+KAPITOLU V Trasferimenti tad-datapersonali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali
---+Artikolu 35 Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti tad-datapersonali
------+Article 35 1.
------+Article 35 2.
------+Article 35 3.
---+Artikolu 36 Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza
------+Article 36 1.
------+Article 36 2.
------+Article 36 3.
------+Article 36 4.
------+Article 36 5.
------+Article 36 6.
------+Article 36 7.
------+Article 36 8.
---+Artikolu 37 Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa
------+Article 37 1.
------+Article 37 2.
------+Article 37 3.
---+Artikolu 38 Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi
------+Article 38 1.
------+Article 38 2.
------+Article 38 3.
---+Artikolu 39 Trasferimenti tad-datapersonali lil riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi
------+Article 39 1.
------+Article 39 2.
------+Article 39 3.
------+Article 39 4.
---+Artikolu 40 Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-datapersonali

KAPITOLU V Trasferimenti tad-datapersonali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali

KAPITOLU V Trasferimenti tad-datapersonali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 35 Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti tad-datapersonali

Artikolu 35

Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti tad-data personali

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull trasferiment minn awtoritajiet kompetenti ta' data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba biex tiġi pproċessata wara t-trasferiment lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għal trasferimenti ulterjuri lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jseħħ, soġġett għal konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħra ta' din id-Direttiva, dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu, jiġifieri:

(a) it-trasferiment huwa neċessarju għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1);

(b) id-data personali hija ttrasferita lil kontrollur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li jkun awtorità kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(c) f'każ li d-data personali tiġi trażmessa jew issir disponibbli minn Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru ikun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu minn qabel għat-trasferiment f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu;

(d) il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36, jew fin-nuqqas ta' tali deċiżjoni ġew previsti jew diġà jeżistu salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37, jew, fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36 u ta' salvagwardji xierqa f'konformità mal-Artikolu 37, japplikaw derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 38; u

(e) fil-każ ta' trasferiment ulterjuri lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali oħra, l-awtorità kompetenti li tkun wettqet it-trasferiment oriġinali jew awtorità kompetenti oħra tal-istess Stat Membru tawtorizza t-trasferiment ulterjuri, wara li jittieħed kont debitu tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tar-reat kriminali, il-fini li għalih id-data personali kienet oriġinarjament trasferita u l-livell ta' protezzjoni tad-data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li lilha tiġi trasferita ulterjorment id-data personali.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li t-trasferimenti mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel minn Stat Membru ieħor f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 1 ikun permess biss jekk it-trasferiment tad-data personali ikun meħtieġ għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew pajjiż terz jew għall-interessi essenzjali ta' Stat Membru u l-awtorizzazzjoni minn qabel ma tkunx tista' tinkiseb fi żmien debitu. L-awtorità responsabbli għall-għoti ta' awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun infurmata mingħajr dewmien.

3.  Id-dispożizzjonijiet kollha f'dan il-Kapitolu għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi żgurat permezz ta' din id-Direttiva ma jiddgħajjifx.

Artikolu 36 Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza

Artikolu 36

Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jseħħ jekk il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li l-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni. Tali trasferiment ma għandu jkun jeħtieġ l-ebda awtorizzazzjoni speċifika.

2.  Meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tieħu kont tal-elementi li ġejjin:

(a) l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż rigward is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess minn awtoritajiet pubbliċi għad-data personali kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, regoli dwar il-protezzjoni tad-data, regoli professjonali u miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra, li jkunu konformi ma' dak il-pajjiż jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali; il-ġurisprudenza, kif ukoll drittijiet effettivi u eżegwibbli tas-soġġetti tad-data u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-soġġetti tad-data li d-data personali tagħhom tkun trasferita;

(b) l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta' awtorità superviżorja indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew li għaliha organizzazzjoni internazzjonali tkun soġġetta, bir-responsabbiltà għall-assigurazzjoni u l-infurzar tal-konformità ma' regoli dwar il-protezzjoni tad-data inklużi, setgħat adegwati ta' infurzar, għall-assistenza u l-għoti ta' pariri lis-soġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri; u

(c) l-impenji internazzjonali li jkunu daħlu għalihom il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati, jew obbligi oħra li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mill-parteċipazzjoni tagħhom f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

3.  Il-Kummissjoni, wara li tkun ivvalutat l-adegwatezza tal-livell tal-protezzjoni, tista' tiddeċiedi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li pajjiż terz, territorju jew settur wieħed jew aktar speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali jassiguraw livell adegwat ta' protezzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, tal-anqas kull erba' snin, li għandu jqis l-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali. L-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni ġeografika u settorjali tiegħu, u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità jew awtoritajiet superviżorji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

4.  Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi kontinwa, timmonitorja żviluppi f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tad-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 3.

