+Artikolu 6a
---+Artikolu 6a 1.
---+Artikolu 6a 2.
---+Artikolu 6a 3.
---+Artikolu 6a 4.
---+Artikolu 6a 5.
---+Artikolu 6a 6.
---+Artikolu 6a 7.
---+Artikolu 6a 8.

Artikolu 6a

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 6a 1.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi, wara li tqis ir-rapporti xjentifiċi mħejjija mill-ECHA skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, lista ta' sorveljanza tas-sustanzi li għalihom għandha tinġabar data ta' monitoraġġ madwar l-Unjoni kollha mill-Istati Membri sabiex jiġu appoġġati rieżamijiet futuri tal-Annessi I u II u sabiex tistabbilixxi l-formati li għandhom jintużaw mill-Istati Membri għar-rapportar tar-riżultati ta' dak il-monitoraġġ u ta' informazzjoni relatata lill-Kummissjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati f'konformità mal-proċedura ta' analiżi msemmija fl-Artikolu 9(2).

Il-lista ta' sorveljanza għandu jkun fiha massimu ta' ħames sustanzi, gruppi ta' sustanzi, jew indikaturi ta' tniġġis fi kwalunkwe ħin, u l-metodi possibbli ta' analiżi għal kull sustanza. Dawk il-metodi ma għandhomx jinvolvu kostijiet eċċessivi għall-awtoritajiet kompetenti. Is-sustanzi li għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' sorveljanza għandhom jintgħażlu minn fost dawk is-sustanzi li għalihom l-informazzjoni disponibbli tindika li jistgħu joħolqu riskju sinifikanti fil-livell tal-Unjoni għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu u li għalihom id-data ta' monitoraġġ hija insuffiċjenti. Din il-lista ta' sorveljanza għandha tinkludi sustanzi ta' tħassib emerġenti. Għall-finijiet ta' dan is-subparagrafu ‘indikatur tat-tniġġis’ tfisser parametru li jista' jiġi mmonitorjat biex jingħata valur li huwa rappreżentattiv tal-livell jew tal-konċentrazzjoni ta' kontaminant jew ta' grupp ta' kontaminanti u għalhekk tar-riskju ppreżentat minnhom.

Abbażi tar-rapporti xjentifiċi mħejjija mill-ECHA f'konformità mal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tinkludi mikroplastiċi u indikaturi adatti għall-preżenza, l-evoluzzjoni jew it-trażmissjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi (‘indikaturi ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi’) fil-lista ta' sorveljanza, dment li jkunu disponibbli metodi ta' teħid ta' kampjuni u ta' analiżi affidabbli u li ma jinvolvux kostijiet eċċessivi. Sal-1 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tidentifika tali metodi ta' teħid ta' kampjuni u ta' analiżi.

Artikolu 6a 2.

L-ECHA għandha tħejji rapporti xjentifiċi sabiex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tas-sustanzi u l-indikaturi għall-inklużjoni fil-lista ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, filwaqt li tqis l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-Anness I tad-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u r-riżultati tal-aktar rieżami reċenti tal-Anness, kif ukoll ir-riżultati tal-aktar rieżami reċenti tal-Anness I ta' din id-Direttiva;

(b) 

il-listi ta' sorveljanza stabbiliti f'konformità mad-Direttivi 2008/105/KE u (UE) 2020/2184;

(c) 

ir-rekwiżiti sabiex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-ħamrija, inkluż id-data ta' monitoraġġ relatata;

(d) 

il-karatterizzazzjoni mill-Istati Membri tad-distretti tal-baċini tax-xmara f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE u r-riżultati tal-programmi ta' monitoraġġ stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva;

