin għall-miżuri ta’ politika li ttieħdu skont l-Artikolu 10 u l-Artikolu 30(14):

(a) 

il-miżuri ta’ politika u l-azzjonijiet individwali li jiksbu ffrankar tal-enerġija fl-użu aħħari li jista’ jiġi verifikat;

(b) 

ir-responsabbiltà ta’ kull parti parteċipanti, parti inkarigata jew awtorità pubblika tal-implimentazzjoni, kif rilevanti, tiġi definita b’mod ċar;

(c) 

l-iffrankar tal-enerġija li jinkiseb jew li jrid jinkiseb jiġi ddeterminat b’mod trasparenti;

(d) 

l-ammont tal-iffrankar tal-enerġija meħtieġ jew li jrid jinkiseb mill-miżura politika jiġi espress fil-konsum tal-enerġija primarja jew fil-konsum tal-enerġija finali, bl-użu tal-fatturi ta’ valuri kalorifiċi netti jew enerġija primarja imsemmija fl-Artikolu 31;

(e) 

għandu jiġi pprovdut u jsir disponibbli għall-pubbliku rapport annwali dwar l-iffrankar tal-enerġija li kisbu l-partijiet inkarigati, il-partijiet parteċipanti u l-awtoritajiet pubbliċi tal-implimentazzjoni, u anki data dwar ix-xejra annwali tal-iffrankar tal-enerġija;

(f) 

isir monitoraġġ tar-riżultati u jittieħdu l-miżuri xierqa jekk il-progress ma jkunx sodisfaċenti;

(g) 

l-iffrankar tal-enerġija minn azzjoni individwali ma jiġix dikjarat minn aktar minn parti waħda;

(h) 

għandu jintwera li l-attivitajiet tal-parti parteċipanti, tal-parti inkarigata jew tal-awtorità pubblika tal-implimentazzjoni jkunu materjali għall-kisba tal-iffrankar tal-enerġija ddikjarat;

(i) 

l-attivitajiet tal-parti parteċipanti, tal-parti inkarigata jew tal-awtorità pubblika tal-implimentazzjoni ma għandhom l-ebda effett negattiv fuq il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali.

4. Għad-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta’ politika relatati mat-tassazzjoni introdotti skont l-Artikolu 10, għandhom jiġu applikati l-prinċipji li ġejjin:

(a) 

għandu jingħata kreditu biss għall-iffrankar tal-enerġija minn miżuri tat-tassazzjoni li jaqbżu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-fjuwils kif teżiġi d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE ( 18 ) jew 2006/112/KE ( 19 );

(b) 

l-elastiċità tal-prezzijiet ta’ żmien qasir għall-kalkolu tal-impatt tal-miżuri tat-tassazzjoni tal-enerġija għandha tirrappreżenta r-rispons tad-domanda għall-enerġija għall-bidliet fil-prezzijiet, u għandha tiġi stmata abbażi ta’ sorsi tad-data uffiċjali riċenti u rappreżentattivi li japplikaw għall-Istat Membru u, meta applikabbli, fuq il-bażi ta’ studji ta’ akkumpanjament minn istitut indipendenti. Jekk tintuża elastiċità differenti tal-prezzijiet minn elastiċitajiet ta’ żmien qasir, l-Istati Membri għandhom jispjegaw kif it-titjib fl-effiċjenza enerġetika bl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni ġie inkluż fix-xenarju bażi użat biex jiġi stmat l-iffrankar tal-enerġija, jew kif ġie evitat l-għadd doppju tal-iffrankar tal-enerġija minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni;

(c) 

l-iffrankar tal-enerġija minn strumenti ta’ politika tat-tassazzjoni ta’ akkumpanjament, inkluż inċentivi fiskali jew pagament għal fond, għandu jitqies b’mod separat;

(d) 

għandhom jintużaw stimi tal-elastiċità ta’ żmien qasir biex jiġi vvalutat l-iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta’ tassazzjoni biex jiġi evitat kwalunkwe trikkib fuq il-liġi tal-Unjoni u fuq miżuri oħra ta’ politika;

(e) 

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-effetti distribuzzjonali tat-tassazzjoni u miżuri ekwivalenti fuq in-nies milquta mill-faqar enerġetiku, klijent vulnerabbli u, meta applikabbli, nies li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, u juru l-effetti tal-miżuri ta’ mitigazzjoni implimentati f’konformità mal-Artikolu 24(1), (2) u (3);

(f) 

L-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza, inkluż metodoloġiji tal-kalkolu, li meta jkun hemm trikkib fl-impatt tal-miżuri tat-tassazzjoni tal-enerġija jew tal-karbonju jew bl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE, m’hemmx għadd doppju tal-iffrankar tal-enerġija.

5. Notifika tal-metodoloġija

L-Istati Membri għandhom, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-metodoloġija dettaljata proposta tagħhom għall-operazzjoni tal-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika u tal-miżuri alternattivi msemmija fl-Artikoli 9 u 10, u l-Artikolu 30(14) ta’ din id-Direttiva. Għajr fil-każ tat-tassazzjoni, din in-notifika għandha tinkludi tagħrif dwar:

(a) 

il-livell tal-iffrankar tal-enerġija meħtieġ skont l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, jew l-iffrankar mistenni li jinkiseb tul il-perjodu sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030;

(b) 

kif il-kwantità kkalkulata tal-iffrankar il-ġdid tal-enerġija meħtieġ skont l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, jew tal-iffrankar tal-enerġija mistenni li jinkiseb ser titqassam f’fażijiet tul il-perjodu ta’ obbligu;

(c) 

il-partijiet parteċipanti jew inkarigati, obbligati jew l-awtoritajiet pubbliċi tal-implimentazzjoni;

(d) 

is-setturi fil-mira;

(e) 

il-miżuri ta’ politika u l-azzjonijiet individwali, inkluż l-ammont totali mistenni tal-iffrankar tal-enerġija kumulattiv għal kull miżura;

(f) 

miżuri jew programmi ta’ politika jew miżuri ffinanzjati minn fond nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika implimentat bħala prijorità fost il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali;

(g) 

is-sehem u l-ammont tal-iffrankar tal-enerġija li jridu jinkisbu fost il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali;

(h) 

meta applikabbli, l-indikaturi applikati, is-sehem medju aritmetiku, u l-eżitu tal-miżuri ta’ politika stabbiliti skont l-Artikolu 8(3);

(i) 

meta applikabbli, l-impatti u l-effetti negattivi tal-miżuri ta’ politika implimentati skont l-Artikolu 8(3) fuq il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali;

(j) 

it-tul tal-perjodu ta’ obbligu għall-iskema tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika;

(k) 

meta applikabbli, l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija jew il-miri ta’ tnaqqis fil-kost li jridu jintlaħqu mill-partijiet obbligati fost il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali;

(l) 

l-azzjonijiet previsti mill-miżura ta’ politika;

(m) 

il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż kif ġew iddeterminati l-addizzjonalità u l-materjalità u liema metodoloġiji u parametri referenzjarji jintużaw għall-iffrankar meqjus u skalat, u, meta applikabbli, il-valuri kalorifiċi netti u l-fatturi ta’ konverżjoni użati;

(n) 

it-tulijiet tal-ħajja tal-miżuri u kif dawn jiġu kkalkulati jew abbażi ta’ xiex;

(o) 

l-approċċ imħaddem biex jiġu indirizzati l-varjazzjonijiet klimatiċi fl-Istat Membru;

(p) 

is-sistemi tal-monitoraġġ u tal-verifika għall-miżuri skont l-Artikoli 9 u 10 u kif tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom mill-partijiet parteċipanti jew inkarigati, obbligati;

(q) 

fil-każ tat-tassazzjoni:

(i) 

is-setturi u t-taqsima fil-mira tal-kontribwenti;

(ii) 

l-awtorità pubblika tal-implimentazzjoni;

(iii) 

l-iffrankar li mistenni jinkiseb;

(iv) 

it-tul taż-żmien tal-miżura tat-tassazzjoni;

(v) 

il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż liema elastiċitajiet tal-prezzijiet intużaw u kif ġew stabbiliti u

(vi) 

kif ġie evitat it-trikkib mal-EU ETS skont id-Direttiva 2003/87/KE u kif tneħħa r-riskju ta’ għadd doppju.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 05.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023L1791
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.