+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tistabbilixxi ambizzjoni għolja li tippermetti t-tranżizzjoni lejn ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi u tniġġis żero. L-istrateġija stabbilita fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (“l-Istrateġija”) hija pass kruċjali lejn il-kisba ta’ tniġġis żero u tintroduċi l-approċċ “sustanza waħda, valutazzjoni waħda”, li għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza, l-effettività, il-koerenza u t-trasparenza tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza tas-sustanzi kimiċi fl-atti legali kollha tal-Unjoni. Skont l-Istrateġija, jenħtieġ li jiġu żviluppati kriterji “sikuri u sostenibbli mid-disinn” biex jippermettu l-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi li jkunu sikuri u sostenibbli matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. L-Istrateġija tiddikjara wkoll li l-interazzjoni bejn l-iżviluppi xjentifiċi u t-tfassil ta’ politika jenħtieġ li tissaħħaħ permezz ta’ sistema ta’ twissija bikrija għas-sustanzi kimiċi u gruppi ta’ sustanzi kimiċi biex jiġi żgurat li l-politiki tal-Unjoni jindirizzaw ir-riskji kimiċi emerġenti malli jiġu identifikati permezz tal-monitoraġġ u r-riċerka, u li jenħtieġ li jiġi żviluppat qafas ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tal-ixpruni u tal-impatti tat-tniġġis kimiku u biex titkejjel l-effettività tal-liġi tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jimplimenta dawk l-objettivi.

(2)

L-objettiv ewlieni ta’ dan ir-Regolament huwa li jżid il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem mir-riskji li jirriżultaw minn sustanzi kimiċi, kif ukoll li jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern għas-sustanzi kimiċi. Għal dak il-għan, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi pjattaforma komuni tad-data dwar is-sustanzi kimiċi (il-“pjattaforma komuni tad-data”), li għandha tiġi ġestita mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“ECHA”). Il-pjattaforma komuni tad-data hija infrastruttura diġitali li tiġbor flimkien id-data u l-informazzjoni dwar sustanzi kimiċi ġġenerata skont l-acquis tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll servizzi ddedikati fi ħdan il-pjattaforma komuni tad-data u jistabbilixxi regoli dwar it-trasparenza, l-aċċessibbiltà u l-utilizzabbiltà tad-data li tinsab fil-pjattaforma. Dan ir-Regolament għandu l-għan li joħloq bażi ta’ għarfien komuni dwar is-sustanzi kimiċi, li tkun disponibbli għall-assessuri tar-riskju biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet xjentifiċi aħjar, kompluti, konsistenti u robusti tas-sustanzi kimiċi u tal-impatt tagħhom u biex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-informazzjoni eżistenti għall-fini tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-atti legali tal-Unjoni u b’hekk jikkontribwixxi biex jiġi sostitwit u mnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali kull fejn ikun possibbli. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb l-integrazzjoni tal-informazzjoni minn sorsi differenti u l-istabbiliment ta’ infrastruttura diġitali kosteffettiva, filwaqt li jipprovdi punt uniku ta’ servizz għad-data u l-informazzjoni dwar sustanzi kimiċi fl-Unjoni li jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Dan ser iżid il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-proċessi regolatorji dwar is-sustanzi kimiċi u jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fir-robustezza tat-teħid tad-deċiżjonijiet xjentifiċi. Billi tiġbor u tagħmel disponibbli d-data kollha dwar is-sustanzi kimiċi fl-Unjoni, il-pjattaforma tad-data se trawwem ukoll l-innovazzjoni u se tappoġġa l-iżvilupp ta’ għodod, metodi u mudelli avvanzati għall-valutazzjonijiet tas-sustanzi kimiċi.

(3)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-isfruttar tal-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u tad-data biex tiġi appoġġata l-politika ambjentali, inkluż billi jitwasslu data f’ħin reali, fejn ikun possibbli, u informazzjoni dwar l-istat tal-ekosistemi, filwaqt li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi minimizzata l-impronta ambjentali ta’ dawk it-teknoloġiji u jiġi żgurat li d-data u l-informazzjoni jkunu trasparenti, awtentiċi, interoperabbli u aċċessibbli pubblikament, huwa objettiv prijoritarju fit-tul. Id-data u l-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi huma għalhekk essenzjali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni xierqa tal-politika ambjentali tal-Unjoni, u b’mod speċifiku tal-politika tagħha dwar is-sustanzi kimiċi.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Frar 2020 dwar strateġija Ewropea għad-data, il-Kummissjoni ddeskriviet il-viżjoni tagħha ta’ spazju komuni Ewropew tad-data u enfasizzat il-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ spazji tad-data settorjali f’oqsma strateġiċi, peress li mhux is-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà qed jimxu bl-istess veloċità. Dan ir-Regolament għalhekk għandu l-għan li jibni spazju tad-data għas-sustanzi kimiċi billi jistabbilixxi l-pjattaforma komuni tad-data, li hija wkoll parti mill-ispazju tad-data tal-Patt Ekoloġiku, kif imsemmi fl-Istrateġija Ewropea għad-data. Barra minn hekk, f’dik l-istrateġija, il-Kummissjoni ssottolinjat diversi kwistjonijiet dwar id-disponibbiltà tad-data għall-ġid pubbliku, inkluż l-aċċessibiltà, l-infrastrutturi u l-governanza tad-data, l-interoperabbiltà, kif ukoll in-nuqqas ta’ kondiviżjoni adegwata tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jżid id-disponibbiltà tad-data dwar is-sustanzi kimiċi billi jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, jiġifieri l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (“EU-OSHA”), l-ECHA, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-“EEA”), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“EFSA”), u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-“EMA”) (flimkien l-“Aġenziji”),jagħmlu d-data disponibbli għall-inkorporazzjoni fil-pjattaforma komuni tad-data, jippromwovu l-interoperabbiltà ta’ dik id-data billi jipprevedu l-istabbiliment ta’ formati standard u ta’ vokabularji kkontrollati, kif ukoll jiffaċilitaw l-iskambju u l-użu tad-data mill-awtoritajiet pubbliċi biex ikunu jistgħu jwettqu b’mod effettiv il-kompiti regolatorji u ta’ żvilupp tal-politika tagħhom.

(5)

Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jimplimenta l-prinċipji stabbiliti fil-proposta għal Att dwar Ewropa Interoperabbli fis-settur tas-sustanzi kimiċi billi jsaħħaħ l-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi tan-networks u tal-informazzjoni użati biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi dwar is-sustanzi kimiċi fl-Unjoni. Dan ir-Regolament se jikkontribwixxi biex iżid il-flussi ta’ data transfruntiera għal servizzi diġitali verament Ewropej u se jwessa’ l-aċċess għad-data dwar sustanzi kimiċi pubblikament disponibbli għall-użu f’applikazzjonijiet ta’ setturi oħra.

(6)

L-operaturi tan-negozju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma meħtieġa minn diversi atti legali tal-Unjoni li jissottomettu data u informazzjoni lil għadd kbir ta’ aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll lill-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi. Dan jiġġenera frammentazzjoni tad-data u tal-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, li jinżammu taħt diversi kundizzjonijiet ta’ kondiviżjoni u ta’ użu tad-data kif ukoll f’formati differenti. Tali frammentazzjoni tipprevjeni lill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll lill-pubbliku, milli jkollhom stampa ġenerali ċara ta’ liema informazzjoni hija disponibbli dwar sustanzi kimiċi individwali jew gruppi ta’ sustanzi kimiċi, ta’ fejn u kif tista’ tiġi aċċessata l-informazzjoni u jekk tistax tintuża. Dan iżid il-probabbiltà ta’ inkonsistenza bejn diversi valutazzjonijiet tal-istess sustanza kimika meħtieġa minn diversi atti legali tal-Unjoni dwar sustanzi kimiċi, u li ssir ħsara lill-fiduċja tal-pubbliku fir-raġunijiet xjentifiċi għad-deċiżjonijiet tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi. Sabiex jiġi żgurat li d-data dwar is-sustanzi kimiċi tkun faċilment traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli, jenħtieġ li l-ECHA tistabbilixxi pjattaforma komuni tad-data. Il-pjattaforma komuni tad-data jenħtieġ li sservi bħala punt uniku ta’ referenza u bħala bażi ta’ evidenza estiża u kondiviża biex tippermetti t-twassil effiċjenti ta’ valutazzjonijiet konsistenti tal-perikli u tar-riskji tas-sustanzi kimiċi f’diversi atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, kif ukoll biex tippermetti l-identifikazzjoni f’waqtha tar-riskji kimiċi emerġenti u tal-ixpruni u l-impatt tat-tniġġis kimiku. Jenħtieġ li l-awtoritajiet jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-data, inkluż, fejn rilevanti, permezz ta’ miżuri fiżiċi u taċ-ċibersigurtà.