(e) 

informazzjoni dwar il-volumi tal-produzzjoni, ix-xejriet tal-użu, il-proprjetajiet intrinsiċi (inkluż il-mobilità fil-ħamrija u, fejn rilevanti, id-daqs tal-partikoli), il-konċentrazzjonijiet fl-ambjent u l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent akkwatiku ta' sustanza partikolari, jew grupp ta' sustanzi, inkluż l-informazzjoni miġbura f'konformità mad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ); ir-Regolamenti (KE) Nru 1907/2006 ( 5 ), u (KE) Nru 1107/2009, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) u r-Regolamenti (UE) Nru 528/2012, (UE) 2019/6 ( 7 ) u (UE) 2022/2379 ( 8 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(f) 

proġetti ta' riċerka u pubblikazzjonijiet xjentifiċi, inkluż informazzjoni dwar it-tendenzi u l-previżjonijiet ibbażati fuq l-immudellar jew valutazzjonijiet ta' tbassir oħrajn, kif ukoll informazzjoni u data miġburin minn teknoloġiji ta' telerilevament, mill-osservazzjoni tad-dinja, bħas-servizzi ta' Copernicus, minn sensuri u apparati in situ jew mid-data xjentifika taċ-ċittadini, li jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-intelliġenza artifiċjali u mill-analiżi u l-ipproċessar avvanzati tad-data;

(g) 

rakkomandazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati;

(h) 

rakkomandazzjonijiet mill-gruppi ta' ħidma stabbiliti skont l-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Komuni għad-Direttiva 2000/60/KE;

(i) 

informazzjoni dwar l-emissjonijiet, il-ħruġ u t-telf disponibbli fil-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali fil-qafas tar-Regolament (UE) 2024/1244 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), kif ukoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali disponibbli dwar is-sustanzi koperti mill-permessi fil-qafas tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).

Artikolu 6a 3.
Ir-rapporti xjentifiċi mħejjija mill-ECHA f'konformità mal-paragrafu 2 għandhom jippreżentaw lista ta' sustanzi, gruppi ta' sustanzi, jew indikaturi kandidati, metodu indikattiv ta' analiżi u limitu massimu aċċettabbli ta' kwantifikazzjoni għal kull wieħed minnhom, b'referenza ta' sostenn għal-letteratura jew gwida xjentifika.
Artikolu 6a 4.
Sal-1 ta’ Frar 2028 u kull tliet snin wara dan, l-ECHA għandha tħejji rapport li jiġbor fil-qosor is-sejbiet tar-rapporti xjentifiċi mħejjija f'konformità mal-paragrafu 2 u għandha tagħmel dak ir-rapport disponibbli għall-pubbliku. .
Artikolu 6a 5.
Sal-1 ta’ Ġunju 2028, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-ewwel lista ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1, u mbagħad taġġornaha kull tliet snin.

Meta taġġorna lista ta' sorveljanza, il-Kummissjoni għandha tneħħi kwalunkwe sustanza, grupp ta' sustanzi, jew indikatur mil-lista ta' sorveljanza, fejn il-Kummissjoni tqis li huwa possibbli li tivvaluta r-riskju tagħha għall-ambjent akkwatiku mingħajr data ta' monitoraġġ addizzjonali. Madankollu, sustanza individwali, grupp ta' sustanzi jew indikatur jistgħu jinżammu fil-lista ta' sorveljanza għal perjodu ieħor ta' tliet snin meta tkun meħtieġa data ta' monitoraġġ addizzjonali sabiex jiġi vvalutat ir-riskju għall-ambjent akkwatiku.

Il-Kummissjoni tista' żżid ukoll sustanza addizzjonali waħda jew aktar, grupp ta' sustanzi, jew indikaturi fejn hi tqis, billi tqis ir-rapporti xjentifiċi tal-ECHA, li jista' jkun hemm riskju mifrux għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu, bil-kundizzjoni li l-lista ta' sorveljanza aġġornata jkun fiha massimu ta' ħames sustanzi, gruppi ta' sustanzi, jew indikaturi, f'konformità mal-paragrafu 1.

