+REGOLAMENT (UE) Nru 376/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
---+Artikolu 1 Għanijiet
------+Article 1 1.
------+Article 1 2.
---+Artikolu 2 Definizzjonijiet
---+Artikolu 3 Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
------+Article 3 1.
------+Article 3 2.
---+Artikolu 4 Rappurtar obbligatorju
------+Article 4 1.
------+Article 4 2.
------+Article 4 3.
------+Article 4 4.
------+Article 4 5.
------+Article 4 6.
------+Article 4 7.
------+Article 4 8.
------+Article 4 9.
---+Artikolu 5 Rappurtar volontarju
------+Article 5 1.
------+Article 5 2.
------+Article 5 3.
------+Article 5 4.
------+Article 5 5.
------+Article 5 6.
------+Article 5 7.
------+Article 5 8.
---+Artikolu 6 Ġbir u ħżin ta' informazzjoni
------+Article 6 1.
------+Article 6 2.
------+Article 6 3.
------+Article 6 4.
------+Article 6 5.
------+Article 6 6.
------+Article 6 7.
------+Article 6 8.
------+Article 6 9.
------+Article 6 10.
---+Artikolu 7 Kwalità u kontenut tar-rapporti dwar l-okkorrenzi
------+Article 7 1.
------+Article 7 2.
------+Article 7 3.
------+Article 7 4.
------+Article 7 5.
------+Article 7 6.
------+Article 7 7.
------+Article 7 8.
---+Artikolu 8 Repożitorju Ċentrali Ewropew
------+Article 8 1.
------+Article 8 2.
------+Article 8 3.
------+Article 8 4.
---+Artikolu 9 Skambju ta' informazzjoni
------+Article 9 1.
------+Article 9 2.
------+Article 9 3.
---+Artikolu 10 Disseminazzjoni ta' informazzjoni maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew
------+Article 10 1.
------+Article 10 2.
------+Article 10 3.
------+Article 10 4.
---+Artikolu 11 Ipproċessar ta' talbiet u deċiżjonijiet
------+Article 11 1.
------+Article 11 2.
------+Article 11 3.
------+Article 11 4.
------+Article 11 5.
------+Article 11 6.
------+Article 11 7.
------+Article 11 8.
---+Artikolu 12 Reġistrazzjoni tat-talbiet u skambju ta' informazzjoni
------+Article 12 1.
------+Article 12 2.
---+Artikolu 13 Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell nazzjonali
------+Article 13 1.
------+Article 13 2.
------+Article 13 3.
------+Article 13 4.
------+Article 13 5.
------+Article 13 6.
------+Article 13 7.
------+Article 13 8.
------+Article 13 9.
------+Article 13 10.
------+Article 13 11.
------+Article 13 12.
---+Artikolu 14 Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell tal-Unjoni
------+Article 14 1.
------+Article 14 2.
------+Article 14 3.
------+Article 14 4.
---+Artikolu 15 Kunfidenzjalità u użu adatt tal-informazzjoni
------+Article 15 1.
------+Article 15 2.
------+Article 15 3.
------+Article 15 4.
---+Artikolu 16 Protezzjoni tas-sors ta' informazzjoni
------+Article 16 1.
------+Article 16 2.
------+Article 16 3.
------+Article 16 4.
------+Article 16 5.
------+Article 16 6.
------+Article 16 7.
------+Article 16 8.
------+Article 16 9.
------+Article 16 10.
------+Article 16 11.
------+Article 16 12.
------+Article 16 13.
---+Artikolu 17 Aġġornament tal-Annessi
---+Artikolu 18 Eżerċizzju tad-delega
------+Article 18 1.
------+Article 18 2.
------+Article 18 3.
------+Article 18 4.
------+Article 18 5.
---+Artikolu 19 Proċedura ta' kumitat
------+Article 19 1.
------+Article 19 2.
---+Artikolu 20 Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta' data personali
------+Article 20 1.
------+Article 20 2.
---+Artikolu 21 Pieni
---+Artikolu 22 Emenda tar-Regolament (UE) Nru 996/2010
---+Artikolu 23 Tħassir
---+Artikolu 24 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
------+Article 24 1.
------+Article 24 2.
------+Article 24 3.
---+ANNESS I LISTA TA' REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦALL-ISKEMI TA' RAPPURTAR TAL-OKKORRENZI OBBLIGATORJI U VOLONTARJI
---+ANNESS II PARTIJIET INTERESSATI
---+ANNESS III TALBA GĦAL INFORMAZZJONI MIR-REPOŻITORJU ĊENTRALI EWROPEW
English - European Union - Aviation -

REGOLAMENT (UE) Nru 376/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

REGOLAMENT (UE) Nru 376/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 1 Għanijiet

Artikolu 1

Għanijiet

1.  Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi jiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza relatata mal-avjazzjoni ċivili tiġi rrappurtata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, imxerrda u analizzata.

Dan ir-Regolament jiżgura:

(a) li, fejn adatt, tittieħed azzjoni għas-sikurezza fi żmien adatt abbażi ta' analiżi tal-informazzjoni miġbura;

(b) id-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni dwar is-sikurezza billi jintroduċi regoli dwar il-kunfidenzjalità u dwar l-użu adatt tal-informazzjoni u permezz ta' protezzjoni armonizzata u msaħħa tal-persuni li jagħmlu rapport u tal-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi; u

(c) li r-riskji ta' sikurezza tal-avjazzjoni jitqiesu u jiġu trattati sew fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.

2.  L-uniku objettiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi huwa l-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti u mhux l-attribuzzjoni ta' ħtija jew ta' responsabbiltà.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “min jagħmel ir-rapport” tfisser persuna fiżika li tirrapporta okkorrenza skont dan ir-Regolament;

(2) “inġenju tal-ajru” tfisser kwalunkwe magna li tista' tikseb sostenn fl-atmosfera mir-reazzjonijiet tal-arja għajr ir-reazzjonijiet tal-arja ma' wiċċ id-dinja;

(3) “inċident” tfisser “inċident” fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(4) “inċident serju” tfisser “inċident serju” fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(5) “aċċident” tfisser “aċċident” fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(6) “informazzjoni deidentifikata” tfisser informazzjoni li tirriżulta mir-rapporti dwar l-okkorrenzi li minnhom tkun tneħħiet id-data personali kollha bħall-ismijiet jew l-indirizzi ta' persuni fiżiċi;

(7) “okkorrenza” tfisser kwalunkwe avveniment relatat mas-sikurezza li jipperikola jew li, jekk ma jiġix ikkoreġut jew indirizzat, jista' jipperikola lill-inġenju tal-ajru, lil min ikun qiegħed abbord jew lil kwalunkwe persuna oħra u jinkludi b'mod partikolari aċċident jew inċident serju;

(8) “organizzazzjoni” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li tipprovdi prodotti tal-avjazzjoni u/jewli timpjega persuni, tikkonkludi kuntratti magħhom jew tuża s-servizzi ta' persuni li jkunu meħtieġa jirrappurtaw l-okkorrenzi f'konformità mal-Artikolu 4(6);

(9) “anonimizzazzjoni” tfisser it-tneħħija mir-rapporti dwar l-okkorrenzi tad-dettalji personali kollha, li jirrelataw ma' min jagħmel ir-rapport u lill-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenza u kwalunkwe dettall, inkluż l-isem tal-organizzazzjoni(jiet) involut(i) fl-okkorrenza, li jista' jiżvela l-identità ta' min jagħmel ir-rapport, jew ta' parti terza, jew li jwassal biex din l-informazzjoni tkun tinftiehem mir-rapport dwar l-okkorrenza;

(10) “periklu” tfisser sitwazzjoni jew oġġett bil-potenzjal li jikkawża mewt jew ħsara lill-persuna, dannu lil tagħmir jew strutturi, telf ta' materjal, jew tnaqqis tal-kapaċità ta' persuna li twettaq funzjoni preskritta;

(11) “awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza” tfisser l-awtorità permanenti nazzjonali għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili li twettaq jew tikkontrolla l-investigazzjonijiet tas-sikurezza kif jingħad fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010;