(7)

Sakemm dan ir-Regolament ma jispeċifikax mod ieħor, il-pjattaforma komuni tad-data jenħtieġ li jkun fiha, iżda li ma tkunx limitata għad-data u l-informazzjoni kollha relatati mas-sustanzi kimiċi miżmuma mill-Aġenziji jew mill-Kummissjoni u ġġenerata jew ippreżentata lilhom bħala parti mill-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I. Dan jinkludi, pereżempju, id-dossiers regolatorji jew l-applikazzjonijiet kollha ppreżentati lill-Aġenziji, iżda wkoll id-data dwar sustanzi kimiċi dwar l-okkorrenza ta’ sustanzi kimiċi ppreżentata mill-Istati Membri lill-Aġenziji i jew lill-Kummissjoni kif ukoll id-data dwar sustanzi kimiċi li tirriżulta mill-attivitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, f’konformità mal-obbligi ta’ rapportar tagħhom. Il-pjattaforma komuni tad-data jenħtieġ li tinkludi wkoll data u informazzjoni dwar sustanzi kimiċi ġġenerati bħala parti minn programmi jew minn attivitajiet ta’ riċerka tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali relatati mas-sustanzi kimiċi, meta din id-data u dik l-informazzjoni jinżammu mill-Kummissjoni jew minn waħda mill-Aġenziji. Barra minn hekk, il-pjattaforma komuni tad-data jenħtieġ li tippermetti l-inkorporazzjoni tad-data dwar sustanzi kimiċi pprovduta fuq bażi volontarja mill-Istati Membri u minn partijiet oħra, inklużi aġenziji nazzjonali u istituti ta’ riċerka, kif ukoll data dwar sustanzi kimiċi li tirriżulta minn kollaborazzjoni internazzjonali ma’ organizzazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, u miżmuma mill-Kummissjoni jew minn waħda mill-Aġenziji.

(8)

Filwaqt li xi prodotti mediċinali huma wkoll sustanzi kimiċi u huma rilevanti għall-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-applikazzjoni u l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-perikli u tar-riskji mwettqa fuq sustanzi kimiċi skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-prodotti mediċinali huma differenti mill-applikazzjoni u mill-użu ta’ valutazzjonijiet tal-perikli u tar-riskji mwettqa skont l-atti legali ewlenin tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi. Għalhekk huwa xieraq li jiġi adottat approċċ gradwali u li tiġi inkluża biss, bħala l-ewwel pass u filwaqt li jitqies il-piż amministrattiv għall-EMA, id-data dwar sustanzi kimiċi li jkollha l-ogħla valur miżjud. F’dak l-ewwel pass, id-data bl-ogħla valur miżjud ivvalutat hija data dwar sustanzi attivi rilevanti, li jitqiesu bħala sustanzi attivi koperti mill-atti legali tal-Unjoni dwar il-prodotti mediċinali elenkati fl-Anness I, il-Parti 2, u soġġetti wkoll għal proċessi regolatorji skont atti legali oħra tal-Unjoni elenkati fl-Anness I, il-Parti 1, kif ukoll sustanzi attivi oħra bi proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi partikolari jew b’livell għoli magħruf ta’ residwi fl-ambjent. Id-data speċifika dwar sustanzi kimiċi li għandha tiġi inkluża għal dawk is-sustanzi attivi rilevanti jenħtieġ li tinkludi data dwar sustanzi kimiċi relatata mal-valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali mwettqa skont il-liġi tal-Unjoni dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u għall-użu veterinarju, l-istudji mhux kliniċi mwettqa skont il-liġi tal-Unjoni dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-valuri ta’ limitu massimi ta’ residwi u d-data dwar sustanzi kimiċi sottostanti għad-derivazzjoni tagħhom li għandha l-EMA, kif ukoll valuri ta’ referenza speċifiċi.

(9)

Filwaqt li titqies kif dovut il-ħidma amministrattiva għall-EMA mill-adattament ta’ tali data għal format xieraq għall-inkorporazzjoni fil-pjattaforma komuni tad-data, huwa xieraq li jiġi adottat approċċ gradwali u li tiġi inkluża biss matul l-ewwel stadju, id-data dwar sustanzi kimiċi għas-sustanzi attivi li jiġu ppreżentati lill-EMA fil-kuntest tal-proċeduri rilevanti li jiġu ffinalizzati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Mhux aktar tard minn sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-EMA jenħtieġ li tibda tinkorpora wkoll data dwar sustanzi kimiċi fir-rigward tas-sustanzi attivi li jirriżultaw minn proċeduri konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Data oħra dwar sustanzi kimiċi ppreżentata jew iġġenerata skont l-atti legali tal-Unjoni dwar il-prodotti mediċinali tista’ wkoll tkun ta’ rilevanza għall-oqsma regolatorji tas-sustanzi kimiċi, bħad-data relatata ma’ sustanzi attivi oħra li jinsabu fi prodotti mediċinali, data klinika u data relatata ma’ sustanzi oħra li jinsabu fi prodotti mediċinali minbarra s-sustanzi attivi. Barra minn hekk, parti rilevanti mid-data mediċinali hija miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Mhux aktar tard minn sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tivvaluta, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-Aġenziji, jekk jenħtiegx li tali data addizzjonali tiġi inkluża fil-pjattaforma komuni tad-data. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tqis ukoll ir-rilevanza, il-valur miżjud antiċipat u l-bilanċ bejn il-kostijiet-benefiċċji tal-inkorporazzjoni tad-data addizzjonali.

(11)

Sabiex tiżdied data li l-EMA għandha tagħmel disponibbli permezz tal-pjattaforma komuni tad-data fejn rilevanti biex tappoġġa l-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, bħal biex jiġu żgurati l-konsistenza u t-twassil effiċjenti tal-valutazzjonijiet tal-perikli u tar-riskji tas-sustanzi kimiċi, jew jekk, fid-dawl tal-progress xjentifiku, ikun hemm għarfien ġdid dwar il-perikli jew ir-riskji għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li, fir-rigward tal-emendar tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(12)

Minħabba s-sensittività tal-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni kimika eżatta tat-taħlitiet imqiegħda fis-suq u kklassifikati bħala perikolużi abbażi tal-effetti tagħhom fuq is-saħħa jew l-effetti fiżiċi, ippreżentata lill-korpi maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li dik l-informazzjoni ma tiġix inkluża fil-pjattaforma komuni tad-data. Bl-istess mod, minħabba s-sensittività kummerċjali tad-data u tal-informazzjoni dwar il-prodotti kożmetiċi finali, l-informazzjoni relatata mal-prodotti kożmetiċi nnotifikata lill-Portal ta’ Notifika tal-Prodotti Kożmetiċi skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jenħtieġ li ma tiġix inkluża fil-pjattaforma komuni tad-data lanqas. Madankollu, id-data u l-informazzjoni dwar sustanzi kimiċi rigward l-ingredjenti kimiċi individwali tal-prodotti kożmetiċi jenħtieġ li jiġu inklużi fil-pjattaforma komuni tad-data.

(13)

Biex tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Aġenziji u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jwettqu l-kompiti tagħhom, id-dokumenti b’data dwar sustanzi kimiċi relatati max-xogħol intern jew mat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, fil-prinċipju jenħtieġ li ma jiġux inklużi fil-pjattaforma komuni tad-data.

(14)

Sabiex ikun hemm rispons għall-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas armonizzat li jagħti aċċess għad-data dwar sustanzi kimiċi li tkun tinsab fil-pjattaforma komuni tad-data. Jenħtieġ li dak il-qafas, bħala prinċipju ġenerali, jagħti l-usa’ aċċess possibbli għal dik id-data dwar sustanzi kimiċi. Jenħtieġ li jispeċifika wkoll, fejn xieraq, min hu intitolat li jaċċessa u juża dik id-data dwar sustanzi kimiċi, taħt liema kundizzjonijiet, fuq liema bażi, u għal liema skopijiet. L-Awtoritajiet inkarigati b’kompiti regolatorji relatati mas-sustanzi kimiċi jenħtieġ li jingħataw permess u li jiġu mħeġġa jużaw id-data u l-informazzjoni dwar sustanzi kimiċi li jinsabu fil-pjattaforma komuni tad-data biex iwettqu d-dmirijiet u l-kompiti regolatorji tagħhom b’mod effettiv, sabiex itejbu l-effettività, l-effiċjenza u l-konsistenza tal-valutazzjonijiet relatati mas-sustanzi kimiċi kif ukoll l-iżvilupp ta’ politiki tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi. L-aċċess għad-data personali jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet li għalihom dik id-data qed tiġi pproċessata mill-Awtoritajiet.

