+Artikolu 24 Parametri referenzjarji sinifikanti
---+Artikolu 24 1.
---+Artikolu 24 2.
---+Artikolu 24 3.
---+Artikolu 24 4.
---+Artikolu 24 5.
---+Artikolu 24 6.
---+Artikolu 24 7.
---+Artikolu 24 8.
---+Artikolu 24 9.
---+Artikolu 24 10.

Artikolu 24 Parametri referenzjarji sinifikanti

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 24 1.

Parametru referenzjarju li mhuwiex parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jkun sinifikanti meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

jintuża direttament jew indirettament f’kombinazzjoni ta’ parametri referenzjarji fl-Unjoni bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment li jkollhom valur medju totali ta’ mill-inqas EUR 50 biljun fuq il-bażi tal-karatteristiċi li ġejjin tal-parametru referenzjarju, fuq perjodu ta’ sitt xhur:

(i) 

il-firxa ta’ maturitajiet jew termini tal-parametru referenzjarju, fejn applikabbli;

(ii) 

il-muniti kollha jew unitajiet oħra ta’ kejl tal-parametru referenzjarju, meta applikabbli; u

(iii) 

il-metodoloġiji kollha tal-kalkolu tar-redditu, fejn applikabbli;

(b) 

il-parametru referenzjarju jkun ġie ddeżinjat bħala sinifikanti f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4 u 5, il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 6, jew il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 7.

Artikolu 24 2.
Amministratur għandu jinnotifika minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab jew, jekk jinsab f’pajjiż terz, lill-ESMA, meta parametru referenzjarju wieħed jew diversi minnhom ta’ dak l-amministratur jilħqu l-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a). Wara li tirċievi dik in-notifika, l-awtorità kompetenti jew l-ESMA, skont il-każ, għandha tippubblika dikjarazzjoni fuq is-sit web tagħha li tiddikjara li dak il-parametru referenzjarju jkun sinifikanti.

Amministratur għandu, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab jew, jekk ikun jinsab f’pajjiż terz, fuq it-talba tal-ESMA, jipprovdi lil dik l-awtorità kompetenti jew lill-ESMA, skont il-każ, b’informazzjoni dwar jekk il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ikunx intlaħaq.

Meta awtorità kompetenti jew, fil-każ ta’ amministratur ta’ pajjiż terz, l-ESMA jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex tqis li parametru referenzjarju laħaq il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), l-awtorità kompetenti jew l-ESMA tista’ toħroġ avviż dwar dan. Tali avviż għandu jiskatta l-istess obbligi għall-amministratur tal-parametru referenzjarju bħan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Mill-inqas 10 ijiem tax-xogħol qabel ma toħroġ tali avviż, l-awtorità kompetenti jew l-ESMA, skont il-każ, għandha tinforma lill-amministratur tal-parametru referenzjarju kkonċernat bis-sejbiet tagħha, u tistieden lil dak l-amministratur jissottometti kwalunkwe osservazzjoni.

Artikolu 24 3.

Awtorità kompetenti tista’, wara li tkun ikkonsultat lill-ESMA f’konformità mal-paragrafu 4 u wara li tkun qieset il-parir tagħha, tiddeżinja parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab fl-Unjoni li ma jilħaqx il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), bħala sinifikanti meta dak il-parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

il-parametru referenzjarju ma jkollu ebda sostitut jew ftit li xejn sostituti xierqa mmexxija mis-suq;

(b) 

fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, jew jiġi pprovdut abbażi ta’ data tal-input li ma tibqax rappreżentattiva b’mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew li ma tkunx affidabbli, ikun hemm impatti sinifikanti u avversi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti; u

(c) 

il-parametru referenzjarju ma jkunx ġie ddeżinjat bħala sinifikanti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

Meta awtorità kompetenti tikkonkludi li parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni biex il-parametru referenzjarju jiġi ddeżinjat bħala sinifikanti u tinnotifika dak l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-amministratur ikkonċernat u, meta dan ikun rilevanti, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-amministratur. L-awtorità kompetenti deżinjanti għandha tikkonsulta wkoll lill-ESMA dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni.

L-amministratur u, fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-amministratur għandu jkollhom 15-il jum tax-xogħol mid-data tan-notifika tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti deżinjanti biex jipprovdu osservazzjonijiet u kummenti bil-miktub. L-awtorità kompetenti deżinjanti kkonċernata għandha tinforma lill-ESMA dwar l-osservazzjonijiet u l-kummenti li tirċievi u għandha tikkunsidra kif xieraq dawk l-osservazzjonijiet u l-kummenti qabel ma tadotta deċiżjoni finali.

L-awtorità kompetenti deżinjanti għandha tinnotifika lill-ESMA bid-deċiżjoni finali tagħha u għandha tippubblika d-deċiżjoni, inkluż ir-raġunijiet li għalihom tkun ittieħdet u l-obbligi legali li jirriżultaw minnha fuq l-amministratur, fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien żejjed. Meta awtorità kompetenti tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti għall-kuntrarju tal-parir maħruġ mill-ESMA skont il-paragrafu 4, hija għandha tippubblika minnufih fuq is-sit web tagħha avviż li jispjega b’mod sħiħ ir-raġunijiet tagħha għaliex tkun għamlet hekk.

Artikolu 24 4.