(12) “kultura ġusta” tfisser kultura fejn l-operaturi fuq quddiem nett jew persuni oħra ma jiġux penalizzati għal azzjonijiet, omissjonijiet jew deċiżjonijiet li jkunu ħadu u li jkunu proporzjonati għall-esperjenza u għat-taħriġ tagħhom, iżda li fiha ma jiġux tollerati negliġenza gravi, ksur volontarju u atti ta' qerda;

(13) “punt ta' kuntatt” tfisser:

(a) meta ssir talba għall-informazzjoni minn parti interessata stabbilita fl-Unjoni, l-awtorità kompetenti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 6(3);

(b) meta t-talba għal informazzjoni ssir minn parti interessata stabbilita barra l-Unjoni, il-Kummissjoni;

(14) “parti interessata” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe korp uffiċjali, kemm jekk għandha personalità ġuridika u kemm jekk le, li tinsab f'pożizzjoni li tipparteċipa fit-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, billi jkollha aċċess għal informazzjoni dwar okkorrenzi skambjati mill-Istati Membri, u li taqgħa taħt waħda mill-kategoriji tal-partijiet interessati stipulati fl-Anness II;

(15) “Programm għas-Sikurezza tal-Istat” tfisser sett integrat ta' atti legali u ta' attivitajiet bl-għan li tiġi ġestita s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fi Stat Membru;

(16) “Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni” tfisser il-valutazzjoni ta' kwistjonijiet ta' sikurezza u l-pjan ta' azzjoni relatat fil-livell Ewropew;

(17) “Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni” tfisser is-sett ta' Regolamenti integrati fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-attivitajiet u l-proċessi użati għall-ġestjoni konġunta tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fil-livell Ewropew;

(18) “sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza” tfisser approċċ sistematiku għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni li jinkludi l-istrutturi organizzattivi, ir-responsabbiltajiet, il-politiki u l-proċeduri meħtieġa u jinkludi kwalunkwe sistema ta' ġestjoni li, b'mod indipendenti jew integrat ma' sistemi ta' ġestjoni oħra tal-organizzazzjoni, tindirizza l-ġestjoni tas-sikurezza;

Artikolu 3 Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 3

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a) ir-rappurtar ta' okkorrenzi li jipperikolaw jew li, jekk ma jiġux ikkoreġuti jew indirizzati, jipperikolaw inġenju tal-ajru, lil min ikun abbord, kwalunkwe persuna, tagħmir jew installazzjoni oħra li taffettwa l-operat tal-inġenju tal-ajru; u r-rappurtar ta' informazzjoni rilevanti oħra relatata mas-sikurezza f'dak il-kuntest;

(b) analiżi u azzjoni ta' segwitu fir-rigward tal-okkorrenzi rrappurtati u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza;

(c) il-protezzjoni ta' professjonisti tal-avjazzjoni;

(d) l-użu xieraq ta' informazzjoni dwar is-sikurezzamiġbura;

(e) l-integrazzjoni tal-informazzjoni fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew; u

(f) id-disseminazzjoni ta' informazzjoni anonimizzata lill-partijiet interessati għall-finijiet tal-provvista lil tali partijiet tal-informazzjoni li jeħtieġu biex itejbu s-sikurezza tal-avjazzjoni.

▼M1

2.  Dan ir-Regolament japplika għal okkorrenzi u għal informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li jkunu jinvolvu l-inġenji tal-ajru ċivili li għalihom japplika r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal okkorrenzi u għal informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li jkunu jinvolvu inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord li għalihom ma jkunx meħtieġ ċertifikat jew dikjarazzjoni skont l-Artikolu 56(1) u (5) tar-Regolament (UE) 2018/1139, ħlief jekk l-okkorrenza jew l-informazzjoni l-oħra relatata mas-sikurezza li tkun tinvolvi tali inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord tkun irriżultat f'dannu fatali jew serju ta' persuna jew tkun involviet xi inġenju tal-ajru li ma jkunx inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament anke għal okkorrenzi u għal informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li jkunu jinvolvu l-inġenji tal-ajru li għalihom ma japplikax ir-Regolament (UE) 2018/1139.

▼B

Artikolu 4 Rappurtar obbligatorju

Artikolu 4

Rappurtar obbligatorju

1.  L-okkorrenzi li jistgħu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-sikurezza tal-avjazzjoni u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin għandhom jiġu rrappurtati mill-persuni elenkati fil-paragrafu 6 permezz tas-sistemi obbligatorji ta' rappurtar dwar l-okkorrenzi skont dan l-Artikolu:

(a) okkorrenzi marbutin mat-tħaddim tal-inġenju tal-ajru, bħal:

(i) okkorrenzi marbutin mal-kolliżjonijiet;

(ii) okkorrenzi marbutin mat-tlugħ u l-inżul;

(iii) okkorrenzi marbutin mal-karburant;

(iv) okkorrenzi waqt it-titjira;

(v) okkorrenzi marbutin mal-komunikazzjoni;

(vi) okkorrenzi marbutin ma' ħsara, emerġenzi u sitwazzjonijiet kritiċi oħrajn;

(vii) l-inabbilitazzjoni tal-ekwipaġġ u ta' ekwipaġġ ieħor relatat mal-okkorrenzi;

(viii) il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi jew okkorrenzi marbutin mas-sigurtà;

(b) okkorrenzi marbutin mal-kondizzjonijiet tekniċi, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-inġenji tal-ajru, bħal:

(i) difetti strutturali;

(ii) funzjonament ħażin tas-sistema;

(iii) problemi ta' manutenzjoni u ta' tiswija;

(iv) problemi ta' propulsjoni (inklużi magni, skrejjen u sistemi rotor) u problemi tal-unitajiet ta' qawwa awżiljari;

(c) okkorrenzi marbutin mas-servizzi u l-faċilitajiet tan-navigazzjoni bl-ajru, bħal:

(i) kważi kolliżjonijiet jew potenzjal għal kolliżjoni;

(ii) okkorrenzi speċifiċi ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS);

(iii) okkorrenzi operazzjonali tal-ATM/ANS;

(d) okkorrenzi marbutin mal-ajrudromi u s-servizzi fuq l-art, bħal:

(i) okkorrenzi marbutin mal-attivitajiet u l-faċilitajiet tal-ajrudromi;

(ii) okkorrenzi marbutin mat-trattament tal-passiġġieri, il-bagalji, il-posta u l-merkanzija;

(iii) okkorrenzi marbutin mal-groundhandling u servizzi relatati.

2.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar obbligatorju sabiex tiffaċilita l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi msemmijin fil-paragrafu 1.

3.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar obbligatorju biex jiffaċilita l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi, li jinkludu l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura minn organizzazzjonijiet skont il-paragrafu 2.

4.  Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzij”) għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar obbligatorju mill- biex tiffaċilita l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi, li jinkludi l-ġbir ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura skont il-paragrafu 2 mill-organizzazzjonijiet li ġew iċċertifikati jew approvati mill-Aġenzija.

5.  Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, għandha tadotta lista li tikklassifika l-okkorrenzi li għandha ssir referenza għalihom meta jsir ir-rappurtar tal-okkorrenzi skont il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

F'dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinkludi lista separata li tikklassifika l-okkorrenzi li hija applikabbli għall-inġenji tal-ajru li mhumiex inġenji tal-ajru kumplessi mħaddma bil-mutur. Il-lista għandha tkun verżjoni simplifikata tal-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu u għandu, fejn adatt, jiġi adattat għall-ispeċifiċitajiet ta' dik il-fergħa tal-avjazzjoni.