(15)

Id-data u l-informazzjoni dwar sustanzi kimiċi ġġenerati bħala riżultat tal-obbligi stabbiliti mill-atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi jista’ jkollhom informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew jiġu protetti skont dwak l-atti legali tal-Unjoni minn dikjarazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità dwar informazzjoni kummerċjali. Id-disseminazzjoni pubblika ta’ tali data tista’ taffettwa l-interessi kummerċjali ta’ partijiet privati. Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali għad-detenturi tad-dover u biex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tagħhom, kif ukoll biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija fis-suq intern, l-ECHA, bħala ġestur tal-pjattaforma komuni tad-data, jenħtieġ li tagħti drittijiet ta’ aċċess differenzjati għad-data u l-informazzjoni li jinsabu fil-pjattaforma komuni tad-data. Għal dak l-għan, l-Awtoritajiet jenħtieġ li jkollhom aċċess sħiħ għad-data u l-informazzjoni kollha dwar sustanzi kimiċi li jinsabu fil-pjattaforma komuni tad-data, anke f’formati li jinqraw mill-magni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali kollha u għall-informazzjoni li ma tkunx saret disponibbli għall-pubbliku. B’kuntrast, jenħtieġ li partijiet oħra ma jkollhomx aċċess permezz tal-pjattaforma komuni tad-data għal data kunfidenzjali jew għal data li ma tkunx saret disponibbli għall-pubbliku skont l-att oriġinarju tal-Unjoni minħabba li jista’ jkun fiha informazzjoni kummerċjalment sensittiva u l-kunfidenzjalità ta’ dik id-data ma tkunx ġiet ivvalutata. Madankollu, il-partijiet kollha jenħtieġ li jżommu d-dritt li jitolbu aċċess għal kwalunkwe data li tinsab fil-pjattaforma komuni tad-data f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(16)

Meta jużaw id-data li tinsab fil-pjattaforma komuni tad-data, l-Awtoritajiet jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipju tal-oriġinatur. Skont dak il-prinċipju, l-immarkar tal-kunfidenzjalità tad-data dwar sustanzi kimiċi, kif imwettaq mill-oriġinatur u kif indikat b’mod korrispondenti mill-aġenzija rilevanti meta tipprovdi dik id-data lill-pjattaforma komuni tad-data, jenħtieġ li jiġi rispettat mill-Awtoritajiet li jużaw dik id-data biex iwettqu l-funzjonijiet regolatorji tagħhom jew iwettqu l-kompiti tagħhom. Il-pjattaforma komuni tad-data jenħtieġ li tinkludi wkoll termini u kundizzjonijiet tal-użu tad-data, inkluż rigward id-drittijiet tal-propjetà intellettwali.

(17)

Biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tad-detenturi tad-dover meta jiġġeneraw jew jissottomettu data jew informazzjoni skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I, kif ukoll biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni meta tintuża mill-Awtoritajiet, ir-raġunijiet eċċezzjonali għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali stabbiliti f’dawk l-atti legali tal-Unjoni jenħtieġ li japplikaw biss għad-divulgazzjoni tad-data u tal-informazzjoni ppreżentata jew iġġenerata f’konformità ma’ dawk l-atti legali. Pereżempju, skont l-Artikolu 39(4) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fejn azzjoni urġenti tkun essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali jew tal-ambjent, bħal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-EFSA tista’ tiddivulga informazzjoni li qabel kienet meqjusa kunfidenzjali skont dak ir-Regolament u l-EFSA hija meħtieġa tagħmel pubblika informazzjoni li qabel kienet meqjusa kunfidenzjali fejn dik l-informazzjoni tifforma parti mill-konklużjonijiet ta’ outputs xjentifiċi tal-EFSA li tirrigwarda effetti prevedibbli fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent. Bl-istess mod, l-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jipprevedi l-possibbiltà li l-ECHA tiddivulga informazzjoni kunfidenzjali ppreżentata lilha skont dak ir-Regolament jekk azzjoni urġenti tkun essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza jew l-ambjent, bħal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

(18)

Meta jipproċessaw jew jiddivulgaw data personali li tinsab fil-pjattaforma komuni tad-data, l-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(19)

Minħabba l-fatt li l-Aġenziji jkunu meħtieġa jaħżnu data xjentifika li tinkludi data kunfidenzjali u personali, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tali ħżin jitwettaq f’konformità ma’ livell għoli ta’ sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni u li l-aċċess għad-data kunfidenzjali jkun jista’ jiġi awditjat.

(20)

Filwaqt li l-ECHA jenħtieġ li tidentifika u tiżviluppa l-funzjonalitajiet tekniċi tal-pjattaforma komuni tad-data fi stadji, ċerti servizzi ddedikati jenħtieġ li jkunu previsti minn dan ir-Regolament. Bħala tali, jenħtieġ li l-pjattaforma komuni tad-data, minbarra li tipprovdi aċċess għad-data relatata mas-sustanzi kimiċi magħmula disponibbli mill-Aġenziji u mill-Kummissjoni, tipprovdi aċċess għad-data dwar sustanzi kimiċi u l-informazzjoni magħmula disponibbli permezz tas-servizzi ddedikati tagħha. Dawk is-servizzi ddedikati jenħtieġ li jiġu integrati fil-pjattaforma komuni tad-data u li jikkonsistu mill-Pjattaforma ta’ Informazzjoni għall-Monitoraġġ tas-Sustanzi Kimiċi (“IPCHEM”) eżistenti, repożitorju tal-valuri ta’ referenza, bażi tad-data tan-notifiki dwar l-istudji, bażi tad-data b’informazzjoni dwar il-proċessi regolatorji, bażi tad-data ta’ informazzjoni dwar l-obbligi legali applikabbli, repożitorju ta’ formati standard u vokabularji kkontrollati, bażi tad-data dwar data relatata mas-sostenibbiltà ambjentali, bażi tad-data tas-sustanzi kimiċi f’oġġetti jew fi prodotti, bażi ta’ data dwar l-alternattivi għas-sustanzi ta’ tħassib u dashbord ta’ indikaturi dwar is-sustanzi kimiċi.

(21)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta pjan ta’ implimentazzjoni li jidentifika s-settijiet tad-data ta’ data dwar sustanzi kimiċi li għandhom ikunu aċċessibbli permezz tal-pjattaforma komuni tad-data u l-iskeda ta’ żmien għall-inkorporazzjoni tagħhom, infurmati mill-ħidma preparatorja tal-Kummissjoni u tal-Aġenziji. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi skema ta’ governanza biex tappoġġa u tmexxi l-operat u l-evoluzzjoni tal-pjattaforma tad-data li tkopri l-organizzazzjoni tal-istrutturi tax-xogħol u l-koordinazzjoni bejn l-ECHA u l-fornituri tad-data, ir-regoli, il-formati u l-vokabularji meħtieġa għall-inkorporazzjoni tad-data, u, permezz ta’ pjan ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tiżgura l-progress fl-identifikazzjoni u fl-inkorporazzjoni ta’ settijiet tad-data ta’ data dwar sustanzi kimiċi u servizzi ġodda għall-pjattaforma komuni tad-data. L-iskema ta’ governanza jenħtieġ li tiġi adottata u aġġornata kif meħtieġ mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ kumitat ta’ tmexxija tal-pjattaforma li għadu kif ġie stabbilit magħmul minn rappreżentanti mill-Aġenziji u mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-oqsma kollha ta’ ħidma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu kkunsidrati mill-kumitat ta’ tmexxija. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligi biex jiġi stabbilit pjan ta’ implimentazzjoni u skema ta’ governanza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(22)

Meta teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni, u fil-każijiet fejn ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) ma japplikax, jenħtieġ li l-Kummissjoni, bħala parti mill-ħidma preparatorja tagħha, tqis il-fehmiet tal-Istati Membri.

(23)

Il-pjattaforma komuni tad-data jenħtieġ li sservi l-aktar komunità wiesgħa possibbli u jenħtieġ li jkollha l-kapaċità li tindirizza każijiet ġodda ta’ użu, tinkorpora settijiet tad-data rilevanti ġodda ta’ data dwar sustanzi kimiċi, tiżviluppa funzjonalitajiet ġodda, u tirrispondi għall-iżvilupp ta’ għodod u applikazzjonijiet.

(24)

Sabiex jinġabru flimkien id-data u l-informazzjoni rilevanti kollha dwar sustanzi kimiċi fil-pjattaforma komuni tad-data, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jaġixxu bħala fornituri tad-data u jagħmlu disponibbli għall-ECHA kwalunkwe data rilevanti bħal din li jkollhom jew li jżommu għall-inkorporazzjoni fil-pjattaforma komuni tad-data. L-Aġenziji, inkluża l-ECHA nnifisha meta tagħmel id-data tagħha stess disponibbli, jenħtieġ li jipprovdu l-metadata standard meħtieġa, l-informazzjoni kuntestwali u l-immappjar rilevanti tal-istruttura tal-pjattaforma komuni tad-data, u li jirrispettaw ir-regoli dwar il-formati standard u l-vokabularji kkontrollati, fejn dawn ikunu disponibbli. Il-kontroll tal-kwalità tad-data u l-kontrolli tal-kompletezza tas-sottomissjonijiet tad-data jenħtieġ li jitwettqu mill-oriġinatur f’konformità mal-att oriġinarju tal-Unjoni li skontu d-data tkun ġiet ippreżentata jew iġġenerata.

(25)

Biex jiġi żgurat li bażi adegwata ta’ għarfien dwar is-sustanzi kimiċi tkun disponibbli permezz tal-pjattaforma komuni tad-data, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ titlob lill-Aġenziji jospitaw, iżommu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, permezz tal-pjattaforma komuni tad-data, id-data dwar sustanzi kimiċi ġġenerata bħala parti minn programmi jew minn attivitajiet ta’ riċerka tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali minbarra d-data li diġà tgħaddi għand l-Aġenziji skont l-obbligi taħt l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I jew skont obbligi oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel dawn it-talbiet lill-Aġenziji f’konformità mal-mandati u mal-kompiti allokati tagħhom. L-Istati Membri jew partijiet oħra, inklużi aġenziji nazzjonali, istituti ta’ riċerka u organizzazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu jistgħu joffru data dwar sustanzi kimiċi lill-Aġenziji jew lill-Kummissjoni bl-użu tal-format standard xieraq, fejn disponibbli. F’ tali każijiet, jenħtieġ li jkun f’idejn l-Aġenziji jew il-Kummissjoni, kif xieraq, li jiddeċiedu jekk jospitawx u jżommux id-data.

