1. F’konformità mal-paragrafi 2 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route fl-oqsma ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(3), il-punt (a), għal kull perjodu referenzjarju, u tiddefinixxi d-durata ta’ dak il-perjodu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(3).
Flimkien ma’ dawk il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxu valuri ta’ bażi komplementari, livelli limiti ta’ allert, valuri diżaggregati u gruppi ta’ parametri referenzjarji. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(3).