2. Fil-każ ta’ trasferiment tal-kriptoassi magħmul minn indirizz awtoospitat, il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tal-benefiċjarju għandu jikseb u jżomm l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) u (2) u għandu jiżgura li t-trasferiment tal-kriptoassi jkun jista’ jiġi identifikat individwalment.
Mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċifiċi għall-mitigazzjoni tar-riskju meħuda f’konformità mal-Artikolu 19b tad-Direttiva (UE) 2015/849, fil-każ ta’ trasferiment ta’ ammont li jaqbeż EUR 1 000 minn indirizz awtoospitat, il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tal-benefiċjarju għandu jieħu miżuri adegwati biex jivvaluta jekk dak l-indirizz ikunx proprjetà tal-benefiċjarju jew ikkontrollat minnu.