(26)

Xi tipi ta’ data bħalissa ma jaqgħu fil-mandat tal-ebda waħda mill-Aġenziji. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-Aġenziji u tal-ġestjoni effiċjenti tad-data dwar sustanzi kimiċi, l-Aġenziji jenħtieġ li jkunu meħtieġa jospitaw u tipi speċifiċi ta’ data u jipprovdu dawk it-tipi ta’ data għall-pjattaforma komuni tad-data. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-EEA tospita data dwar il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa u data dwar il-monitoraġġ ambjentali, kif ukoll data dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi f’matriċijiet umani bħad-demm jew l-awrina (“data dwar il-bijomonitoraġġ uman”), u tipprovdi dik id-data għall-pjattaforma komuni tad-data, u jenħtieġ li l-ECHA tospita data ta’ monitoraġġ fuq il-post tax-xogħol, inkluż data dwar il-bijomonitoraġġ uman okkupazzjonali, u tipprovdi dik id-data għall-pjattaforma komuni tad-data.

(27)

Biex jittejjeb l-użu tad-data akkademika u tiġi estiża l-bażi tal-għarfien għall-valutazzjonijiet tas-sikurezza tas-sustanzi kimiċi u għall-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq is-sostenibbiltà ambjentali, ir-riċerkaturi jew il-konsorzji tar-riċerka ffinanzjati mill-programmi qafas tal-Unjoni, jew, kif rilevanti, mill-programmi nazzjonali, jenħtieġ li, f’konformità mal-prinċipju “kemm jista’ jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ”, jagħmlu disponibbli, kwalunkwe data dwar il-bijomonitoraġġ uman li jiġbru jew jiġġeneraw, li tirriżulta minn programmi ta’ riċerka u żvilupp għall-EEA, u jagħmlu disponibbli kwalunkwe data relatata mas-sostenibbiltà ambjentali dwar is-sustanzi kimiċi jew materjali li jiġbru jew jiġġeneraw għall-ECHA. Għal data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali, l-EEA jenħtieġ li tispeċifika liema tip ta’ data jenħtieġ li tkun disponibbli għaliha, jiġifieri jekk hijiex data anonimizzata, psewdonimizzata jew identifikabbli.

(28)

L-EEA, bħala l-Aġenzija responsabbli għall-monitoraġġ tad-data u tal-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi fl-ambjent, jenħtieġ li tkun responsabbli wkoll għall-ġbir tad-data dwar il-bijomonitoraġġ uman. Jenħtieġ li tospita u żżomm ukoll tali data dwar il-bijomonitoraġġ uman, bl-eċċezzjoni tad-data dwar il-bijomonitoraġġ uman okkupazzjonali, li jenħtieġ li tiġi ospitata u miżmuma mill-ECHA.

(29)

L-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproċessaw data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali. Peress li d-data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali hija kategorija speċjali ta’ data personali, jiġifieri, id-data dwar is-saħħa, l-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jipproċessaw tali data biss meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, kif stabbilit fl-Artikolu 10(2)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725, jew għar-riċerka xjentifika kif stabbilit fl-Artikolu 10(2)(j) ta’ dak ir-Regolament. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi l-każijiet li fihom ikun hemm tali interess pubbliku sostanzjali fl-ipproċessar tad-data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali.

(30)

Id-data dwar il-bijomonitoraġġ uman miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi inkluża fil-pjattaforma komuni tad-data biex jiġu żgurati l-kompletezza u r-rilevanza tas-settijiet tad-data tal-bijomonitoraġġ uman għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Aġenziji u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jipproċessaw kwalunkwe data bħal din miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(31)

Jenħtieġ li l-Agenziji u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jipproċessaw data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali biex jivvalutaw l-impatt tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, jimmonitorjaw ix-xejriet taż-żmien u tal-ispazju fl-esponiment, jivvalutaw il-ħtieġa ta’ azzjoni regolatorja u jipprijoritizzaw tali azzjoni, jimmonitorjaw l-impatt tal-azzjoni regolatorja, u jappoġġaw it-tfassil ta’ politiki u l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni, inkluż permezz tat-twettiq ta’ riċerka xjentifika għal dawk l-għanijiet. Barra minn hekk, filwaqt li jitqiesu l-missjoni u l-attivitajiet tagħhom, l-EEA, l-ECHA, l-EFSA, EU-OSHA u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproċessaw data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali biex jiżviluppaw indikaturi tar-riskju u tal-impatt fuq is-saħħa, l-ECHA, l-EFSA u l-EMA jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproċessaw tali data biex iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolatorji u jappoġġaw il-ġestjoni tar-riskju regolatorja u l-EEA, l-ECHA, l-EFSA u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproċessaw tali data fil-kuntest ta’ studji skont il-mekkaniżmu tal-ġenerazzjoni tad-data stabbilit permezz ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-EEA u EU-OSHA jkunu jistgħu wkoll jipproċessaw data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali biex jappoġġaw il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju regolatorji u jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproċessa tali data biex twettaq valutazzjoni u ġestjoni tar-riskju regolatorji. Meta jipproċessaw id-data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali, l-Agenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jikkonformaw mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(32)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data dwar il-bijomonitoraġġ uman li tikkostitwixxi data personali, l-EEA jenħtieġ li tipprovdi biss data dwar il-bijomonitoraġġ uman anonimizzata lill-ECHA għall-inkorporazzjoni fl-IPCHEM u fil-pjattaforma komuni tad-data. L-IPCHEM, li attwalment hija operata mill-Kummissjoni, tiġbor data tal-okkorrenza dwar is-sustanzi kimiċi f’media differenti, inklużi l-ilma, il-ħamrija, l-arja ta’ ġewwa u ta’ barra, il-bijota, l-ikel u l-għalf, il-bnedmin u l-prodotti. Sabiex jittieħed vantaġġ mill-inkorporazzjoni ta’ diversi sistemi ta’ informazzjoni u biex jiġi żgurat li d-data tal-okkorrenza dwar is-sustanzi kimiċi tkun disponibbli għall-użu flimkien mad-data l-oħra dwar is-sustanzi kimiċi, l-ECHA jenħtieġ li tieħu f’idejha l-operat tal-IPCHEM mill-Kummissjoni u tinkorpora l-IPCHEM fil-pjattaforma komuni tad-data bħala wieħed mis-servizzi ddedikati ewlenin tagħha.

(33)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-operat u fil-funzjonament attwali tal-IPCHEM, l-ECHA jenħtieġ li tinkorpora l-IPCHEM fil-pjattaforma komuni tad-data flimkien mad-data preżenti fl-IPCHEM fil-mument tal-inkorporazzjoni. Fl-istess ħin, sabiex tippermetti l-ospitar u l-ġestjoni ottimali tad-data tal-okkorrenza dwar is-sustanzi kimiċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tittrasferixxi wkoll id-data preżenti fl-IPCHEM lill-ECHA, lill-EEA jew lill-EFSA għall-ospitar u l-aġġornament futur f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-ECHA tieħu f’idejha l-operat tal-IPCHEM mingħand il-Kummissjoni u tinkorporah fil-pjattaforma komuni tad-data, tieħu f’idejha s-settijiet tad-data inizjali u tistabbilixxi flussi adegwati tad-data, huwa meħtieġ li l-ECHA tingħata żmien biżżejjed biex twettaq dawk l-azzjonijiet, jiġifieri sa 3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(34)

Sabiex jiġu promossi l-użu u l-armonizzazzjoni tal-valuri ta’ referenza fost l-assessuri tar-riskju u l-ġesturi tar-riskju f’atti legali differenti tal-Unjoni u biex jiġu ffaċilitati l-konformità mal-valuri ta’ referenza regolatorji u l-infurzar tagħhom, l-ECHA jenħtieġ li tistabbilixxi u żżomm repożitorju tal-valuri ta’ referenza li jkunu stabbiliti jew adottati skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Annessi I u II. L-Aġenziji jenħtieġ li jipprovdu lill-ECHA b’valuri ta’ referenza li jkollhom jew li jistabbilixxu bħala parti mill-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, l-ECHA jenħtieġ li teżamina regolarment l-atti legali tal-Unjoni għall-valuri ta’ referenza adottati skonthom. Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess faċli tal-pubbliku għal valuri ta’ referenza aġġornati, jenħtieġ li l-ECHA tinkorpora r-repożitorju tal-valuri ta’ referenza fil-pjattaforma komuni tad-data bħala servizz iddedikat u tinkludi f’dak ir-repożitorju l-valuri ta’ referenza kollha li tkun irċeviet jew sabet flimkien mad-data rilevanti tal-kuntest. Jenħtieġ li l-ECHA tiżgura li dawk il-valuri u dik id-data tal-kuntest ikunu jistgħu jinqraw mill-magni. L-ECHA jenħtieġ li tinkludi wkoll, fir-repożitorju tal-valuri ta’ referenza, kwalunkwe valur ta’ referenza ieħor li tqis rilevanti u li jkun iġġenerat bħala parti minn programmi jew minn attivitajiet ta’ riċerka tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali u magħmul disponibbli lill-ECHA f’format standard fejn tali format ikun disponibbli. Għal valur ta’ referenza għall-effett karċinoġeniku ta’ sustanza kimika li għaliha ma jista’ jiġi speċifikat l-ebda livell massimu ta’ esponiment li taħtu ma jkun mistenni l-ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll, jekk ikun magħruf, ir-riskju statistiku tal-kanċer assoċjat ma’ dak il-valur ta’ referenza.

(35)

Sabiex tiżdied it-trasparenza, kif ukoll biex l-Awtoritajiet ikun jista’ jkollhom għarfien sħiħ minn qabel tal-istudji kkummissjonati mill-operaturi tan-negozju, irrispettivament minn jekk tali studji jitwettqux mill-operaturi tan-negozju nnifishom jew ikunux esternalizzati, l-operaturi tan-negozju u l-laboratorji jenħtieġ li jinnotifikaw f’bażi tad-data tan-notifiki dwar l-istudji stabbilita u ġestita mill-ECHA l-istudji dwar is-sustanzi kimiċi li huma jikkummissjonaw għall-konformità mar-rekwiżiti regolatorji skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I, il-Parti 1. L-ECHA jenħtieġ li tistabbilixxi u tiġġestixxi bażi tad-data tan-notifiki dwar l-istudji, li tkun separata mill-pjattaforma komuni tad-data. Dik il-bażi tad-data jenħtieġ li tintuża biex tinħażen l-informazzjoni relatata ma’ dawk l-istudji u jenħtieġ li dik l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar ikollhom aċċess għall-bażi tad-data filwaqt li tiġi żgurata t-trażmissjoni sikura tad-data li tinsab fiha. Sabiex l-operaturi tan-negozju u l-laboratorji jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju notifiki tal-istudji, l-obbligu li jiġu nnotifikati l-istudji jenħtieġ li jibda japplika biss 22 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(36)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-operaturi tan-negozju u l-laboratorji huma obbligati jinnotifikaw f’bażi tad-data tan-notifiki dwar l-istudji stabbilita u ġestita mill-EFSA l-istudji li huma jikkummissjonaw biex jappoġġaw applikazzjoni jew notifika li fir-rigward tagħha l-liġi tal-Unjoni jkun fiha dispożizzjonijiet biex l-EFSA tipprovdi output xjentifiku. Biex jiġi evitat piż żejjed fuq l-operaturi tan-negozju u fuq il-laboratorji, huma għalhekk jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jinnotifikaw ukoll dawk l-istudji fil-bażi tad-data tan-notifiki dwar l-istudji stabbilita u ġestita mill-ECHA skont dan ir-Regolament.

(37)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawk iż-żewġ mekkaniżmi ta’ notifika dwar l-istudji, kif ukoll biex tiġi żgurata ċ-ċertezza għall-operaturi tan-negozju li huma meħtieġa jinnotifikaw studji, ir-regoli dwar id-disseminazzjoni pubblika tan-notifiki dwar l-istudji jenħtieġ li, fejn ikun rilevanti, jikkorrispondu billi n-notifiki jenħtieġ li jkunu disponibbli biss permezz tal-pjattaforma komuni tad-data ladarba reġistrazzjoni, applikazzjoni, notifika jew dossier regolatorju rilevanti ieħor korrispondenti jkunu ġew ippreżentati lill-istituzzjoni rilevanti tal-Unjoni jew lill-istituzzjoni rilevanti nazzjonali. Sabiex tiġi rispettata l-kunfidenzjalità tal-elementi rilevanti tan-notifiki dwar l-istudji meta jiġu inkorporati fil-pjattaforma komuni tad-data, meta l-Kummissjoni jew waħda mill-Aġenziji tagħmel ir-reġistrazzjoni, l-applikazzjoni, in-notifika jew dossier regolatorju rilevanti ieħor korrispondenti disponibbli għall-ECHA, jenħtieġ li tindika wkoll liema elementi tan-notifika dwar l-istudju għandhom ikunu kunfidenzjali meta jiġi inkluż fil-pjattaforma komuni tad-data. Dawk l-elementi biss jenħtieġ li jiġu indikati bħala kunfidenzjali meta l-istess element ikun indikat bħala kunfidenzjali fl-applikazzjoni, fin-notifika jew f’dossier regolatorju rilevanti ieħor korrispondenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità skont l-att oriġinarju tal-Unjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżit ta’ notifika ta’ studju, l-ECHA u l-EFSA jenħtieġ li jikkooperaw biex jiżguraw approċċ komuni għall-identifikazzjoni tal-informazzjoni notifikata sabiex tiġi ffaċilitata t-traċċabbiltà tal-istudji nnotifikati fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza għall-operaturi tan-negozju li tirriżulta mill-eżistenza ta’ żewġ bażijiet tad-data tan-notifiki dwar l-istudji, waħda ġestita mill-ECHA u waħda mill-EFSAt, jenħtieġ li l-ECHA tistabbilixxi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EFSA u f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, arranġamenti prattiċi biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ notifika, inklużi dettalji fir-rigward tat-tip ta’ studji li jeħtieġu notifika.

(38)

Filwaqt li l-obbligu ta’ notifika tal-istudji skont dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika fil-kuntest tal-atti legali kollha tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I, il-Parti 1, id-diversi proċessi rilevanti ta’ ġbir tad-data u ta’ valutazzjoni tas-sikurezza skont dawk l-atti jistgħu jvarjaw ħafna proċeduralment. L-għan ġenerali tal-bażi tad-data tan-notifiki dwar l-istudji stabbilita skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun li tiġbor flimkien l-informazzjoni rigward l-istudji dwar is-sustanzi kimiċi li jkunu qed jiġu kkummissjonati mill-operaturi tan-negozju, sabiex issir possibbli li tingħata stampa ġenerali ċentralizzata u sħiħa tal-istudji li jkunu qed jitwettqu biex jappoġġaw applikazzjoni, notifika jew dossier regolatorju maħsuba biex jiġu nnotifikati jew ippreżentati lil Awtorità, kif ukoll kwalunkwe studju dwar is-sustanzi kimiċi, weħedhom jew fi prodotti, li operaturi tan-negozju jkunu kkummissjonaw bħala parti minn valutazzjoni ta’ riskju jew ta’ sikurezza, sabiex jiżguraw il-konformità skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I. Minħabba dan l-objettiv u b’kont meħud tal-fatt li l-proċessi ta’ valutazzjoni skont l-atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I jistgħu jvarjaw ħafna, ikun lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill-għanijiet ta’ dan ir-Regolament li dawk il-proċessi ta’ valutazzjoni stabbiliti skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I jiġu emendati billi jiġu imposti kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk il-proċessi li jwasslu għal konsegwenzi potenzjali għall-aċċess għas-suq mhux previsti f’dawk l-atti legali tal-Unjoni. Konsegwentement, mhuwiex xieraq li f’dan ir-Regolament jiġu previsti konsegwenzi assoċjati man-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ notifika dwar l-istudji bħal dawk previsti fl-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ notifika dwar l-istudji skont dak ir-Regolament.

(39)

Madankollu, biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu ta’ notifika dwar l-istudji skont dan ir-Regolament, u biex jiġu koperti l-ispeċifiċitajiet tal-proċessi ta’ valutazzjoni individwali, jekk ikun hemm, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dak l-obbligu u li jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu rispettati. Dawk il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, peress li n-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament jista’ jirriżulta f’valutazzjonijiet tar-riskju tas-sustanzi kimiċi anqas robusti, li joħolqu riskji potenzjali u konsegwentement effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

(40)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar mill-Istati Membri, l-Aġenziji responsabbli għall-valutazzjoni u għall-forniment ta’ output xjentifiku, inklużi opinjonijiet xjentifiċi, dwar dossiers regolatorji li jkun fihom studji soġġetti għal notifika lill-ECHA jenħtieġ li, fejn ikun rilevanti, jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istat Membru biex jgħinuhom jiċċekkjaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(41)

Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 178/2002 jirrikjedi wkoll il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-pubbliku wara n-notifika lill-EFSA tal-istudji kkummissjonati għall-finijiet tat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni jew approvazzjoni, rekwiżit simili skont dan ir-Regolament ikun jimponi piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-ECHA, minħabba l-ambitu wiesa’ tal-istudji li għandhom jiġu nnotifikati skont dan ir-Regolament.

(42)

Skont il-mekkaniżmu ta’ notifika dwar l-istudji stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fejn ir-reġistranti jkunu meħtieġa jwettqu studji biex jiġġeneraw data f’konformità mar-rekwiżiti fl-Annessi IX u X ta’ dak ir-Regolament, l-ewwel iridu jippreżentaw proposta ta’ ttestjar lill-ECHA. L-ECHA wara toħroġ deċiżjoni li titlobhom iwettqu studju. Tali deċiżjoni tista’ tinħareġ ukoll bħala riżultat ta’ kontroll tal-konformità jew bħala evalwazzjoni tas-sustanzi skont dak ir-Regolament. Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u t-traċċabbiltà u jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ effettiv tal-istudji kkummissjonati jew imwettqa skont deċiżjoni tal-ECHA f’konformità mal-Artikoli 40, 41 jew 46 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-operaturi tan-negozju jenħtieġ li jispeċifikaw fin-notifiki tal-istudji tagħhom skont dan ir-Regolament li dawk l-istudji jkunu qed jiġu kkummissjonati jew imwettqa f’konformità ma’ dawk id-deċiżjonijiet.

