1. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iwettqu monitoraġġ kontinwu tar-relazzjonijiet tan-negozju, inkluż tranżazzjonijiet imwettqa mill-klijent matul relazzjoni tan-negozju, sabiex jiżguraw li dawk it-tranżazzjonijiet ikunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b’obbligu dwar il-klijent, l-attività kummerċjali u l-profil tar-riskju tal-klijent, u fejn neċessarju, mal-informazzjoni dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi u sabiex jiġu identifikati dawk it-tranżazzjonijiet li għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni aktar bir-reqqa skont l-Artikolu 69(2).
Meta r-relazzjonijiet tan-negozju jkopru aktar minn prodott jew servizz wieħed, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti jkopru dawk il-prodotti u s-servizzi kollha.
Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu li jappartjenu għal grupp ikollhom relazzjonijiet kummerċjali ma’ klijenti li jkunu wkoll il-klijenti ta’ entitajiet oħra f’dak il-grupp, kemm jekk entitajiet marbutin b’obbligu kif ukoll jekk impriżi mhux soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT, huma għandhom iqisu l-informazzjoni relatata ma’ dawk ir-relazzjonijiet tan-negozju l-oħrajn għall-finijiet tal-monitoraġġ tar-relazzjoni tan-negozju mal-klijenti tagħhom.