1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi arranġament ta' finanzjament wieħed jew aktar sabiex jiżgura li l-awtorità ta' riżoluzzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha fondi adegwati permezz ta' kontribuzzjonijiet ex ante jew ex post jew taħlita tagħhom minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni awtorizzati f'dak l-Istat Membru u minn fergħat fl-Unjoni ta' impriżi ta' pajjiżi terzi li jinsabu fit-territorju ta' dak l-Istat Membru biex ikopru mill-inqas il-pagament tad-differenza lill-azzjonisti, lid-detenturi ta' poloz, lill-benefiċjarji, lill-pretendenti jew lil kredituri oħra msemmija fl-Artikolu 57.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li jintużaw l-arranġamenti ta' finanzjament imsemmija fl-ewwel subparagrafu biex ikopru wkoll kostijiet oħra assoċjati mal-użu ta' għodod ta' riżoluzzjoni, sa fejn l-użu ta' arranġamenti ta' finanzjament ikun meħtieġ għall-kisba tal-objettivi ta' riżoluzzjoni.
L-Istati Membri jistgħu jużaw l-istess struttura amministrattiva għall-arranġamenti ta' finanzjament tagħhom bħall-iskemi ta' garanzija tal-assigurazzjoni tagħhom, filwaqt li jqisu r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).