6.  Il-persuni fiżiċi li ġejjin għandhom jirrappurtaw l-okkorrenzi msemmijin fil-paragrafu 1 permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-paragrafu 2 mill-organizzazzjoni li tħaddem, tikkuntratta jew tuża s-servizzi ta' min jagħmel ir-rapport jew, b'mod alternattiv, permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-paragrafu 3 mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni tagħhom, jew mill-Istat li jkun ħareġ, ivvalida jew ikkonverta l-liċenzja tal-bdot,, jew permezz tas-sistema stabbilita f''konformità mal-paragrafu 4 mill-Aġenzija:

(a) il-bdot fil-kmand, jew, fil-każijiet fejn il-bdot fil-kmand ma jistax jirrapporta l-okkorrenza, kwalunkwe membru ieħor tal-ekwipaġġ fil-pożizzjoni ta' kmand li jmiss ta' inġenju tal-arju irreġistrat fl-Unjoni jew inġenju tal-ajru rreġistrat barra mill-Unjoni iżda li jintuża minn operatur li s-superviżjoni tal-operati tiegħu jiġu żgurati mill-Istat Membru jew operatur stabbilit fl-Unjoni;

(b) persuna involuta fid-disinn, il-manifattura, il-manutenzjoni, l-ajrunavigabbiltà kontinwa, il-monitoraġġ, il-manutenzjoni jew il-modifika ta' inġenju tal-ajru, jew kwalunkwe tagħmir jew parti minnu, taħt is-superviżjoni ta' Stat Membru jew tal-Aġenzija;

(c) persuna li tiffirma ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà, jew rilaxx għas-servizz rigward inġenju tal-ajru, jew kwalunkwe tagħmir jew parti minnu, taħt is-superviżjoni ta' Stat Membru jew tal-Aġenzija;

(d) persuna li twettaq funzjoni li teħtieġ li hija tkun awtorizzata minn Stat Membru bħala membru tal-persunal ta' fornitur ta' servizz tat-traffiku tal-ajru li huwa fdat bir-responsabbiltajiet relatati mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jew bħala uffiċjal fis-servizz tal-informazzjoni dwar it-titjira;

(e) persuna li twettaq funzjoni marbuta mal-ġestjoni tas-sikurezza ta' ajruport li għalih japplika r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(f) persuna li twettaq funzjoni marbuta mal-installazzjoni, il-modifika, il-manutenzjoni, it-tiswija, ir-reviżjoni, il-kontroll tat-titjira jew l-ispezzjoni tal-faċilitajiet tan-navigazzjoni bl-ajru li l-Istat Membru jiżgura s-superviżjoni;

(g) persuna li twettaq funzjoni marbuta mal-ground handling tal-inġenju tal-ajru, li tinkludi l-għoti ta' fjuwil, it-tħejjija tal-folja tat-tagħbija, it-tagħbija, it-tneħħija tas-silġ u l-ittowjar f'ajruport kopert mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

7.  Il-persuni elenkati fil-paragrafu 6 għandhom jirrapportaw l-okkorrenzi fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-okkorrenza, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jħallux dan iseħħ.

8.  Wara n-notifika ta' okkorrenza, kwalunkwe organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru li ma tkunx koperta mill-paragrafu 9 għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), id-dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li ssir jaf bl-okkorrenza.

9.  Wara n-notifika tal-okkorrenza, kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru u li hija ċċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha tirrapporta lill- Aġenzija d-dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-paragrafu 2 malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li ssir jaf bl-okkorrenza.

Artikolu 5 Rappurtar volontarju

Artikolu 5

Rappurtar volontarju

1.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar volontarju, biex tiffaċilita l-ġbir ta':

(a) dettalji ta' okkorrenzi li ma jistgħux jinġabru mis-sistema ta' rappurtar obbligatorju;

(b) informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza iżda li min jagħmel ir-rapport iqisha bħala periklu reali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta' rappurtar volontarju biex jiffaċilita l-ġbir ta':

(a) dettalji ta' okkorrenzi li ma jistgħux jinġabru mis-sistema ta' rappurtar obbligatorju,

(b) informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza iżda li min jagħmel ir-rapport iqisha bħala periklu reali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

Dik is-sistema għandha tinkludi wkoll, iżda m'għandhiex tkunx limitata għal, ġbir ta' informazzjoni trasferita mill-organizzazzjonijiet skont il-paragrafu 6.

3.  L-Aġenzija għandha tistabbilixxi sistema ta' rappurtar volontarju biex tiffaċilita l-ġbir ta':

(a) dettalji dwar l-okkorrenzi li jistgħu ma jkunux inġabru mis-sistema obbligatorja ta' rappurtar,

(b) informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li titiqies minn min jagħmel ir-rapport bħala periklu attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

Dik is-sistema għandha tinkludi wkoll, iżda m'għandhiex tkun limitata għall-ġabra ta' informazzjoni, ittrasferita minn organizzazzjonijiet ċertifikati jew approvati mill-Aġenzija skont il-paragrafu 5.

4.  Is-sistemi ta' rappurtar volontarju għandhom jintużaw biex jiffaċilitaw il-ġbir ta' dettalji ta' okkorrenzi jew informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza:

(a) li mhumiex soġġetti għal rappurtar obbligatorju skont l-Artikolu 4(1);

(b) irrappurtati minn persuni li mhumiex elenkati fl-Artikolu 4(6).

5.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru u ċċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha, tirrapporta lill-Aġenzija b'mod f'waqtu, id-dettalji tal-okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li nġabru skont il-paragrafu 1 u li jistgħu jinvolvu riskju attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

6.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru li mhijiex iċċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha, b'mod f'waqtu, tirrapporta lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru maħtura skontl-Artikolu 6(3), dettalji tal-okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li tkun inġabret skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li tista' tinvolvi riskju attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li kwalunkwe organizzazzjoni stabbilita fit-territorju tagħhom tirrapporta d-dettalji tal-okkorrenzi kollha miġbura skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

7.  L-Istati Membri, l-Aġenzija u l-organizzazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu sistemi oħra ta' ġbir u ta' proċessar tal-informazzjoni dwar is-sikurezza sabiex jinġabru dettalji tal-okkorrenzi li jistgħu ma jinqabdux mis-sistemi ta' rappurtar imsemmija fl-Artikolu 4 u fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk is-sistemi jistgħu jinkludu r-rappurtar lil entitajiet oħra li mhumiex dawk stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u jistgħu jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva ta':

(a) l-industrija tal-avjazzjoni;

(b) ta' organizzazzjonijiet professjonali tal-ħaddiema tal-avjazzjoni.

8.  L-informazzjoni li tasal mir-rappurtar volontarju u obbligatorju tista' tiġi integrata f'sistema unika.

Artikolu 6 Ġbir u ħżin ta' informazzjoni

Artikolu 6

Ġbir u ħżin ta' informazzjoni

1.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha taħtar persuna jew aktar, biex b'mod indipendenti tittratta l-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta' dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati skont l-Artikoli 4 u 5.

It-trattament tar-rapporti għandu jsir bil-ħsieb li jiġi pprevenut l-użu ta' informazzjoni għal finijiet oħra minbarra s-sikurezza, u għandu jissalvagwardja b'mod adatt il-kunfidenzjalità tal-identità ta' min jagħmel ir-rapport u tal-persuni msemmija fir-rapporti dwar l-okkorrenzi, bil-ħsieb li tiġi promossa “kultura ġusta”.

2.  Wara l-ftehim mal-awtorità kompetenti, l-organizzazzjonijiet ż-żgħar jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ssimplifikat għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħżin ta' dettalji tal-okkorrenzi. Huma jistgħu jikkondividu dawk il-kompiti ma' organizzazzjonijiet tal-istess natura, filwaqt li jikkonformaw mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni skont dan ir-Regolament.

3.  Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta' dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati skont l-Artikoli 4 u 5 b'mod indipendenti.

It-trattament tar-rapporti għandu jsir bil-ħsieb li jiġi pprevenut l-użu ta' informazzjoni għal finijiet oħra minbarra s-sikurezza, u għandu jissalvagwardja b'mod adatt il-kunfidenzjalità tal-identitá ta' min jagħmel ir-rapport u ta' dawk il-persuni msemmija fir-rapporti ta' okkorrenza, bil-ħsieb li tiġi promossa “kultura ġusta.”

L-awtoritajiet li jistgħu jiġu maħtura skont l-ewwel subparagrafu, b'mod konġunt jew separat, huma dawn li ġejjin:

(a) l-awtorità nazzjonali ta' l-avjazzjoni ċivili; u/jew

(b) l-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza; u/jew

(c) kwalunkwe korp jew entità oħra indipendenti bbażata fl-Unjoni li tiġi fdata b'din il-funzjoni.