Il-mikroplastiċi u l-indikaturi tar-reżistenza għall-antimikrobiċi ma għandhomx jinżammu fil-lista ta' sorveljanza għat-tieni perjodu konsekuttiv ta' tliet snin sakemm ma tkunx disponibbli metodoloġija armonizzata u affidabbli ta' valutazzjoni tar-riskju li, meta tiġi applikata, turi li d-data ta' monitoraġġ miġbura matul l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ ma tkunx biżżejjed biex jiġi vvalutat ir-riskju li dawn joħolqu għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu.

Artikolu 6a 6.
L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw kull sustanza, grupp ta' sustanzi, u indikatur fil-lista ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 fi stazzjonijiet ta' monitoraġġ rappreżentattivi magħżula fuq perjodu ta' 24 xahar. Il-perjodu ta' monitoraġġ għandu jibda fi żmien sitt xhur mill-istabbiliment tal-lista ta' sorveljanza, iżda t-teħid ta' kampjuni u l-analiżi ma għandhomx għalfejn jibdew fil-bidu ta' dak il-perjodu.

Kull Stat Membru għandu jagħżel mill-anqas żewġ stazzjonijiet ta' monitoraġġ wieħed, flimkien man-numru ta' stazzjonijiet ugwali għall-erja totali tiegħu f'km2 ta' korpi tal-ilma ta' taħt l-art diviża b'45 000 , aġġustati għall-eqreb numru sħiħ.

Fl-għażla tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ rappreżentattivi, il-frekwenza tal-monitoraġġ u ż-żmien għal kull sustanza, grupp ta' sustanzi, jew indikatur, l-Istati Membri għandhom iqisu l-varjabbiltà staġjonali fix-xita, il-livelli tal-ilma, ix-xejriet tal-użu u l-possibbiltà li s-sustanza, il-grupp ta' sustanzi, jew l-indikatur iseħħu. Il-frekwenza tal-monitoraġġ ma għandhiex tkun anqas minn darba fis-sena.

Meta Stat Membru jkun f'pożizzjoni li jiġġenera data ta' monitoraġġ suffiċjenti, komparabbli, rappreżentattiva u reċenti għal sustanza partikolari, grupp ta' sustanzi, jew indikatur, minn programmi jew studji ta' monitoraġġ eżistenti, huwa jista' jiddeċiedi li ma jwettaqx monitoraġġ addizzjonali taħt il-mekkaniżmu tal-lista ta' sorveljanza għal dik is-sustanza, grupp ta' sustanzi, jew indikatur, dment li s-sustanza, il-grupp ta' sustanzi, jew l-indikatur, ikunu ġew immonitorjati bl-użu ta' metodoloġija li tkun konformi mal-metodi ta' analiżi msemmija fl-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-lista ta' sorveljanza.

Artikolu 6a 7.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli r-riżultati tal-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu kull sena f'konformità mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2000/60/KE u mal-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-lista ta' sorveljanza kif adottata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jagħmlu disponibbli wkoll informazzjoni dwar ir-rappreżentattività tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ u dwar l-istrateġija ta' monitoraġġ.
Artikolu 6a 8.
Fi tmiem il-perjodu ta' 24 xahar imsemmi fil-paragrafu 6, l-ECHA għandha tirrieżamina r-riżultati tal-monitoraġġ u tivvaluta liema sustanzi, gruppi ta' sustanzi, jew indikaturi jeħtieġ li jiġu mmonitorjati għal perjodu ieħor ta' 24 xahar u li għalhekk għandhom jinżammu fuq il-lista ta' sorveljanza u liema sustanzi, gruppi ta' sustanzi, jew indikaturi jistgħu jitneħħew mil-lista ta' sorveljanza.

Fejn il-Kummissjoni, wara li tqis il-valutazzjoni mill-ECHA msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, tikkonkludi li ma huwa meħtieġ l-ebda monitoraġġ ulterjuri sabiex jiġi vvalutat aktar ir-riskju għall-ambjent akkwatiku, dik il-valutazzjoni għandha titqies fir-rieżami tal-Anness I jew II imsemmija fl-Artikolu 8.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 10.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32006L0118
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.