(43)

Biex jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-korpi differenti li jwettqu valutazzjonijiet tas-sustanzi kimiċi fl-Unjoni, u biex tiġi promossa trasparenza akbar tal-valutazzjonijiet tas-sustanzi kimiċi, jenħtieġ li l-ECHA tistabbilixxi u tiġġestixxi bażi tad-data b’informazzjoni dwar il-proċessi jew l-attivitajiet regolatorji li jkunu ppjanati, għaddejjin jew ikkompletati mill-Istati Membri, mill-aġenziji nazzjonali, mill-Kummissjoni, mill-ECHA, mill-EEA, mill-EFSA u minn EU-OSHA u mill-kumitati msemmija fl-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament u tinkorpora dik il-bażi tad-data fil-pjattaforma komuni tad-data għall-aċċess mill-Awtoritajiet. L-informazzjoni dwar tali proċessi jew attivitajiet regolatorji jenħtieġ li tinkludi mill-anqas l-identità tas-sustanza kimika u l-identifikazzjoni, l-istatus u l-eżitu tal-proċess regolatorju, jew tal-attività, jekk ikun hemm. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll mingħajr dewmien u li tinżamm aġġornata permezz tal-proċess ta’ valutazzjoni. Ladarba l-proċess jew l-attività jkunu bdew formalment, dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi wkoll kondiviża pubblikament fuq il-pjattaforma komuni tad-data.

(44)

L-użu ta’ oġġetti jew prodotti li fihom sustanzi kimiċi jista’ jwassal għal esponiment għal dawk is-sustanzi kimiċi. L-għarfien dwar il-preżenza ta’ sustanzi kimiċi f’oġġetti jew fi prodotti huwa għalhekk essenzjali biex jinftiehem ir-riskju potenzjali li jirriżulta mill-użu ta’ tali oġġetti jew prodotti, biex l-innovazzjoni tiġi orjentata lejn is-sostituzzjoni f’applikazzjonijiet bl-ogħla riskju, kif ukoll biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar jekk u kif tali oġġetti u prodotti jistgħu jiġu riċiklati b’mod sikur. Bħalissa, hemm lakuni fid-data dwar l-okkorrenza ta’ sustanzi kimiċi perikolużi u sustanzi kimiċi oħra ta’ ħsara oħra f’oġġetti u fi prodotti fis-suq tal-Unjoni. Sabiex tissaħħaħ il-viżibbiltà tad-data disponibbli, jenħtieġ li l-ECHA tistabbilixxi u tiġġestixxi bażi tad-data li fiha data dwar is-sustanzi kimiċi f’artikli jew fi prodotti li ġiet iġġenerata jew sottomessa skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness V u tinkorporha fil-pjattaforma komuni tad-data bħala servizz iddedikat.

(45)

Sabiex tappoġġa u tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward ta’ alternattivi għal sustanzi ta’ tħassib, u biex tippromwovi u l-użu ta’ tali alternattivi, jenħtieġ li l-ECHA tistabbilixxi u tiġġestixxi repożitorju b’data dwar alternattivi għal sustanzi ta’ tħassib potenzjali, tiġbor data li ssir disponibbli mill-Kummissjoni, minn Aġenziji u, skont xi jkun il-każ, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u tinkorpora dik il-bażi tad-data fil-pjattaforma komuni tad-data bħala servizz iddedikat. Jenħtieġ li l-ECHA tiffaċilita wkoll is-sottomissjoni volontarja mill-partijiet interessati ta’ informazzjoni dwar alternattivi għal sustanzi ta’ tħassib, inkluża informazzjoni dwar teknoloġiji alternattivi, jew dwar materjali li ma jeħtiġux tali sustanzi.

(46)

Il-proġett eżistenti “Punt ta’ aċċess ċentrali għal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi” ġestit mill-ECHA, jagħmilha aktar faċli biex jinstabu u jiġu identifikati l-obbligi legali relatati mal-użu ta’ sustanza kimika speċifika. Il-proġett huwa partikolarment utli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jidentifikaw l-obbligi legali tagħhom. Biex tissaħħaħ il-funzjoni ta’ appoġġ tal-proġett għall-operaturi tan-negozju, dan jenħtieġ li jiġi stabbilit fuq bażi permanenti u jenħtieġ li jiġu inklużi aktar atti legali tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, l-ECHA jenħtieġ li tiġbor informazzjoni dwar l-obbligi legali li jirriżultaw mill-atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u tinkorpora dik l-informazzjoni fil-pjattaforma komuni tad-data bħala servizz iddedikat.

(47)

Sabiex jiġi żgurat li d-data dwar sustanzi kimiċi tkun tista’ tinstab faċilment fil-pjattaforma komuni tad-data u li d-data rilevanti kollha dwar sustanza kimika speċifika jew materjal speċifiku tkun konnessa, kull sustanza kimika jew materjal jenħtieġ li jiġu identifikati b’identifikatur tekniku uniku u, fejn possibbli u disponibbli, b’notazzjoni kimika li tispeċifika l-istruttura molekulari, filwaqt li jitqies kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità applikabbli. Sabiex jiġi żgurat li d-data dwar sustanzi kimiċi tkun interoperabbli u komparabbli, u jiġi ffaċilitat l-iskambju awtomatiku u elettroniku tagħha, l-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jaħżnu d-data dwar sustanzi kimiċi f’formati adegwati, konsistenti u interoperabbli u jużaw vokabularji kkontrollati konsistenti u interoperabbli. Xi atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I jistabbilixxu proċeduri biex jiġu stabbiliti formati tad-data jew biex il-formati ta’ data jsiru disponibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari għas-sottomissjoni ta’ data dwar sustanzi kimiċi mill-operaturi tan-negozju jew mill-Istati Membri. Fejn tali proċeduri ma jkunux jeżistu fl-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I, l-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li, fejn ikun rilevanti, jispeċifikaw formati xierqa għad-data dwar sustanzi kimiċi li jirċievu u jaħżnu, u jevitaw l-użu ta’ standards proprjetarji filwaqt li, kif ikun xieraq, jużaw formati stabbiliti mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”) jew formati oħra maqbula internazzjonalment, jagħmlu użu minn formati eżistenti u jiżguraw l-interoperabbiltà mal-proċeduri eżistenti għas-sottomissjoni tad-data. Meta jispeċifikaw tali formati u vokabularji kkontrollati, jenħtieġ li l-Aġenziji u l-Kummissjoni, fejn ikun rilevanti, iqisu l-input u l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati.

(48)

L-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jispeċifikaw vokabularji kkontrollati xierqa għad-data li jirċievu u jaħżnu u, fejn ikun rilevanti, jintegrawhom fis-software jew fil-formati tas-sottomissjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat skambju elettroniku bla xkiel tad-data permezz tal-pjattaforma komuni tad-data, l-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jaqblu dwar il-formati u l-vokabularji kkontrollati meħtieġa biex jipprovdu d-data lill-pjattaforma komuni tad-data. Kull meta l-Aġenziji jew il-Kummissjoni jistabbilixxu formati jew vokabularji kkontrollati, huma jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin biex jiżguraw il-konsistenza u l-interoperabbiltà tagħhom. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għas-soluzzjoni tad-diverġenzi fil-formati tad-data u fil-vokabularji kkontrollati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(49)

Sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-bażijiet tad-data dwar sustanzi kimiċi lil hinn mill-pjattaforma komuni tad-data, l-ECHA jenħtieġ li tistabbilixxi repożitorju ta’ formati standard u ta’ vokabularji kkontrollati bħala parti mill-pjattaforma komuni tad-data. L-Aġenziji u l-Kummissjoni jenħtieġ li jagħmlu l-formati u l-vokabularji kkontrollati li jistabbilixxu disponibbli għar-repożitorju, u l-ECHA jenħtieġ li tagħmilhom disponibbli mingħajr ħlas f’formati elettroniċi għall-użu mill-iżviluppaturi tas-sistemi tal-bażijiet tad-data u mill-pubbliku.

(50)

Il-Bażi tad-Data Internazzjonali għall-Informazzjoni Kimika Uniformi (“IUCLID”) hija applikazzjoni tas-software mfassla biex tirreġistra, taħżen, iżżomm u tiskambja data dwar is-sustanzi kimiċi. L-ECHA tiżviluppa u żżomm is-software tal-IUCLID u l-format sottostanti f’kollaborazzjoni mal-OECD. L-IUCLID timplimenta l-mudelli kollha armonizzati tal-OECD, li huma formati armonizzati maqbula fil-livell tal-OECD biex tiġi ffaċilitata d-dokumentazzjoni strutturata u konsistenti tal-outputs tat-testijiet u data simili dwar sustanzi kimiċi. Peress li d-data dwar sustanzi kimiċi qed tiġi ppreżentata lill-ECHA fl-IUCLID skont atti legali tal-Unjoni bħar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u r-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 (12) u (UE) Nru 528/2012 (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-ECHA hija involuta mill-qrib fl-iżvilupp kontinwu tal-IUCLID u l-IUCLID timplimenta l-formati standard maqbula fil-livell tal-OECD, huwa xieraq u meħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jkunu meħtieġa jużaw l-IUCLID għall-partijiet rilevanti tad-dossiers skont l-atti legali speċifikati tal-Unjoni elenkati fl-Anness I meta jagħmlu d-data li tinsab f’dawk id-dossiers disponibbli għall-ECHA.

(51)

Sabiex jappoġġaw l-użu ta’ data tar-riċerka ppubblikata rieżaminata bejn il-pari fil-valutazzjonijiet regolatorji tas-sustanzi kimiċi u l-implimentazzjoni tal-obbligu li titqies id-data disponibbli kollha f’tali valutazzjonijiet, il-Kummissjoni u l-Aġenziji jenħtieġ li jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod u prattiki li jiffaċilitaw taliużu, inkluż l-iżvilupp u l-użu ta’ standards tar-rapportar għal tali data u għodod għat-tiftix, l-iskrinjar u l-estrazzjoni ta’ data tar-riċerka ppubblikata rieżaminata bejn il-pari rilevanti. Fejn il-Kummissjoni jew waħda mill-Aġenziji jinvolvu ruħhom fl-iżvilupp ta’ tali għodod u prattiki, jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib u jipprovdu assistenza kif xieraq. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk għandhiex tikkollabora ma’ pubblikaturi xjentifiċi u akkademiċi u ma’ operaturi ta’ bażijiet tad-data li jkun fihom kontenut ta’ ġurnali rieżaminati bejn il-pari dwar ir-rapportar armonizzat u dwar l-użu ta’ għodod għat-tiftix, għall-iskrinjar u għall-estrazzjoni ta’ data tar-riċerka ppubblikata rieżaminata bejn il-pari rilevanti għall-valutazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi minn bażijiet tad-data li jkun fihom kontenut ta’ ġurnali rieżaminati bejn il-pari. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-ħidma mwettqa mill-OECD dwar il-ġenerazzjoni, ir-rapportar u l-użu ta’ data tar-riċerka ppubblikata rieżaminata bejn il-pari għall-valutazzjonijiet regolatorji.

(52)

Biex tiżdied id-disponibbiltà u jiġi ffaċilitat l-użu ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tas-sustanzi kimiċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u biex tkun tista’ ssir valutazzjoni komprensiva tal-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq l-ambjent, il-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika d-data u l-informazzjoni rilevanti relatati mas-sostenibbiltà ambjentali tas-sustanzi kimiċi, inkluż, fejn disponibbli, informazzjoni dwar l-impatt tagħhom fuq it-tibdil fil-klima, għall-inkorporazzjoni fil-pjattaforma komuni tad-data. Ladarba l-Kummissjoni tkun identifikat is-settijiet tad-data eżistenti rilevanti ta’ data dwar sustanzi kimiċi dwar id-data relatata mas-sostenibbiltà ambjentali u tkun fasslet il-funzjonalitajiet tal-bażi tad-data relatata rilevanti, l-ECHA jenħtieġ li tistabbilixxi bażi tad-data ta’ data relatata mas-sostenibbiltà ambjentali, tiġbor kwalunkwe data li ssir disponibbli mill-Kummissjoni, mill-Aġenziji, u, fejn ikun rilevanti, mir-riċerkaturi u mill-konsorzji tar-riċerka ffinanzjati mill-programmi qafas tal-Unjoni, kif ukoll minn partijiet oħra, jekk ikun hemm„ u tinkorpora dik il-bażi tad-data fil-pjattaforma komuni tad-data bħala servizz iddedikat. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligu li jiġu identifikati settijiet tad-data rilevanti dwar is-sostenibbiltà ambjentali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(53)

Biex jiġu mmonitorjati l-impatti fuq il-bnedmin u l-ambjent, inkluża l-klima, tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi u biex tiġi stabbilita bażi ta’ għarfien biex titkejjel l-effettività tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, l-EEA u l-ECHA jenħtieġ li, f’kollaborazzjoni mal-EFSA, mal-EMA, mal-EU-OSHA u mal-Kummissjoni, jiżviluppaw b’mod konġunt u jaġġornaw b’mod regolari, mill-anqas kull sentejn, qafas ta’ indikaturi u jippreżentawh fil-forma ta’ dashboard. Il-qafas tal-indikaturi jenħtieġ li, fejn sinifikattiv u sa fejn ikun possibbli, jinkludi indikatur tar-riskju aggregat ibbażat fuq it-territorju f’livelli ġeografiċi xierqa biex jimmonitorja ix-xejriet taż-żmien u tal-ispazju fl-esponiment tal-popolazzjonijiet għal sustanzi kimiċi, u għall-riskji tas-saħħa assoċjati ma’ tali esponiment. L-EFSA, l-EMA, EU-OSHA u l-Kummissjoni jenħtieġ li jipprovdu regolarment lill-EEA bi kwalunkwe data disponibbli li taqa’ taħt il-mandat tagħhom u li tkun rilevanti għall-istabbiliment tal-indikaturi. L-EEA u l-ECHA jenħtieġ li jinkorporaw id-dashboard tal-indikaturi fil-pjattaforma komuni tad-data.

(54)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ twissija u ta’ azzjoni bikrija biex jiġu identifikati r-riskji kimiċi emerġenti u jkun jista’ jsir segwitu regolatorju bikri għal tali riskji. Biex tippermetti l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ riskji kimiċi emerġenti, l-EEA jenħtieġ li tiżviluppa u tiġbor informazzjoni dwar sinjali ta’ twissija bikrija, tfassal rapport ta’ sinteżi annwali u tippreżentah lill-Awtoritajiet. Fil-ħidma tagħha, l-EEA jenħtieġ li tinkludi s-sorsi tagħha stess u t-tfittxijiet immirati fil-letteratura, u jenħtieġ li tagħmel użu mill-informazzjoni mis-sistemi nazzjonali ta’ twissija bikrija kif ukoll mis-settijiet tad-data rilevanti mill-katalgu tas-settijiet tad-data tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2025/327 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Hija jenħtieġ li tinkludi wkoll l-informazzjoni rilevanti li tirriżulta mill-ħidma relatata tal-ECHA, tal-EFSA, tal-EU-OSHA, tal-EMA u tan-networks tagħhom, bħall-kompitu tal-EFSA li tidentifika u tiġbor informazzjoni dwar ir-riskji emerġenti skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002. L-EEA jenħtieġ li tagħmel ir-rapport ta’ sinteżi u d-data sottostanti disponibbli permezz tal-pjattaforma komuni tad-data, filwaqt li tiżgura l-aċċess pubbliku għad-data u għar-rapport, u l-użu tagħhom għal aktar azzjoni dwar ir-riskji eżistenti u emerġenti rigward sustanzi kimiċi, gruppi ta’ sustanzi kimiċi, u esponiment kumulattiv għal sustanzi kimiċi. Sabiex l-EEA jkollha biżżejjed żmien biex torganizza l-ġbir tas-sinjali ta’ twissija bikrija u biex tiġbor u tanalizza l-informazzjoni inizjali, l-EEA jenħtieġ li tippreżenta l-ewwel rapport sitt xhur biss wara t-tmiem tal-ewwel sena kalendarja wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Abbażi tar-riskji u s-sinjali ta’ twissija identifikati fir-rapport, jenħtieġ li l-Awtoritajiet jikkunsidraw jieħdu azzjoni regolatorja, ta’ politika jew ta’ infurzar u jenħtieġ li jipprovdu ġustifikazzjoni jekk jiddeċiedu li ma jiħdux azzjoni. Ir-riskji kimiċi emerġenti identifikati fis-sistema ta’ twissija bikrija u ta’ azzjoni jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala sors ta’ informazzjoni siewi meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-ippjanar strateġiku ta’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(55)

F’Ġunju 2017, fuq talba tal-Kummissjoni, l-ECHA stabbiliet l-Osservatorju Ewropew għan-Nanomaterjali (“EUON”), li jiġbor data u informazzjoni eżistenti minn bażijiet tad-data, reġistri u studji u jiġġenera data ġdida permezz ta’ studji u stħarriġ dwar in-nanomaterjali fis-suq tal-Unjoni.

(56)

L-ECHA jenħtieġ li tkompli topera l-EUON u tittrasformah f’osservatorju għal sustanzi kimiċi u gruppi ta’ sustanzi kimiċi speċifiċi bil-potenzjali li jikkontribwixxu għar-riskji kimiċi emerġenti (“l-osservatorju”), li jenħtieġ li jkopri wkoll sustanzi kimiċi oħra u materjali innovattivi (“avvanzati” kumplessi mfasslin b’mod razzjonali) magħżula mill-Kummissjoni, bl-użu, kif ikun xieraq, ta’ sinjali mis-sistema ta’ twissija u ta’ azzjoni bikrija. Wieħed mill-kriterji għall-għażla tas-sustanzi kimiċi għall-osservatorju jenħtieġ li jkun in-novità u l-potenzjal ta’ tfixkil tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu għal riskju kimiku emerġenti. Kriterju ieħor għall-għażla jenħtieġ li jkun kwalunkwe livell ogħla ta’ inċertezza madwar is-sustanzi kimiċi u, minħabba inqas esperjenza regolatorja fir-rigward tagħhom, il-ħtieġa li tirriżulta għal skrutinju u trasparenza addizzjonali. L-osservatorju jenħtieġ li jiffaċilita l-implimentazzjoni regolatorja u l-użu responsabbli ta’ tali sustanzi kimiċi billi jiġbor, jiġġenera u jxerred informazzjoni affidabbli dwar il-proprjetajiet, l-użi u l-preżenza fis-suq ta’ sustanzi kimiċi magħżula lill-pubbliku.

(57)

L-osservatorju jenħtieġ li ma jitqiesx bħala sostitut għall-azzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju meħtieġa fuq kwalunkwe sustanza kimika f’każijiet fejn ikun ġie identifikat periklu jew riskju. Sabiex tipprovdi għal approċċ effiċjenti u konsistenti għall-ġenerazzjoni u t-tixrid ta’ tali informazzjoni addizzjonali kollha, jenħtieġ li l-ECHA tissorvelja l-ħidma tal-osservatorju u tagħmel id-data u l-informazzjoni aġġornati regolarment li tiġbor disponibbli permezz tal-pjattaforma komuni tad-data, jew permezz ta’ kanali oħra ta’ komunikazzjoni, kif ikun xieraq. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit li jintgħażlu sustanzi kimiċi biex jiġu inklużi fl-osservatorju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(58)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-EFSA tista’ tikkummissjona, b’mod miftuħ u trasparenti, l-istudji xjentifiċi li tkun teħtieġ biex twettaq il-missjoni tagħha, filwaqt li tfittex li tevita d-duplikazzjoni mal-programmi ta’ riċerka tal-Istati Membri jew tal-Unjoni. L-ECHA jenħtieġ li tkun tista’ tikkummissjona wkoll studji biex tikseb data u informazzjoni adegwati dwar is-sustanzi kimiċi u gruppi ta’ sustanzi kimiċi fi ħdan il-mandat tagħha, filwaqt li żżomm il-prinċipju li l-oneru tal-provi tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi jibqa’ fuq id-detentur tad-dover, u tfittex li tevita d-duplikazzjoni mal-programmi ta’ riċerka u ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri jew tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ECHA tikkummissjona tali studji fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq talba tal-Kummissjoni, bl-objettiv li tappoġġa l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni effettivi u effiċjenti tal-atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi fi ħdan il-mandat tagħha u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ politika tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi. Fejn il-kisba ta’ kampjun ta’ sustanza jew ta’ taħlita tkun prekundizzjoni biex jitwettqu l-istudji xjentifiċi, jenħtieġ li l-operatur tan-negozju jagħti, mingħajr ħlas u fuq talba, il-kampjun meħtieġ lill-ECHA, inkluża l-karatterizzazzjoni tas-sustanza jew tat-taħlita fejn ikun rilevanti. Meta l-operatur tan-negozju jippreżenta talba ġustifikata ta’ kunfidenzjalità rigward l-informazzjoni li jipprovdi dwar il-kampjun, jenħtieġ li l-ECHA tirrispetta dik il-kunfidenzjalità. Fejn rilevanti u kull meta jkun possibbli, meta jiġi kkummissjonat studju, l-ECHA jenħtieġ li tagħti prijorità lill-użu ta’ metodi ta’ ttestjar ivvalidati li ma jinvolvux l-annimali, bl-użu ta’ testijiet fuq annimali vertebrati bħala l-aħħar alternattiva biss.

(59)

Sabiex tinġabar informazzjoni dwar l-esponiment taċ-ċittadini Ewropej għas-sustanzi kimiċi, biex jiġu appoġġati l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni effettivi tal-atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi u biex jingħata kontribut għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, jenħtieġ li l-ECHA u l-EFSA, f’kooperazzjoni mal-EEA, jikkummissjonaw studju dwar il-bijomonitoraġġ uman fl-Unjoni kollha. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mal-ECHA, l-EFSA u l-EEA fl-ippjanar u fl-organizzazzjoni ta’ dak l-istudju, u jenħtieġ li jipprovdu l-assistenza teknika u l-appoġġ amministrattiv meħtieġa lill-partijiet ikkuntrattati mill-ECHA jew mill-EFSA biex iwettqu l-kampjunar sabiex jippermettu t-teħid ta’ kampjuni fit-territorji tagħhom u jiżguraw li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi biżżejjed. L-istudju dwar il-bijomonitoraġġ uman jenħtieġ li jaderixxi mal-istandards etiċi u tal-kunfidenzjalità. Filwaqt li tqis l-esperjenza akkwistata permezz ta’ dak l-istudju dwar il-bijomonitoraġġ uman, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta kemm huwa xieraq li jkunu meħtieġa studji dwar il-bijomonitoraġġ uman regolari, kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa għal tali studji u l-modalitajiet għall-involviment tal-Istati Membri f’tali studji. Skont l-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis li tippreżenta proposta leġiżlattiva.

(60)

Sabiex tiżgura l-funzjonament ottimali ta’ dan ir-Regolament u tibqa’ aġġornata dwar l-iżviluppi teknoloġiċi u leġiżlattivi, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq rieżami ġenerali ta’ dan ir-Regolament, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva. Ir-rapport jenħtieġ li jivvaluta l-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-pjattaforma komuni tad-data, jekk dan ir-Regolament laħaqx l-objettivi tiegħu, b’mod partikolari biex jippermetti użu mill-ġdid aħjar tad-data fl-atti legali kollha tal-Unjoni elenkati fl-Anness I, u jekk l-allokazzjoni tar-riżorsi fost l-Aġenziji u l-Kummissjoni kinitx xierqa.

(61)

Sabiex jiġi aġġustat il-kontenut tal-Anness I, li jenħtieġ li jelenka l-atti legali kollha tal-Unjoni li skonthom tiġi ġġenerata jew sottomessa d-data dwar sustanzi kimiċi lill-Aġenziji jew lill-Kummissjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness I billi jiżdiedu atti legali ġodda tal-Unjoni li skonthom jiġu ġġenerati jew sottomessi d-data u l-informazzjoni rilevanti dwar sustanzi kimiċi, hekk kif tali atti legali tal-Unjoni jidħlu fis-seħħ jew jiġu riveduti, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.

(62)

Sabiex jiġi aġġustat il-kontenut tal-Anness II, li jenħtieġ li jelenka l-valuri ta’ referenza rilevanti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness I, il-Parti 2, u miżmuma mill-EMA, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-emendar tal-Anness II fejn, filwaqt li jitqiesu d-diġitalizzazzjoni u l-interoperabbiltà tal-valuri ta’ referenza miżmuma mill-EMA kif ukoll l-utilità tal-valuri għal oqsma oħra ta’ politika u għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni, hemm bżonn li jiġu elenkati valuri ta’ referenza addizzjonali.

(63)

Sabiex jiġi aġġustat il-kontenut tal-Anness III, li jenħtieġ li jelenka l-atti legali kollha tal-Unjoni li skonthom jitwettqu proċessi regolatorji fir-rigward ta’ sustanzi kimiċi jew gruppi ta’ sustanzi kimiċi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-Aġenziji jew mill-Kummissjoni, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-emendar tal-Anness III tiġi ddelegata lill-Kummissjoni billi żżid atti legali ġodda tal-Unjoni li skonthom jitwettqu l-proċessi regolatorji rilevanti fir-rigward ta’ sustanzi kimiċi jew gruppi ta’ sustanzi kimiċi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-Aġenziji jew mill-Kummissjoni, hekk kif tali atti legali tal-Unjoni jidħlu fis-seħħ jew jiġu riveduti, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.

(64)

Sabiex jiġi aġġustat il-kontenut tal-Anness V, li jenħtieġ li jelenka atti legali tal-Unjoni li skonthom tiġi ġġenerata jew sottomessa data dwar sustanzi kimiċi f’artikli jew fi prodotti lill-Aġenziji jew lill-Kummissjoni, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness V billi żżid kwalunkwe att legali ġdid tal-Unjoni li skontu tiġi ġġenerata jew sottomessa data dwar sustanzi kimiċi f’artikli jew fi prodotti, hekk kif jidħol fis-seħħ, sakemm tali att ma jkunx fih dispożizzjoni li żżid dak l-att mal-Anness V, kwalunkwe att legali eżistenti tal-Unjoni elenkat fl-Anness I li huwa emendat b’tali mod li d-data dwar is-sustanzi kimiċi f’artikli jew fi prodotti tiġi ġġenerata jew sottomessa, hekk kif l-att emendatorju rispettiv jidħol fis-seħħ, sakemm l-att emendatorju ma jkunx fih dispożizzjoni li żżid dak l-att mal-Anness V, jew kwalunkwe att legali eżistenti tal-Unjoni elenkat fl-Anness I li għalih ikun sar evidenti minn verifika ulterjuri li d-data dwar is-sustanzi kimiċi f’artikli jew fi prodotti tiġi ġġenerata jew sottomessa skontu.

(65)

Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha fir-rigward tal-emendar tal-Annessi permezz ta’ att delegat, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (16). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(66)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat it-twassil effiċjenti ta’ valutazzjonijiet konsistenti tal-perikli u tar-riskji tas-sustanzi kimiċi meta dawk il-valutazzjonijiet ikunu meħtieġa mill-atti legali tal-Unjoni, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, jiġu permessi l-iżvilupp u l-użu ta’ sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli, jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku għas-sustanzi kimiċi, jittejjeb l-għarfien taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar il-bażi xjentifika għal deċiżjonijiet meħuda skont l-atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi u l-fiduċja tagħhom fiha, u jingħata kontribut għas-sostituzzjoni u t-tnaqqis tal-ittestjar fuq l-annimali kull fejn ikun possibbli, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li l-Istati Membri ma għandhomx id-data fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u ma jistgħux jistabbilixxu pjattaforma komuni tad-data fl-Unjoni kollha, iżda jistgħu pjuttost, minħabba d-data u l-informazzjoni dwar sustanzi kimiċi miżmuma fil-livell tal-Unjoni mill-Aġenziji, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(67)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fid-29 ta’ Jannar 2024,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 12.12.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R2455
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.