Fejn Stat Membru jaħtar aktar minn korp jew entità waħda, hu għandu jagħżel waħda minnhom bħala punt ta' kuntatt għat-trasferiment tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).

4.  L-Aġenzija għandha taħtar persuna waħda jew aktar biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta' dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 b'mod indipendenti.

It-trattament tar-rapporti għandu jsir bil-ħsieb li jiġi pprevenut l-użu ta' informazzjoni għal finijiet oħra minbarra s-sikurezza, u għandu jissalvagwardja b'mod adatt il-kunfidenzjalità tal-identità ta' min jagħmel ir-rapport u ta' dawk il-persuni msemmija fir-rapport dwar l-okkorrenza bil-ħsieb li tiġi promossa “kultura ġusta”.

5.  L-organizzazzjonijiet għandhom jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi imfasslin abbażi ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 f'bażi ta' data waħda jew aktar.

6.  L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi mfasslin abbażi ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 f'bażi tad-data nazzjonali.

7.  L-informazzjoni rilevanti dwar aċċidenti u inċidenti serji miġbura jew maħruġa minn awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiġi maħżuna wkoll fil--bażi tad-data nazzjonali.

8.  L-Aġenzija għandha taħżen ir-rapporti dwar l-okkorrenzi mfasslin abbażi ta' dettalji tal-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 f'bażi tad-data.

9.  L-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-bażi tad-data nazzjonali rispettiva tagħhom imsemmija fil-paragrafu 6 għall-fini li jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010.

10.  L-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-bażi tad-data nazzjonali rispettiva tagħhom imsemmi fil-paragrafu 6 għall-finijiet tar-responsabbiltajiet tagħhom rigward is-sikurezza.

Artikolu 7 Kwalità u kontenut tar-rapporti dwar l-okkorrenzi

Artikolu 7

Kwalità u kontenut tar-rapporti dwar l-okkorrenzi

1.  Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi msemmija fl-Artikolu 6 għandu jkollhom minn tal-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness I.

2.  Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi msemmija fil-paragrafi 5, 6 u 8 tal-Artikolu 6 għandhom jinkludu klassifikazzjoni tar-riskji tas-sikurezza għall-okkorrenza kkonċernata. Dik il-klassifikazzjoni għandha tkun rieżaminata u jekk meħtieġ emendata u għandha tiġi approvata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew l-Aġenzija, f'konformità mal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

3.  L-organizzazzjonijiet,l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jistabbilixxu proċessi għall-kontroll tal-kwalità tad-data biex titjieb il-konsistenza tad-data, speċjalment bejn l-informazzjoni miġbura inizjalment u r-rapport maħżun fil-bażi tad-data.

4.  Il-bażijiet tad-data imsemmijin fil-paragrafi 5, 6 u 8 tal-Artikolu 6 għandhom jużaw formati li huma:

(a) standardizzati biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni; u

(b) kompatibbli mas-software ta' ECCAIRS u t- tassonomija ta' ADREP.

5.  Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-Aġenzija permezz tan-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni, msemmija fl-Artikolu 14(2), għandha tiżviluppa skema Ewropea komuni għall-klassifikazzjoni tar-riskji sabiex tippermetti lill-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija biex jikklassifikaw l-okkorrenzi f'termini ta' riskji tas-sikurezza. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa ta' kompatibbiltà mal-iskemi eżistenti għall-klassifikazzjoni tar-riskji.

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa dik l-iskema sal-15 ta' Mejju 2017.

6.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 18 sabiex tiddefinixxi l-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji.

7.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji. Tali atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

8.  Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jappoġġjaw l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-kompitu tagħhom ta' integrazzjoni tad-data, inkluż pereżempju fi:

(a) l-integrazzjoni tal-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1,

(b) il-klassifikazzjoni tar-riskji tal-okkorrenzi msemmija fil-paragrafu 2, u

(c) l-istabbiliment ta' proċessi għall-kontroll tal-kwalità tad-data msemmija fil-paragrafu 3.

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jipprovdu dak l-appoġġ b'tali mod li jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-proċess tal-introduzzjoni tad-data tul l-Istati Membri, b'mod partikolari billi jipprovdu lill-ħaddiema li jaħdmu fil-korpi jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), (3) u (4):

(a) materjal ta' gwida;

(b) sessjonijiet ta' ħidma (workshops); u

(c) taħriġ adattat.

Artikolu 8 Repożitorju Ċentrali Ewropew

Artikolu 8

Repożitorju Ċentrali Ewropew

1.  Il-Kummissjoni għandu jkollha l-ġestjoni ta' Repożitorju Ċentrali Ewropew biex jaħżen ir-rapporti kollha ta' okkorrenza miġbura fl-Unjoni.

2.  Kull Stat Membru, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jaġġorna r-Repożitorju Ċentrali Ewropew permezz tat-trasferiment fih tal-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(6).

3.  L-Aġenzija għandha tiftiehem mal-Kummissjoni dwar il-protokolli tekniċi għat-trasferiment fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew tar-rapporti kollha dwar l-okkorrenzi miġbura mill-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari għall-okkorrenzi maħżuna fis-Sistema Interna ta' Rrappurtar tal-Okkorrenzi (IORS), kif ukoll l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 4(9) u 5(5).

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti għall-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2. Tali atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 9 Skambju ta' informazzjoni

Artikolu 9

Skambju ta' informazzjoni

1.  L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jipparteċipaw fi skambju ta' informazzjoni, billi l-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data ta' rappurtar rispettivi tagħhom tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-Aġenzija u l-Kummissjoni, permezz tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jiġu trasferiti fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew mhux aktar tard minn 30 jum wara li jiddaħħlu fil-bażi tad-data nazzjonali.

Ir-rapporti ta' okkorrenza għandhom jiġu aġġornati b'informazzjoni addizzjonali relatata mas-sikurezza, kull meta dan ikun meħtieġ.

2.  L-Istati Membri għandhom jittrasferixxu wkoll informazzjoni relatata mal-aċċidenti u l-inċidenti serji fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew kif ġej:

(a) waqt li tkun qed issir l-investigazzjoni: l-informazzjoni fattwali preliminari dwar l-aċċidenti u l-inċidenti serji.

(b) meta titlesta l-investigazzjoni:

(i) ir-rapport finali dwar l-investigazzjoni; u

(ii) meta disponibbli, sommarju bl-Ingliż tar-rapport finali tal-investigazzjoni.

3.  Stat Membru jew l-Aġenzija għandhom jibagħtu l-informazzjoni pertinenti kollha relatata mas-sikurezza lill-awtorità rilevanti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija mill-aktar fis possibbli jekk, waqt li jkunu qed jiġbru d-dettalji dwar l-okkorrenzi, jew meta jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi jew iwettqu analiżi f'konformità mal-Artikolu 13(6), jidentifikaw kwistjonijiet ta' sikurezza li huma jqisu:

(a) li huma ta' interess għal Stati Membri oħra jew għall-Aġenzija, jew

(b) li possibbilment jeħtieġu li tittieħed azzjoni ta' sikurezza minn Stati Membri oħrajn jew mill-Aġenzija.

Artikolu 10 Disseminazzjoni ta' informazzjoni maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew

Artikolu 10

Disseminazzjoni ta' informazzjoni maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew

1.  Kwalunkwe entità li tiġi fdata biex tirregola s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, jew kwalunkwe awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza fi ħdan l-Unjoni għandu jkollha aċċess sigur u sħiħ online għall-informazzjoni dwar l-okkorrenzi miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

L-informazzjoni għandha tintuża f'konformità mal-Artikoli 15 u 16.

2.  Il-partijiet interessati elenkati fl-Anness II jistgħu jitolbu aċċess għal ċerta informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Il-partijiet interessati stabbiliti fi ħdan l-Unjoni għandhom jindirizzaw it-talbiet għall-informazzjoni lill-punt ta' kuntatt tal-Istat Membru li jkunu stabbiliti fih.