Meta tiġi kkonsultata minn awtorità kompetenti dwar id-deżinjazzjoni maħsuba ta’ parametru referenzjarju bħala sinifikanti f’konformità mal-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha, fi żmien tliet xhur minn dik il-konsultazzjoni, toħroġ parir li jqis il-fatturi li ġejjin, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-parametru referenzjarju kkonċernat:

(a) 

jekk l-awtorità kompetenti ta’ konsultazzjoni tkunx issostanzjat biżżejjed il-valutazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huma ssodisfati;

(b) 

jekk, fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, jew jiġi pprovdut abbażi ta’ data tal-input li ma tibqax rappreżentattiva b’mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew li ma tkunx affidabbli, ikunx hemm impatti sinifikanti u avversi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tal-awtorità kompetenti ta’ konsultazzjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, l-ESMA għandha tqis kwalunkwe informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti ta’ konsultazzjoni skont il-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu.

Artikolu 24 5.
Meta l-ESMA ssib li parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, f’aktar minn Stat Membru wieħed, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati b’dan. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu dwar liema minnhom għandha tiddeżinja l-parametru referenzjarju bħala sinifikanti. Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jilħqux tali qbil, huma għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-ESMA, li għandha ssolvi dak in-nuqqas ta’ qbil f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 24 6.

L-ESMA tista’, fuq talba ta’ awtorità kompetenti, jew fuq inizjattiva proprja, tiddeżinja parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz li ma jilħaqx il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), bħala sinifikanti meta dak il-parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-parametru referenzjarju ma jkollu ebda sostitut jew ftit li xejn sostituti xierqa mmexxija mis-suq; u

(b) 

fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, jew jiġi pprovdut abbażi ta’ data tal-input li ma tibqax rappreżentattiva b’mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew li ma tkunx affidabbli, ikun hemm impatti sinifikanti u avversi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.

L-ESMA għandha, qabel id-deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni u mill-aktar fis possibbli, tinforma lill-amministratur tal-parametru referenzjarju bl-intenzjoni tagħha u tistieden lil dak l-amministratur jipprovdi lill-ESMA fi żmien 15-il jum tax-xogħol dikjarazzjoni motivata li jkun fiha kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni relatata mad-deżinjazzjoni tal-parametru referenzjarju bħala sinifikanti.

Meta jkun applikabbli, l-ESMA għandha tistieden, mill-aktar fis possibbli, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni relatata mad-deżinjazzjoni tal-parametru referenzjarju bħala sinifikanti.

L-ESMA għandha tagħti raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni, filwaqt li tqis jekk ikunx hemm biżżejjed evidenza li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-parametru referenzjarju kkonċernat.

L-ESMA għandha tippubblika d-deċiżjoni motivata tagħha fuq is-sit web tagħha u għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rikjedenti dwarha mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 24 7.

Awtorità kompetenti tista’ tiddeżinja parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab fl-Unjoni li ma jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punt (a), bħala sinifikanti meta dak il-parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-amministratur tiegħu jkun issottometta talba bil-miktub lil dik l-awtorità kompetenti biex dak il-parametru referenzjarju jiġi ddeżinjat bħala sinifikanti, fejn stipula b’mod ċar ir-raġunijiet għal tali talba; u

(b) 

il-parametru referenzjarju jintuża direttament jew indirettament f’kombinazzjoni ta’ parametri referenzjarji fl-Unjoni bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment li jkollhom valur medju totali ta’ mill-inqas EUR 20 biljun matul l-aħħar 6 xhur.

L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti meta jkollha raġunijiet biex tqis li t-talba biex isir dan ma kinitx preċiża jew kienet qarrieqa.

L-awtorità kompetenti deżinjanti għandha tinnotifika lill-ESMA bi kwalunkwe deċiżjoni biex tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti, u tippubblika d-deċiżjoni, inklużi r-raġunijiet għal dan u l-obbligi legali fuq l-amministratur li jirriżultaw minn dan, fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 24 8.
Meta l-amministratur ta’ parametru referenzjarju ddeżinjat f’konformità mal-paragrafu 7 ikun jixtieq li dik id-deżinjazzjoni titneħħa, huwa għandu jindirizza talba bil-miktub għal dak l-għan lill-awtorità kompetenti tiegħu mhux aktar kmieni minn 4 snin mid-data meta kien iddeżinjat dak il-parametru referenzjarju.

L-awtorità kompetenti għandha tirrevoka d-deżinjazzjoni sakemm ma tiġix issodisfata l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punt (a), jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

Id-deċiżjoni li tiġi revokata d-deżinjazzjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tat-talba.

L-awtorità kompetenti għandha tippubblika d-deċiżjoni li tirrevoka d-deżinjazzjoni fuq is-sit web tagħha. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi d-data li fiha għandu jkollha effett, li ma għandhiex tkun aktar tard minn 12-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha.

Artikolu 24 9.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, wara li tikkonsulta mal-ESMA, li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tispeċifika:

(a) 

il-metodu ta’ kalkolu, inklużi sorsi potenzjali ta’ data, li għandhom jintużaw biex jiġi ddeterminat il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu;

(b) 

il-kriterji għall-valutazzjoni meta parametru referenzjarju laħaq il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu;

(c) 

l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jipprovdu meta jikkonsultaw lill-ESMA kif meħtieġ skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(d) 

il-kriterji msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu filwaqt li titqies kwalunkwe data li tgħin biex tivvaluta jekk l-impatt tal-waqfien jew in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-parametru referenzjarju fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar humiex sinifikanti jew avversi.

Artikolu 24 10.
Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-ESMA, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq, tal-prezzijiet u dawk regolatorji. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.01.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32016R1011
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.