+Artikolu 395 Limiti tal-iskoperturi kbar
---+Artikolu 395 1.
---+Artikolu 395 2.
---+Artikolu 395 2a.
---+Artikolu 395 3.
---+Artikolu 395 4.
---+Artikolu 395 5.
---+Artikolu 395 6.
---+Artikolu 395 7.
---+Artikolu 395 8.

Artikolu 395 Limiti tal-iskoperturi kbar

-

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 395 1.
Istituzzjoni ma għandhiex iġġarrab skopertura, wara li jiġi kunsidrat l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikoli 399 sa 403, għal klijent jew grupp ta' klijenti konnessi li l-valur tagħhom jaqbeż il-25 % tal-kapital ta' Grad 1 tagħha. Fejn dak il-klijent ikun istituzzjoni jew fejn grupp ta' klijenti konnessi jinkludi istituzzjoni waħda jew iktar, dak il-valur ma għandux jaqbeż il-25 % tal-kapital ta' Grad 1 tal-istituzzjoni jew EUR 150 miljun, liema minnhom ikun l-ogħla, bil-kondizzjoni li s-somma tal-valuri tal-iskopertura, wara li jiġi kunsidrat l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu f'konformità mal-Artikoli 399 sa 403, għall-klijenti konnessi kollha li mhumiex istituzzjonijiet jew ditti tal-investiment, ma tkunx taqbeż il-25 % tal-kapital tal-Grad 1 tal-istituzzjoni.

Fejn l-ammont ta' EUR 150 miljun ikun ogħla minn 25 % tal-kapital ta' Grad 1 tal-istituzzjoni, il-valur tal-iskopertura, wara li jkun ġie kunsidrat l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu f'konformità mal-Artikoli 399 sa 403 ta' dan ir-Regolament, ma għandux jaqbeż limitu raġonevoli f'termini tal-kapital ta' Grad 1 ta' dik l-istituzzjoni. Dak il-limitu għandu jiġi determinat mill-istituzzjoni f'konformità mal-politiki u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 81 tad-Direttiva 2013/36/UE sabiex jiġi indirizzat u kontrollat ir-riskju ta' konċentrazzjoni. Dak il-limitu ma għandux jaqbeż il-100 % tal-kapital ta' Grad 1 tal-istituzzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistabbilixxu limitu iżgħar minn EUR 150 miljun, f'liema każ għandhom jinfurmaw b'dan lill-ABE u lill-Kummissjoni.

Permess ta' deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, G-SII ma għandhiex iġġarrab skopertura għal G-SII jew G-SII mhux tal-UE oħra, li l-valur tagħha, wara li jiġi kunsidrat l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikoli 399 sa 403, jaqbeż il-15 % tal-kapital ta' Grad 1 tagħha. G-SII għandha tikkonforma ma' dan il-limitu mhux iktar tard minn 12-il xahar mid-data meta ġiet identifikata bħala G-SII. Fejn il-G-SII għandha skopertura għal istituzzjoni jew grupp ieħor li huma identifikati bħala G-SII jew bħala G-SII mhux tal-UE, hija għandha tikkonforma ma' tali limitu mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data li fiha l-istituzzjoni jew il-grupp l-ieħor kienu ġew identifikati bħala G-SII jew bħala G-SII mhux tal-UE.

Artikolu 395 2.
L-ABE għandha, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, b'kont meħud tal-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu f'konformità mal-Artikoli 399 sa 403 kif ukoll l-eżiti tal-iżviluppi fil-qasam tas-sistema bankarja "parallela" u skoperturi kbar fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali, toħroġ linji gwida sal-31 ta’ Diċembru 2014 biex jiġu stabbiliti limiti aggregati adatti għal tali skoperturi jew limiti individwali aktar stretti fuq l-iskoperturi għall-entitajiet tas-sistema bankarja "parallela" li jwettqu attivitajiet bankarji barra minn qafas regolat.

Fl-iżvilupp ta' dawk il-linji gwida, l-ABE għandha tikkunsidra jekk l-introduzzjoni ta' limiti addizzjonali jkollhiex impatt materjali għad-detriment tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, fuq il-proviżjoni tal-kreditu għall-ekonomija reali jew fuq l-istabbiltà u l-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji.