Il-partijiet interessati stabbiliti barra mill-Unjoni għandhom jindirizzaw it-talba tagħhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat meta ssir talba skont dan il-paragrafu.

3.  Soġġett għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, skont dan l-Artikolu, l-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew relatati ma' investigazzjonijiet tas-sikurezza li jkunu għaddejjin f'dak il-mument u li jkunu mmexxija f'konformità ma' dak ir-Regolament ma għandhiex tiġi żvelata lill-partijiet interessati.

4.  Għal raġunijiet ta' sigurtà, il-partijiet interessati ma għandhomx ikollhom aċċess dirett għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Artikolu 11 Ipproċessar ta' talbiet u deċiżjonijiet

Artikolu 11

Ipproċessar ta' talbiet u deċiżjonijiet

1.  It-talbiet għall-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew għandhom jintbagħtu bl-użu ta' formoli approvati mill-punt ta' kuntatt. Dawk il-formoli għandu jkun fihom mill-inqas il-punti stabbiliti fl-Anness III.

2.  Punt ta' kuntatt li jirċievi talba għandu jivverifika li:

(a) it-talba tkun ġejja minn parti interessata;

(b) huwa kompetenti biex jindirizza dik it-talba.

Fejn il-punt ta' kuntatt jiddetermina li Stat Membru ieħor jew il-Kummissjoni ikun/tkun kompetenti biex tittratta din it-talba, huwa għandu jittrasferixxiha lil dak l-Istat Membru jew lill-Kummissjoni, kif xieraq.

3.  Punt ta' kuntatt li jirċievi talba għandu jevalwa każ b'każ jekk it-talba hijiex ġustifikata u prattikabbli.

Punt ta' kuntatt jista' jipprovdi informazzjoni lill-partijiet interessati fuq karta jew billi jużaw mezzi elettroniċi siguri ta' komunikazzjoni.

4.  Fejn tintlaqa' t-talba, il-punt ta' kuntatt għandu jiddetermina l-ammont u l-livell ta' informazzjoni li trid tiġi pprovduta. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 15 u 16, l-informazzjoni għandha tkun limitata strettament għal dak li huwa meħtieġ għall-fini tat-talba.

L-informazzjoni mhux relatata mat-tagħmir, mal-operat jew mal-qasam tal-attività tal-parti interessata għandha tiġi pprovduta biss f'forma aggregata jew anonimizzata. L-informazzjoni f'forma mhux aggregata tista' tiġi pprovduta lill-parti interessata jekk din tipprovdi ġustifikazzjoni dettaljata bil-miktub. Dik l-informazzjoni għandha tintuża f'konformità mal-Artikoli 15 u 16.

5.  Il-punt ta' kuntatt għandu jipprovdi lill-partijiet interessati mniżżla fil-punt (b) tal-Anness II punt (b) biss b'informazzjoni relatata mat-tagħmir, mal-operati jew mal-qasam ta' attività tal-istess parti interessata.

6.  Punt ta' kuntatt li jirċievi talba minn parti interessata mniżżla fil-punt (a) tal-Anness II jista' jieħu deċiżjoni ġenerali biex jipprovdi informazzjoni fuq bażi regolari lil dik il-parti interessata, dment li:

(a) l-informazzjoni mitluba hija relatata mat-tagħmir, mal-operat jew mal-qasam tal-attività tal-parti interessata;

(b) id-deċiżjoni ġenerali ma tagħtix aċċess għall-kontenut kollu tal-bażi ta' data;

(c) id-deċiżjoni ġenerali tirrigwarda biss informazzjoni anonimizzata.

7.  Il-parti interessata għandha tuża l-informazzjoni li rċeviet skont dan l-Artikolu soġġetta għall-kondizzjonjiet li ġejjin:

(a) il-parti interessata għandha tuża l-informazzjoni biss għall-fini speċifikat fil-formula tat-talba, li għandu jkun kompatibbli mal-objettiv ta' dan ir-Regolament kif imfisser fl-Artikolu 1; u

(b) il-parti interessata ma għandhiex tiżvela l-informazzjoni li rċeviet mingħajr kunsens bil-miktub tal-fornitur tal-informazzjoni u għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni li rċeviet.

8.  Id-deċiżjoni li l-informazzjoni tiġi disseminata skont dan l-Artikolu għandha tkun limitata strettament għal dak li huwa meħtieġ għall-fini ta' min ifassal użu minnha.

Artikolu 12 Reġistrazzjoni tat-talbiet u skambju ta' informazzjoni

Artikolu 12

Reġistrazzjoni tat-talbiet u skambju ta' informazzjoni

1.  Il-punt ta' kuntatt għandu jirreġistra kull talba li jirċievi u l-azzjoni meħuda skont dik it-talba.

Dik l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa fi żmien xieraq lill-Kummissjoni kull meta tasal talba u/jew tittieħed azzjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli l-lista aġġornata tat-talbiet li waslu u l-azzjoni li ttieħdet mid-diversi punti ta' kuntatt u mill-Kummissjoni stess lill-punti ta' kuntatt kollha.

Artikolu 13 Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell nazzjonali

Artikolu 13

Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell nazzjonali

1.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tiżviluppa proċess biex janalizza l-okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4(2) u 5(1) sabiex jidentifika l-perikli għas-sikurezza assoċjati mal-okkorrenzi jew il-gruppi ta' okkorrenzi identifikati.

Abbażi ta' dik l-analiżi, kull organizzazzjoni għandha tiddetermina kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva, meħtieġa, fejn dan ikun il-każ, għat-tisħiħ tas-sikurezza.

2.  Meta, wara l-analiżi msemmija fil-paragrafu 1, organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru tidentifika kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva adatta meħtieġa biex tindirizza nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni, hija għandha:

(a) timplimenta dik l-azzjoni fi żmien xieraq; u

(b) tistabbilixxi proċess għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-azzjoni.

3.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tikkomunika b'mod regolari lill-impjegati u l-persunal ikkuntrattat tagħha l-informazzjoni dwar l-analiżi u s-segwitu dwar l-okkorrenzi li għalihom tkun ittieħdet azzjoni preventiva jew korrettiva.

4.  Fejn organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru li mhux kopert mill-paragrafu 5 tidentifika riskju reali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili bħala riżultat tal-analiżi tagħha ta' okkorrenzai jew grupp ta' okkorrenzi irrappurtati skont l-Artikolu 4(8) u l-Artikolu 5(6), hija għandha tibgħat lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-okkorrenza minn min jagħmel ir-rapport:

(a) ir-riżultati preliminarti tal-analiżi mwettqa skont il-paragrafu 1, jekk hemm, u

(b) kwalunkwe azzjoni li għandha tittieħed skont il-paragrafu 2.

L-organizzazzjoni għandha tirrapporta r-riżultati finali tal-analiżi, fejn meħtieġ, malli jkunu disponibbli u, fil-prinċipju, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tan-notifika tal-okkorrenza.

Awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' titlob lil organizzazzjoni biex titrasmettilha r- riżultati preliminari jew dawk finali tal-analiżi ta' kwalunkwe okkorrenza li tkun ġiet innotifikata lilha iżda li fir-rigward tagħha hija ma tkun irċeviet l-ebda segwitu jew irċeviet ir- riżultati preliminari biss.

5.  Fejn organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru u ċertifikata jew approvata mill-Aġenzija tidentifika riskju reali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni bħala riżultat tal-analiżi tagħha ta' okkorrenzai jew grupp ta' okkorrenzi irrappurtati skont l-Artikolu 4(9) u l-Artikolu 5(5), hija għandha tibgħat lill-Aġenzija fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-okkorrenza minn min jagħmel ir-rapport:

(a) ir-riżultati preliminari tal-analiżi mwettqa skont il-paragrafu 1; jekk hemm, u

(b) kwalunkwe azzjoni li għandha tittieħed f'konformità mal-paragrafu 2.

