+ANNESS II INVESTITURI SOFISTIKATI GĦALL-FINI TA' DAN IR-REGOLAMENT

ANNESS II INVESTITURI SOFISTIKATI GĦALL-FINI TA' DAN IR-REGOLAMENT

ANNESS II

INVESTITURI SOFISTIKATI GĦALL-FINI TA' DAN IR-REGOLAMENT

I.   Kriterji ta' identifikazzjoni

Investitur sofistikat huwa investitur li għandu l-għarfien tar-riskji assoċjati ma' investiment fi swieq kapitali u riżorsi adegwati biex jidħol għal dawk ir-riskji mingħajr ma jesponi ruħu għal konsegwenzi finanzjarji eċċessivi. L-investituri sofistikati jistgħu jiġu kategorizzati bħala tali jekk jissodisfaw il-kriterji ta' identifikazzjoni stabbiliti f'din it-Taqsima u jekk tiġi segwita l-proċedura stabbilita fit-Taqsima II.

Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ġejjin għandhom jitqiesu bħala investituri sofistikati fis-servizzi kollha offruti mill-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità ma' dan ir-Regolament:

(1)

Persuni ġuridiċi li jissodisfaw tal-anqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

għandhom fondi ta' mill-inqas EUR 100 000;

(b)

fatturat nett ta' mill-inqas EUR 2 000 000;

(c)

karta tal-bilanċ ta' mill-inqas EUR 1 000 000.

(2)

Persuni fiżiċi li jissodisfaw tal-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin:

(a)

dħul gross personali ta' mill-inqas EUR 60 000 għal kull sena fiskali, jew portafoll ta' strumenti finanzjarji, definit bħala li jinkludi depożiti ta' flus u assi finanzjarji, li jaqbeż EUR 100 000;

(b)

l-investitur jaħdem jew ikun ħadem fis-settur finanzjarju għal mill-inqas sena f'pożizzjoni professjonali, li teħtieġ għarfien tat-tranżazzjonijiet jew tas-servizzi previsti, jew l-investitur kellu pożizzjoni eżekuttiva għal tal-inqas 12-il xahar f'persuna ġuridika kif imsemmija fil-punt (1);

(c)

l-investitur ikun wettaq tranżazzjonijiet ta' daqs sinifikanti fis-swieq kapitali bi frekwenza medja ta' 10 kull trimestru, fuq l-erba' trimestri preċedenti.

II.   Talba biex wieħed jiġi ttrattat bħala investitur sofistikat

Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-investituri tagħhom mudell li jistgħu jużaw biex jippreżentaw talba biex jiġu ttrattati bħala investituri sofistikati. Il-mudell għandu jkun fih il-kriterji ta' identifikazzjoni stabbiliti fit-Taqsima I u twissija ċara li tispeċifika l-protezzjoni tal-investituri li investitur sofistikat jitlef bħala konsegwenza li jiġi klassifikat bħala tali.

Talba biex wieħed jiġi trattat bħala investitur sofistikat għandu jkun fiha l-punti li ġejjin:

(1)

Attestazzjoni li tispeċifika l-kriterji ta' identifikazzjoni stabbiliti fit-Taqsima I li l-investitur li jkun qed jagħmel it-talba jissodisfa;

(2)

Dikjarazzjoni li l-investitur li jkun qed jagħmel it-talba huwa konxju tal-konsegwenzi tat-telf tal-protezzjoni tal-investituri marbuta mal-istatus ta' investituri mhux sofistikati;

(3)

Dikjarazzjoni li l-investitur li jkun qed jagħmel it-talba jibqa' responsabbli għall-veraċità tal-informazzjoni pprovduta fit-talba.

Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jieħu passi raġonevoli biex jiżgura li l-investitur jikkwalifika bħala investitur sofistikat u għandu jimplimenta politiki interni adegwati bil-miktub biex jikklassifika lill-investituri. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu japprova t-talba sakemm ma jkollux dubji raġonevoli li l-informazzjoni pprovduta fit-talba hija korretta. Il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jinnotifika b'mod espliċitu lill-investituri a meta l-istatus tagħhom jiġi kkonfermat.

L-approvazzjoni msemmija fit-tielet paragrafu għandu jkollha validità ta' sentejn. L-investituri li jixtiequ jżommu l-istatus tagħhom ta' investituri sofistikati wara l-iskadenza tal-perijodu ta' validità għandhom jippreżentaw talba ġdida lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

L-investituri sofistikati għandhom ikunu responsabbli biex iżommu lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv infurmat dwar kwalunkwe bidla li tista' taffettwa l-kategorizzazzjoni tagħhom. Meta l-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jinduna li l-investitur m'għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet inizjali li jkunu għamlu lill-investitur eliġibbli għal trattament bħala investitur sofistikat, il-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandu jinforma lill-investitur li huwa ser jiġi ttrattat bħala investitur mhux sofistikat.

III.   Investituri sofistikati li huma klijenti professjonali

B'deroga mill-proċedura stabbilita fit-Taqsima II ta' dan l-Anness, l-entitajiet imsemmija fil-punti (1) sa (4) tat-Taqsima I tal-Anness II għad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jitqiesu bħala investituri sofistikati jekk jipprovdu prova tal-istatus tagħhom ta’ professjonisti lill-fornitur ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 20.10.2020 00:00:00 -Doknr: CELEX:32020R1503
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.