5.  Il-Kummissjoni għandha, meta l-informazzjoni disponibbli turi, b'mod partikolari wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma għadhomx jassiguraw livell adegwat ta' protezzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ikun meħtieġ, tirrevoka, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr effett retroattiv. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Għal raġunijiet debitament ġustifikati imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni immedjatament skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 58(3).

6.  Il-Kummissjoni għandha tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li tirrimedja s-sitwazzjoni li tirriżulta fid-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5.

7.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li deċiżjoni skont il-paragrafu 5 tkun mingħajr preġudizzju għat-trasferimenti tad-data personali lill-pajjiż terz, lit-territorju jew wieħed jew aktar setturi speċifikati f'dak il-pajjiż terz, jew lill-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni skont l-Artikoli 37 u 38.

8.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħha lista tal-pajjiżi terzi, territorji u setturi speċifikati fi ħdan pajjiż terz u organizzazzjonijiet internazzjonali li dwarhom tkun iddeċidiet li huwa żgurat jew m'għadux żgurat livell adegwat ta' protezzjoni.

Artikolu 37 Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

Artikolu 37

Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

1.  Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 36(3), l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jsir fejn:

(a) salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali huma previsti fi strument legalment vinkolanti; jew

(b) il-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x'jaqsmu mat-trasferiment tad-data personali u jikkonkludi li jeżistu salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

2.  Il-kontrollur għandu jinforma lill-awtorità superviżorja dwar kategoriji ta' trasferimenti taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1.

3.  Meta trasferiment ikun ibbażat fuq punt (b) tal-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtorità superviżorja meta titlobha, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċeviha, il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u d-data personali trasferita.

Artikolu 38 Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi

Artikolu 38

Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi

1.  Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36, jew ta' salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment jew kategorija ta' trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali tista' ssir biss bil-kondizzjoni li t-trasferiment ikun meħtieġ:

(a) għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra;

(b) biex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, fejn il-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-data personali tipprevedi dan;

(c) għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz;

(d) f'każijiet individwali għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1); jew

(e) f'każ individwali għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża tat-talbiet legali relatati mal-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

2.  Id-data personali ma għandhiex tiġi ttrasferita jekk l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tiddetermina li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat jieħdu preċedenza fuq l-interess tal-pubbliku fit-trasferiment stipulat fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1.

3.  Fejn trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtorità superviżorja meta titlobha, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċeviha, il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u d-data personali trasferita.

Artikolu 39 Trasferimenti tad-datapersonali lil riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi

Artikolu 39

Trasferimenti tad-data personali lil riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi

1.  Permezz ta' deroga mill-punt (b) fl-Artikolu 35(1) u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (7)(a) tal-Artikolu 3, f'każijiet individwali u speċifiċi, jittrasferixxu d-data personali direttament lir-riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi biss jekk ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva u jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) it-trasferiment ikun strettament meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu tal-awtorità kompetenti li tittrasferixxi kif previst mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1);

(b) l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tiddetermina li l-ebda dritt u libertà fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat ma jieħdu preċedenza fuq l-interess pubbliku li jkun jeħtieġ it-trasferiment fil-każ partikolari;

(c) l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tqis li t-trasferiment lil awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) f'pajjiż terz huwa ineffikaċi jew mhux xieraq, b'mod partikolari minħabba li t-trasferiment ma jistax isir fi żmien xieraq;

(d) l-awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) fil-pajjiż terz hija informata mingħajr dewmien bla bżonn, sakemm dan ma jkunx ineffettiv jew mhux xieraq;

(e) l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tinforma lir-riċevitur dwar il-fini jew finijiet speċifikati li għalihom id-data personali għandha biss tiġi pproċessata minn dan tal-aħħar dment li dan l-ipproċessar huwa neċessarju.

2.  Ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali internazzjonali fis-seħħ bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija.

3.  L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tinforma lill-awtorità superviżorja dwar it-trasferimenti skont dan l-Artikolu.

4.  Meta trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat.

Artikolu 40 Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-datapersonali

Artikolu 40

Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali

Fir-rigward ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex:

(a) jiżviluppaw mekkaniżmi ta' kooperazzjoni internazzjonali li jiffaċilitaw l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali;

(b) jipprovdu assistenza reċiproka internazzjonali fl-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali, inkluż permezz ta' notifika, riferiment tal-ilmenti, assistenza investigattiva u skambju ta' informazzjoni, soġġetti għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta' data personali u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra;

(c) jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti f'diskussjoni u attivitajiet immirati lejn aktar kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali;

(d) jippromwovu l-iskambju u d-dokumentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u prattiki dwar il-protezzjoni ta' data personali, inkluż dwar konflitti ġurisdizzjonali ma' pajjiżi terzi.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 04.05.2016 00:00:00 -Doknr: CELEX:32016L0680
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.