L-organizzazzjoni ċertifikata jew approvata mill-Aġenzija għandha tittrasmetti lill-Aġenzija, r-riżultati finali tal-analiżi, fejn meħtieġ, malli jkunu disponibbli u, fil-prinċipju, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tan-notifika tal-okkorrenza.

L-Aġenzija tista' titlob lill-organizzazzjonijiet biex jittrasmettulha r- riżultati preliminari jew dawk finali tal-analiżi ta' kwalunkwe okkorrenza li tkun ġiet innotifikata lilha iżda li fir-rigward tagħha hija ma tkun irċeviet l-ebda segwitu jew ir-riżultati preliminari biss.

6.  Kull Stat Membru u l-Aġenzija għandhom jiżviluppaw proċess li janalizza l-informazzjoni rigward l-okkorrenzi li huma rrappurtati direttament lilhom f'konformità mal-Artikoli 4(6), 5(2) u 5(3) sabiex jiġu identifikati l-perikli għas-sikurezza assoċjati ma' dawk l-okkorrenzi. Abbażi ta' dik l-analiżi, huma għandhom jiddeterminaw kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva adatta meħtieġa biex itejbu s-sikurezza tal-avjazzjoni.

7.  Meta, wara l-analiżi msemmija fil-paragrafu 6, Stat Membru jew l-Aġenzija jidentifika kwalunkwe azzjoni korrettiva jew preventiva adatta meħtieġa biex jiġu indirizzati nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza tal-avjazzjoni, huwa għandu:

(a) jimplimenta dik l-azzjoni xierqa fi żmien xieraq; u

(b) jistabbilixxi proċess biex jiġu ssorveljati l-implimentazzjoni u l-effettività tal-azzjoni.

8.  Għal kull okkorrenza jew grupp ta' okkorrenzi mmonitorjati f'konformità mal-paragrafu 4 jew 5, kull Stat Membru u l-Aġenzija għandu jkollhom aċċess għall-analiżi magħmula u għandu jimmonitorja b'mod xieraq l-azzjoni meħuda mill-organizzazzjonijiet li għalihom huwa responsabbli.

Jekk l-Istat Membru jew l-Aġenzija tikkonkludi li l-implimentazzjoni u l-effettività tal-azzjoni rrappurtata mhumiex xierqa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza, dan għandu jiżgura li tittieħed u tiġi implimentata azzjoni xierqa addizzjonali mill-organizzazzjoni rilevanti.

9.  Fejn din tkun disponibbli, l-informazzjoni relatata mal-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi individwali jew il-gruppi ta' okkorrenzi miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 8(2) u (3), fi żmien xieraq u sa mhux aktar tard minn xahrejn wara l-ħażna tagħha fil-bażi tad-data nazzjonali.

10.  L-Istati Membri għandhom jużaw informazzjoni miksuba mill-analiżi tar-rapporti ta' okkorrenza biex jidentifikaw azzjoni ta' rimedju li għandha tittieħed, skont il-każ, fi ħdan il-Programm Statali tas-Sikurezza.

11.  Sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-livell tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili, kull Stat Membru għandu jippubblika analiżi dwar is-sikurezza mill-inqas darba fis-sena. L-analiżi dwar is-sikurezza:

(a) għandu jkun fiha informazzjoni aggregata u anonimizzata dwar it-tip ta' okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza rrappurtata permezz tas-sistemi nazzjonali ta' rappurtar obbligatorju u volontarju;

(b) għandha tidentifika x-xejriet;

(c) għandha tidentifika l-azzjoni meħuda mill-Istat Membru.

12.  L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ukoll rapporti ta' okkorrenzi anonimizzati u eżiti tal-analiżi tar-riskju.

Artikolu 14 Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell tal-Unjoni

Artikolu 14

Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell tal-Unjoni

1.  Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f'kollaborazzjoni ma' xulxin, għandhom jipparteċipaw regolarment fl-iskambju u l-analiżi tal-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità stabbiliti f'dan ir-Regolament, fejn xieraq, jistgħu jiġu mistiedna osservaturi skont il-każ.

2.  Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkollaboraw permezz ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

In-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni għandu jikkontribwixxi għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni, b'mod partikolari bit-twettiq ta' attività ta' analiżi tas-sikurezza b'appoġġ għall-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

3.  L-Aġenzija għandha tappoġġa l-attivitajiet tan-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni, billi pereżempju, tipprovdi assistenza għat-tħejjija u l-organizzazzjoni tal-laqgħat tan-netwerk.

4.  L-Aġenzija għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-riżultat tal-analiżi ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-reviżjoni annwali dwar is-sikurezza msemmija fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Artikolu 15 Kunfidenzjalità u użu adatt tal-informazzjoni

Artikolu 15

Kunfidenzjalità u użu adatt tal-informazzjoni

1.  L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, u l-Aġenzija għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità adatta tad-dettalji tal-okkorrenzi li dawn irċevew skont l-Artikoli 4, 5 u 10.

Kull Stat Membru, kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, jew l-Aġenzija għandhom jipproċessaw id-data personali biss sal-punt meħtieġ għall-fini ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-atti legali nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

2.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza fl-Artikoli 12, 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, l-informazzjoni li tkun ġejja mir-rapporti tal-okkorrenzi għandha tintuża biss għall-fini li għaliha tkun inġabret.

L-Istati Membri, l-Aġenzija u l-organizzazzjonijiet ma għandhomx jagħmlu disponibbli jew jużaw l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi:

(a) sabiex jattribwixxu ħtija jew ta' responsabbiltà, jew

(b) għal kwalunkwe fini ieħor minbarra l-manutenzjoni jew it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

3.  Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fit-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 14 fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, għandhom:

(a) jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, u

(b) jillimitaw l-użu tal-informazzjoni għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mas-sikurezza mingħajr ma jagħtu t-tort jew ir-responsabbiltà; f'dak ir-rigward, l-informazzjoni għandha b'mod partikolari tintuża għall-ġestjoni tar-riskji u għall-analiżi tax-xejriet tas-sikurezza li jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet relatati mas-sikurezza, li jindirizzaw nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom imsemmija fl-Artikolu 6(3) u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jikkooperaw ma' xulxin permezz ta' arranġamenti amministrattivi stabbiliti minn qabel Dawn l-arranġamenti amministrattivi stabbiliti minn qabel għandhom ifittxu li jiżguraw il-bilanċ ġust bejn il-bżonn ta' amministrazzjoni xierqa ta' ġustizzja, min naħa l-waħda, u d-disponibbiltà kontinwa u neċessarja ta' informazzjoni dwar is-sikurezza, min naħa l-oħra.

Artikolu 16 Protezzjoni tas-sors ta' informazzjoni

Artikolu 16

Protezzjoni tas-sors ta' informazzjoni

1.  Għall-fini ta' dan l-Artikolu, “dettalji personali” tinkludi b'mod partikolari ismijiet jew indirizzi ta' persuni fiżiċi.

2.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tiżgura li d-dettalji personali kollha jkunu disponibbli lill-ħaddiema ta' dik l-organizzazzjoni barra mill-persuni maħtura f'konformità mal-Artikolu 6(1) biss fejn ikun assolutament meħtieġ sabiex jiġu investigati l-okkorrenzi bil-għan li tissaħħaħ is-sikurezza tal-avjazzjoni.

L-informazzjoni deidentifikata għandha tiġi disseminata fi ħdan l-organizzazzjoni kif adatt.

3.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ebda dettall personali, ma għandu jiġi rreġistrat fil-bażi tad-data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(6). Tali informazzjoni deidentifikata għandha tkun disponibbli għall-partijiet rilevanti kollha, pereżempju biex tippermetti li huma jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

4.  L-Aġenzija għandha tiżgura li l-ebda dettall personali ma għandu jiġi rreġistrat fil-bażi tad-data tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 6(8). Tali informazzjoni deidentifikata għandha tkun disponibbli għall-partijiet rilevanti kollha, pereżempju biex tippermetti li huma jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

5.  L-Istati Membri u l-Aġenzija ma għandhomx jiġu impediti milli jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex tinżamm jew titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni.

6.  Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali tad-dritt kriminali applikabbli, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jibdew proċedimenti fir-rigward ta' ksur tal-liġi mhux premeditat jew mhux previst u li jindunaw bih biss peress li jkun ġie rrappurtat skont l-Artikoli 4 u 5.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu10. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri biex isaħħu il-protezzjoni ta' min jagħmel ir-rapport jew persuni msemmija f'rapporti dwar okkorrenza. l-Istati Membri jistgħu japplikaw din ir-regola b'mod partikolari mingħajr l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 10.

7.  Jekk jinbdew proċedimenti dixxiplinari jew amministrattivi skont il-liġi nazzjonali, l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti dwar l-okkorrenzi ma għandhiex tintuża kontra:

(a) il-persuni li jkunu rrappurtaw l-okkorrenza, jew

(b) il-persuni msemmija fir-rapporti dwar l-okkorrenza.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 10.

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri biex isaħħu l-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw jew persuni li huma msemmija f'rapporti dwar okkorrenza, l-Istati Membri jistgħu jestendu b'mod partikolari dik il-protezzjoni għal proċedimenti ċivili jew kriminali.

8.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet leġislattivi li jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni għal min jagħmel ir-rapport jew il-persuni msemmijin f'rapporti dwar okkorrenza minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament.

9.  Ħlief fejn japplika l-paragrafu 10, l-impjegati u l-persunal ikkuntrattatli jirrappurtaw jew huma msemmija f'rapporti dwar okkorrenzi miġbura f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda preġudizzju minn min jimpjegahom jew mill-organizzazzjoni li jingħataw servizzi lilha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna li qed tirrapporta l-okkorrenza.

10.  Il-protezzjoni taħt il-paragrafi 6, 7 u 9 ta' dan l-Artikolu ma għandhom japplikaw għall-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) f'każijiet ta' imġiba ħażina intenzjonata;

(b) fejn kien hemm indifferenza evidenti, gravi u serja ta' riskju ovvju u nuqqas profond tar-responsabbiltà professjonali li tingħata l-attenzjoni li tkun evidentement meħtieġa fiċ-ċirkostanzi, li tikkawża dannu prevedibbli lil persuna jew lil proprjetà, jew li tikkomprometti serjament il-livell tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

11.  Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħha, tadotta regoli interni li jiddeskrivu kif il-prinċipji ta' “kultura ġusta”, b'mod partikolari l-prinċipju msemmi fil-paragrafu 9, huma garantiti u implimentati f'dik l-organizzazzjoni.

Il-korp maħtur skont il-paragrafu 12 jista' jitlob li jirrieżamina r-regoli interni tal-organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istat Membru tiegħu qabel ma dawk ir-regoli interni jiġu implimentati.

12.  Kull Stat Membru għandu jaħtar korp responsabbli għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 6, 9 u 11.

L-impjegati u l-persunal ikkuntrattat jistgħu jirrappurtaw lil dak il-korp il-ksur allegat tar-regoli stabbiliti b'dan l-Artikolu. L-impjegati u l-persunal ikkuntrattat ma għandhomx ikunu penalizzati għar-rappurtar ta' ksur allegat. L-impjegati u l-persunal ikkuntrattat jistgħu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali ksur allegat.

Fejn adatt, il-korp maħtur għandu jagħti pariri lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru tiegħu rigward rimedji jew pieni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 21.

13.  Fil-15 ta' Mejju 2019 u kull ħames snin min hemm 'il quddiem, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, u b'mod partikolari dwar l-attivitajiet tal-korp maħtur skont il-paragrafu 12. Dak ir-rapport ma jista' jkun fih l-ebda data ta' natura personali.

Artikolu 17 Aġġornament tal-Annessi

Artikolu 17

Aġġornament tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 18 sabiex:

(a) taġġorna l-lista ta' oqsma ta' data obbligatorji fir-rapporti dwar l-okkorrenzi stabbiliti fl-Anness I fejn, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-bidliet jirriżultaw neċessarji sabiex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni;

(b) taġġorna t-talba għall-formula tal-informazzjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew ipprovduta fl-Anness III, biex titqies l-esperjenza miksuba u l-iżviluppi ġodda;

(c) tallinja kwalunkwe wieħed mill-Annessi mas-software ECCAIRS u t-tassonomija ADREP, kif ukoll ma' atti legali oħra adottati mill-Unjoni u ma' ftehimiet internazzjonali.

Bil-ħsieb tal-aġġornament tal-lista ta' oqsma obbligatorji, l-Aġenzija u n-netwerk ta' analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni msemmi fl-Artikolu 14(2) għandhom jipprovdu l-opinjoni(jiet) xierqa lill-Kummissjoni.

Artikolu 18 Eżerċizzju tad-delega

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(6) u 17 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta' dewmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 7(6) u 17 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah, simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(6) u 17 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjonijiet li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19 Proċedura ta' kumitat

Artikolu 19

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont is-sinifikat tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 20 Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta' data personali

Artikolu 20

Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta' data personali

1.  Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 10 u 11, li jistabbilixxu regoli iktar stretti ta' aċċess għad-data u għall-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-atti legali nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE u f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 21 Pieni

Artikolu 21

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata mill-Istati Membri dwar dawk id-dispożizzjonijiet u kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 22 Emenda tar-Regolament (UE) Nru 996/2010

Artikolu 22

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 996/2010

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 huwa mħassar.

Madankollu, dak l-Artikolu għandu jibqa' applikabbli sad-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 24 (3).

Artikolu 23 Tħassir

Artikolu 23

Tħassir

Id-Direttiva 2003/42/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament (KE) Nru 1330/2007 tħassru. Dawn għandhom jibqgħu applikabbli sad-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 24(3).

Artikolu 24 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Sas-16 ta' Novembru 2020, il-Kummissjoni għandha tippubblika u tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jkopri b'mod partikolari l-kontribut magħmul minn dan ir-Regolament għat-tnaqqis fin-numru ta' aċċidenti tal-inġenji tal-ajru u l-fatalitajiet relatati. Jekk ikun xieraq u abbażi ta' dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti biex temenda dan ir-Regolament.

3.  Dan ir-Regolament għandu japplika mill-15 ta' Novembru 2015 u mhux qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta' implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 4(5). L-Artikolu 7(2) għandu japplika ladarba l-atti delegati u dawk ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw u jiżviluppaw l-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 7(6) u (7) jidħlu fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

ANNESS I LISTA TA' REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦALL-ISKEMI TA' RAPPURTAR TAL-OKKORRENZI OBBLIGATORJI U VOLONTARJI

ANNESS I

LISTA TA' REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦALL-ISKEMI TA' RAPPURTAR TAL-OKKORRENZI OBBLIGATORJI U VOLONTARJI

Nota:  L-oqsma ta' data għandhom jiġu kkompletati bl-informazzjoni mitluba. Jekk ma jkunx possibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija li jinkludu dik l-informazzjoni minħabba li ma tkunx ġiet ipprovduta mill-organizzazzjoni jew minn min irrapporta, il-qasam ta' data jista' jiġi kkompletat bil-valur “mhux magħruf”. Madankollu, bil-għan li tiġi trasmessa l-informazzjoni xierqa, l-użu ta' dak il-valur “mhux magħruf” għandu, sa fejn ikun possibbli, jiġi evitat, u r-rapport għandu jiġi, fejn possibbli, ikkompletat bl-informazzjoni aktar tard.

1.   OQSMA TA' DATA OBBLIGATOJI KOMUNI

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1) Intestatura

— Intestatura

(2) Informazzjoni ta' klassifikazzjoni

— Entità Responsabbli

— Numru tal-Fajl

— Status tal-Okkorrrenza

(3) Meta

— Data UTC

(4) Fejn

— Stat/ Żona tal-Okkorrenza

— Post tal-Okkorrenza

(5) Klassifikazzjoni

— Klassi tal-Okkorrenza

— Kategorija tal-Okkorrenza

(6) Deskrizzjoni

— Lingwa tad-Deskrizzjoni

— Deskrizzjoni

(7) Avvenimenti

— Tip ta' Avveniment

(8) Klassifikazzjoni tar-riskju

2.   OQSMA TA' DATA OBBLIGATORJI SPEĊIFIĊI

2.1.    Oqsma ta' data relatati mal-inġenji tal-ajru

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1) Identifikazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru

— Stat tar-Reġistru

— Għamla/ Mudell/ Serje

— Numru tas-Serje tal-Inġenju tal-Ajru

— Reġistrazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru

— Sinjal tas-sejħa

(2) Tħaddim tal-Inġenji tal-ajru

— Operatur

— Tip ta' tħaddim

(3) Deskrizzjoni tal-Inġenju tal-Ajru

— Kategorija tal-Inġenju tal-Ajru

— Tip ta' Propulsjoni

— Grupp ta' Massa

(4) Storja tat-Titjira

— L-Aħħar Punt ta' Tluq

— Destinazzjoni Ppjanata

— Fażi tat-Titjira

(5) Temp

— Rilevanti għall-kondizzjonijiet tat-temp

2.2.    Oqsma ta' data relatati mas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1) Relazzjoni mal-ATM

— Kontribut ATM

— Servizz milqut (effett fuq is-servizz ATM)

(2) Isem tal-Unità ATS

2.2.1    Oqsma ta' data relatati mal-Ksur tas-Separazzjoni Minima/Telf tas-Separazzjoni u Ksur tal-Ispazju tal-Ajru

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1) Spazju tal-ajru

— Tip ta' spazju tal-ajru

— Klassi ta' spazju tal-ajru

— Isem FIR/UIR

2.3.    Oqsma ta' data relatati mal-ajrudrom

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1) Indikatur tal-Post (Indikatur ICAO tal-ajruport)

(2) Post fl-ajrudrom

2.4.    Oqsma ta' data relatati mal-ħsara tal-inġenju tal-ajru jew il-korriment ta' persuna

Meta jdaħħlu, fil-bażijiet tad-data rispettivi tagħhom, informazzjoni dwar kull okkorrenza li ġiet irrappurtata b'mod obbligatorju u, sal-aħjar punt possibbli, kull okkorrenza rrappurtata volontarjament, l-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Aġenzija jridu jiżguraw li r-rapporti dwar l-okkorrenzi rreġistrati fil-bażijiet tad-data tagħhom jkun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(1) Severità

— L-Akbar Ħsara

— Livell ta' Danni

(2) Korrimenti lil persuni

— Numru ta' korrimenti fuq l-art (fatali, serji, minuri)

— Numru ta' korrimenti fuq l-inġenju tal-ajru (fatali, serji, minuri)

ANNESS II PARTIJIET INTERESSATI

ANNESS II

PARTIJIET INTERESSATI

(a) Lista ta' partijiet interessati li jistgħu jirċievu informazzjoni abbażi ta' deċiżjoni skont il-każ skont l-Artikolu 11(4) jew abbażi ta' deċiżjoni ġenerali taħt l-Artikolu 11(6):

1. Manifatturi: diżinjaturi u manifatturi ta' inġenji tal-ajru, magni, skrejjen u partijiet u apparati tal-inġenji tal-ajru, u l-assoċjazzjonijiet rispettivi tagħhom; diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u kostitwenti għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM); diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u kostitwenti għas-servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru (ANS); diżinjaturi u manifatturi ta' sistemi u tagħmir użati fil-parti tal-ajru tal-ajrudromi

2. Manutenzjoni: organizzazzjonijiet involuti fil-manutenzjoni jew ir-reviżjoni ta' inġenji tal-ajru, magni, skrejjen u partijiet u apparati tal-inġenji tal-ajru; fl-installazzjoni, il-modifika, il-manutenzjoni, it-tiswija, ir-reviżjoni, il-kontroll tat-titjira jew l-ispezzjoni ta' faċilitajiet għan-navigazzjoni fl-ajru; jew fil-manutenzjoni jew bir-reviżjoni ta' sistemi, kostitwenti u tagħmir tal-parti tal-ajru f'ajrudromi

3. Operaturi: linji tal-ajru u operaturi ta' inġenji tal-ajru u assoċjazzjonijiet ta' linji tal-ajru u operaturi; operaturi tal-ajrudromi u assoċjazzjonijiet tal-operaturi tal-ajrudromi

4. Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni tal-ajru u fornituri ta' funzjonijiet speċifiċi ta' ATM

5. Fornituri ta' servizz ta' ajrudromi: organizzazzjonijiet inkarigati bis-servizzi ta' groundhandling tal-inġenji tal-ajru, li jinkludu l-għoti tal-fjuwil, it-tħejjija tal-folja tat-tagħbija, it-tagħbija, it-tneħħija tas-silġ u l-ittowjar f'ajrudrom, kif ukoll is-servizzi tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar jew tal-emerġenza

6. Organizzazzjonijiet ta' taħriġ fl-avjazzjoni

7. Organizzazzjonijiet f'pajjiżi terzi: awtoritajiet governattivi għall-avjazzjoni u awtoritajiet tal-investigazzjoni tal-inċidenti minn pajjiżi terzi

8. Organizzazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni

9. Riċerka: laboratorji, ċentri jew entitajiet pubbliċi jew privati; jew universitajiet impenjati fir-riċerka jew l-istudji tas-sikurezza tal-avjazzjoni

(b) Lista ta' partijiet interessati li jistgħu jirċievu informazzjoni abbażi ta' deċiżjoni skont il-każ skont l-Artikoli 11(4) u (5):

1. Bdoti (fuq bażi personali)

2. Kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (fuq bażi personali) u persunal ieħor tal-ATM/ANS li jwettqu kompiti relatati mas-sikurezza

3. Inġiniera/tekniċi/ħaddiema tal-elettronika għas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru/maniġers tal-avjazzjoni (jew ajrudrom) (fuq bażi personali)

4. Korpi rappreżentattivi professjonali tal-ħaddiema li jwettqu kompiti relatati mas-sikurezza

ANNESS III TALBA GĦAL INFORMAZZJONI MIR-REPOŻITORJU ĊENTRALI EWROPEW

ANNESS III

TALBA GĦAL INFORMAZZJONI MIR-REPOŻITORJU ĊENTRALI EWROPEW

1. Isem:

Funzjoni/pożizzjoni:

Kumpanija:

Indirizz:

Tel:

Posta elettronika:

Data:

Natura tan-negozju:

Kategorija ta' min jagħmel it-talba (ara l-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili ( 3 )):

2. Informazzjoni mitluba (jekk jogħġbok kun kemm jista' jkun speċifiku: inkludi d-data/perijodu rilevanti li jinteressak):

3. Raġuni għat-talba:

4. Spjega għalxiex ser tiġi użata l-informazzjoni:

5. Data sa meta l-informazzjoni hija mitluba:

6. Il-formula mimlija għandha tintbagħat, bil-posta elettronika, lil: (punt ta' kuntatt)

7. Aċċess għall-informazzjoni

Il-punt ta' kuntatt ma huwa meħtieġ li jipprovdi l-ebda informazzjoni mitluba. Jista' jagħmel dan jekk ikun kunfidenti li t-talba hija kompatibbli mar-Regolament (UE) Nru 376/2014. Min jagħmel it-talba jintrabat, flimkien mal-organizzazzjoni tiegħu, li jillimita l-użu tal-informazzjoni għall-fini li ddeskriva taħt il-punt 4. Ta' min ifakkar ukoll li l-informazzjoni pprovduta abbażi ta' din it-talba saret disponibbli biss għall-finijiet ta' sikurezza fl-ajru kif ipprovdut fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u mhux għal finijiet oħrajn bħal, b'mod partikolari, l-attribuzzjoni ta' ħtija jew ta' responsabbiltà, jew għal finijiet kummerċjali.

Min jagħmel it-talba ma jista' jiżvela lil ħadd l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilu mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-punt ta' kuntatt.

In-nuqqas milli jiġu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet jista' jwassal biex jinċaħad l-aċċess għal aktar informazzjoni mir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u, fejn applikabbli, l-impożizzjoni ta' pieni.

8. Data, post u firma:


( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

( 3 ) ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 11.09.2018 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014R0376
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.