Sal-31 ta’ Diċembru 2015 il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza u l-impatt tal-impożizzjoni ta' limiti fuq skoperturi għall-entitajiet ta' sistema bankarja "parallela"li jwettqu attivitajiet bankarji barra minn qafas regolat, b'kont meħud tal-iżviluppi tal-Unjoni u internazzjonali fil-qasam tas-sistema bankarja "parallela" u l-iskoperturi kbar kif ukoll tal-mitigazzjoni tar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikoli 399 sa 403. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien, jekk adatt, ma' proposta leġislattiva dwar il-limiti tal-iskoperturi għall-entitajiet ta' sistema bankarja "parallela" li jwettqu attivitajiet bankarji barra minn qafas regolat.

Artikolu 395 2a.
Sal-10 ta’ Jannar 2027 l-EBA, wara li tikkonsulta lill-ESMA, għandha toħroġ linji gwida, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, biex taġġorna l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Meta taġġorna dawk il-linji gwida, l-EBA għandha tqis kif xieraq, fost kunsiderazzjonijiet oħra, il-kontribut tal-entitajiet ta' sistema bankarji parallela għall-unjoni tas-swieq kapitali, l-impatt negattiv potenzjali li kwalunkwe bidla ta' dawk il-linji gwida, inkluż limiti addizzjonali, jista' jkollha fuq il-mudell tan-negozju u l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u fuq l-istabbiltà u l-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji.

Barra minn hekk, sal-31 ta' Diċembru 2027, l-EBA, wara li tikkonsulta lill-ESMA, għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-kontribut tal-entitajiet ta' sistema bankarja parallela għall-unjoni tas-swieq kapitali u dwar l-iskoperturi tal-istituzzjonijiet għal tali entitajiet, inkluż dwar l-adegwatezza ta’ limiti aggregati jew limiti individwali aktar stretti għal dawk l-iskoperturi, filwaqt li tqis kif xieraq il-qafas regolatorju u l-mudelli tan-negozju ta’ tali entitajiet.

Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, abbażi ta’ dak ir-rapport, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva dwar il-limiti tal-iskoperturi għall-entitajiet ta’ sistema bankarja parallela.

Artikolu 395 3.
Soġġett għall-Artikolu 396, istituzzjoni dejjem għandha tikkonforma mal-limitu rilevanti stabbilit fil-paragrafu 1.
Artikolu 395 4.
Assi li jikkostitwixxu pretensjonijiet u skoperturi oħra f’kumpanniji tal-investiment ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti jistgħu jkunu soġġetti għall-istess trattament kif sstipulat fil-paragrafu 1.
Artikolu 395 5.

Il-limiti stipulati f'dan l-Artikolu jistgħu jinqabżu għall-iskoperturi fil-portafoll tan-negozjar tal-istituzzjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-iskopertura fil-portafoll mhux tan-negozjar għall-klijent jew il-grupp ta' klijenti konnessi inkwistjoni ma taqbiżx il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, fejn dan il-limitu jiġi kalkulat b'referenza għall-kapital ta' Grad 1, sabiex l-eċċess jirriżulta kollu kemm hu fil-portafoll tan-negozjar;

(b) 

l-istituzzjoni tilħaq rekwiżit ta' fondi proprji addizzjonali fuq il-parti tal-iskopertura f'eċċess tal-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li jiġi kalkulat f'konformità mal-Artikoli 397 u 398;

(c) 

meta jkunu għaddew għaxart ijiem jew inqas minn meta jkun seħħ l-eċċess imsemmi fil-punt (b), l-iskopertura fil-portafoll tan-negozjar għall-klijent jew grupp ta' klijenti konnessi inkwistjoni ma taqbiżx il-500 % tal-kapital ta' Grad 1 tal-istituzzjoni;

(d) 

kwalunkwe eċċess li jippersisti għal iktar minn għaxart ijiem ma jaqbiżx, b'mod aggregat, is-600 % tal-kapital ta' Grad 1 tal-istituzzjoni.

Kull darba li jinqabeż il-limitu, l-istituzzjoni għandha tirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien l-ammont tal-eċċess u l-isem tal-klijent ikkonċernat u, fejn applikabbli, l-isem tal-grupp ta' klijenti konnessi konċernati.

Artikolu 395 6.
Għall-iskop ta' dan il-paragrafu, miżuri strutturali jfissru miżuri adottati minn Stat Membru u implimentati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta' dak l-Istat Membru, qabel id-dħul fis-seħħ ta' att leġislattiv li jarmonizza b'mod espliċitu tali miżuri, li jitolbu li l-istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati f'dak l-Istat Membru jnaqqsu l-iskoperturi tagħhom għal entitajiet legali differenti skont l-attivitajiet tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu dawk l-attivitajiet, bil-ħsieb li jiġu protetti d-depożituri u li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja.

Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 400 (1)(f) fejn l-Istati Membri jadottaw liġijiet nazzjonali li jitolbu li jittieħdu miżuri strutturali fi grupp bankarju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-grupp bankarju li għandhom depożiti li huma koperti minn Skema ta' Garanzija tad-Depożiti skont id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti ( 34 ) jew skema ta' garanzija tad-depożiti ekwivalenti f'pajjiż terz ►C1  biex japplikaw limitu fuq skoperturi kbar taħt 25 % iżda mhux anqas minn 15 % bejn it-28 ta' Ġunju 2013 u t-30 ta’ Ġunju 2015, ◄ u minn 10 % mill-1 ta’ Lulju 2015 fuq bażi subkonsolidata skont l-Artikolu 11(5) għal skoperturi intragrupp fejn dawn l-iskoperturi jikkonsistu minn skoperturi għal entità li ma tagħmilx parti mill-istess sottogrupp fir-rigward tal-miżuri strutturali.

Għall-iskop ta' dan il-paragrafu, għandhom jiġu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet:

(a) 

l-entitajiet kollha li jagħmlu parti mill-istess sottogrupp fir-rigward tal-miżuri strutturali jitqiesu bħala klijent jew grupp wieħed ta' klijenti konnessi;

(b) 

l-awtoritajiet kompetenti japplikaw limitu uniformi għall-iskoperturi msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-applikazzjoni ta' dan l-approċċ għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-superviżjoni effettiva fuq bażi kkonsolidata u ma għandhiex tinkludi effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fi Stati Membri oħrajn jew fl-Unjoni inġenerali jew tifforma jew toħloq ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Artikolu 395 7.

Qabel l-adozzjoni tal-miżuri strutturali speċifiċi kif imsemmi fil-paragrafu 6 dwar l-iskoperturi kbar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-ABE mill-inqas xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni biex jiġu adottati l-miżuri strutturali, u jippreżentaw evidenza kwantitattiva jew kwalitattiva rilevanti ta' dan kollu li ġej:

(a) 

l-ambitu tal-attivitajiet li huma soġġetti għall-miżuri strutturali;

(b) 

spjegazzjoni ta' għalfejn tali miżuri abbozzati jitqiesu bħala adatti, effettivi u proporzjonati biex jiġu protetti d-depożituri;

(c) 

valutazzjoni tal-impatt pożittiv jew negattiv probabbli tal-miżuri fuq is-suq intern abbażi tal-informazzjoni li hija disponibbli għall-Istat Membru.

Artikolu 395 8.
Is-setgħa li jiġi adottat att ta' implimentazzjoni biex jiġu aċċettati jew irrifjutati l-miżuri nazzjonali proposti msemmija fil-paragrafu 7 tingħata lill-Kummissjoni li taġixxi f'konformità mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 464(2).

Fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 7, l-ABE għandha tipprovdi l-opinjoni tagħha dwar il-punti msemmija f’dak il-paragrafu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu wkoll jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-punti msemmija f’dak il-paragrafu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat.

Filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ l-opinjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu u jekk ikun hemm evidenza soda u b'saħħitha li l-miżuri għandhom impatt negattiv fuq is-suq intern li jegħleb il-benefiċċji tal-istabbiltà finanzjarja, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn mill-wasla tan-notifika, tirrifjuta l-miżuri nazzjonali proposti. Inkella, il-Kummissjoni għandha taċċetta l-miżuri nazzjonali proposti għal perijodu inizjali ta' sentejn u fejn adatt il-miżuri jistgħu jkunu soġġetti għal emenda.

Il-Kummissjoni għandha tirrifjuta il-miżuri nazzjonali proposti biss jekk din tqis li l-miżuri nazzjonali proposti jinvolvu effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew partijiet minnha fi Stat Membri oħrajn jew fl-Unjoni inġenerali, u b'hekk jiffurmaw jew joħolqu ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern jew għall-moviment liberu tal-kapital f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tqis l-opinjoni tal-ABE u għandha tqis l-evidenza pprezentata f'konformità mal-paragrafu 7.

Qabel l-iskadenza tal-miżuri, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipproponu miżuri ġodda għall-estensjoni tal-perijodu ta' applikazzjoni għal perijodu addizzjonali ta' sentejn kull darba. F'dan il-każ, huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, il-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-ABE. L-approvazzjoni tal-miżuri l-ġodda għandha tkun soġġetta għall-proċess stipulat f'dan l-Artikolu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 458.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit