+Artikolu 30 Verifika tal-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà u tal-kriterji ta' ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra
---+Artikolu 30 1.
---+Artikolu 30 2.
---+Artikolu 30 3.
---+Artikolu 30 4.
---+Artikolu 30 5.
---+Artikolu 30 6.
---+Artikolu 30 7.
---+Artikolu 30 8.
---+Artikolu 30 9.
---+Artikolu 30 10.

Artikolu 30 Verifika tal-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà u tal-kriterji ta' ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 30 1.

Fejn il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat għandhom jingħaddu mal-miri msemmija fl-Artikolu 3(1), l-Artikolu 15a(1), l-Artikolu 22a(1), l-Artikolu 23(1), l-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(1), l-Istati Membri għandhom jesiġu lill-operaturi ekonomiċi juru, permezz ta’ awditi indipendenti, trasparenti u obbligatorji, bi qbil mal-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, li l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) u fl-Artikolu 29a(1) u (2) għall-karburanti rinnovabbli u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat ġew issodisfati. Għal dak il-għan, huma għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

▼B

(a) 

tippermetti li kunsinni ta' materja prima jew karburanti b'karatteristiċi ta' sostenibbiltà u ta' ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra differenti pereżempju f'kontejner, faċilità loġistika jew tal-ipproċessar, infrastruttura jew sit tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni;

(b) 

tippermetti li kunsinni ta' materja prima b'kontenut ta' enerġija differenti jiġu mħallta għall-finijiet ta' aktar proċessar, sakemm id-daqs tal-kunsinni jkun aġġustat skont il-kontenut tal-enerġija tagħhom;

(c) 

teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u ta' ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa' assenjata lit-taħlita; u

(d) 

tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta' sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita u tirrikjedi li dan il-bilanċ jinkiseb tul medda xierqa ta' żmien.

Is-sistema ta' bilanċ tal-massa għandha tiżgura li kull kunsinna tiġi kkunsidrata darba biss fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), għall-finijiet tal-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u għandha tinkludi informazzjoni dwar jekk ġiex ipprovdut appoġġ lill-produzzjoni ta' dik il-kunsinna, u jekk hekk, dwar it-tip ta' skema ta' appoġġ.

Artikolu 30 2.

Meta kunsinna tkun ipproċessata, l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u l-karatteristiċi tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-kunsinna għandhom jiġu aġġustati u assenjati għall-output skont ir-regoli li ġejjin:

(a) 

meta l-ipproċessar ta’ kunsinna ta’ materja prima jirriżulta biss f’output waħda li hi maħsuba għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi jew il-karburanti mill-bijomassa, karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, jew karburanti tal-karbonju riċiklat, id-daqs tal-kunsinna u l-kwantitajiet relatati tas-sostenibbiltà u l-karatteristiċi tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jiġu aġġustati bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ konverżjoni li jirrappreżenta l-proporzjon bejn il-massa tal-output li hi maħsuba għal tali produzzjoni u l-massa tal-materja prima li tidħol fil-proċess;

(b) 

meta l-ipproċessar ta’ kunsinna ta’ materja prima jirriżulta f’aktar minn output wieħed li hu maħsub għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa, karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, jew karburanti tal-karbonju riċiklat, għal kull output għandu jiġi applikat fattur ta’ konverżjoni separat u għandu jintuża bilanċ tal-massa separat.

Artikolu 30 3.
►M2  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli dwar il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikoli 29(2) sa (7) u (10) u 29a(1) u (2), u li l-operaturi ekonomiċi jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri rilevanti, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ awditjar indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. Sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 29(3), il-punti (a), (b), (d) u (e), mal-Artikolu 29(4), il-punt (a), mal-Artikolu 29(5), mal-Artikolu 29(6), il-punt (a), u tmal-Artikolu 29(7), il-punt (a), l-awditjar tal-ewwel u t-tieni parti jista’ jintuża sal-ewwel punt ta’ ġbir tal-bijomassa tal-foresti. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi, inkluża verifika li tiżgura li l-materjali mhumiex modifikati jew mormija intenzjonalment sabiex il-kunsinna jew parti minnha tkun tista’ ssir skart jew residwu. L-awditjar għandu jevalwa wkoll il-frekwenza u l-metodoloġija tat-teħid tal-kampjuni u l-affidabbiltà tad-data.

L-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw irrispettivament minn jekk il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat jkunux prodotti fl-Unjoni jew ikunux importati fiha. L-informazzjoni dwar l-oriġini ġeografika u t-tip ta’ materja prima tal-bijokarburanti, tal-bijolikwidi u tal-karburanti tal-bijomassa għal kull fornitur tal-karburanti għandha tkun magħmula disponibbli għall-konsumaturi b’mod aġġornat, faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent fuq is-siti web tal-operaturi, tal-fornituri u tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u għandha tiġi aġġornata fuq bażi annwali. ◄

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, f'forma aggregata, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni fuq il-pjattaforma ta' rappurtar elettroniku imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1999 f'forma mqassra u żżomm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 30 4.
Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi nazzjonali jew internazzjonali volontarji li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli u karburanti tal-karbonju riċiklat, jipprovdu data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) u l-Artikolu 29a (1) u (2), juru konformità mal-Artikolu 27(6) u l-Artikolu 31a(5), jew juru li l-kunsinni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7). Meta juru li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) huma ssodisfati, l-operaturi jistgħu jipprovdu l-evidenza meħtieġa direttament fil-livell taż-żona tas-sorsi. Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi żoni għall-protezzjoni ta’ ekosistemi jew ta’ speċijiet rari, mhedda jew fil-periklu, rikonoxxuti minn ftehimiet internazzjonali jew inklużi f’listi mfassla minn organizzazzjonijiet intergovernattivi jew mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura għall-finijiet tal-Artikolu 29(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(ii).

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li dawk l-iskemi jkollhom informazzjoni eżatta dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-ħamrija, l-ilma u l-arja, tar-restawr ta' art degradata, tal-evitar ta' konsum eċċessiv tal-ilma f'żoni fejn l-ilma hu skars, u għaċ-ċertifikazzjoni tal-bijokarburanti u l-bijolikwidi b'riskju baxx ta' bdil indirett tal-użu tal-art.

Artikolu 30 5.
Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 34(3). Tali deċiżjonijiet għandhom ikunu validi għal perijodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

Il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li kull skema volontarja li tkun ġiet adottata deċiżjoni dwarha skont il-paragrafu 4, tippreżenta ta' kull sena sat-30 ta' April, rapport lill-Kummissjoni li jkopri kull wieħed ►C1  mill-punti stabbiliti fl-Anness XI tar-Regolament (UE) 2018/1999 ◄ . Ir-rapport għandu jkopri s-sena kalendarja preċedenti. Ir-rekwiżit li jiġi ppreżentat rapport għandu japplika biss għall-iskemi volontarji li jkunu operaw għal mill-inqas 12-il xahar.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapporti mfasslin mill-iskemi volontarji disponibbli, f'forma aggregata jew sħiħa jekk adatt, fuq il-pjattaforma ta' rappurtar elettroniku msemmija Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 30 6.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skemi nazzjonali li fihom il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) u l-Artikolu 29a(1) u (2), f’konformità mal-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 29a(3), hija vverifikata tul il-katina kollha tal-kustodja li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti. Dawk l-iskemi jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni inkluża mill-operaturi ekonomiċi fil-bażi tad-data tal-Unjoni, biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 27(6) u għaċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa b’riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art.

Stat Membru jista’ jinnotifika tali skema nazzjonali lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-valutazzjoni ta’ tali skema sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent bilaterali u multilaterali reċiproku ta’ dawk l-iskemi. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, jekk tali skema nazzjonali nnotifikata tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3).

Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li l-iskema nazzjonali tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva,skemi oħrajn rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu ma għandhomx jirrifjutaw ir-rikonoxximent reċiproku mal- ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward tal-verifika tal-konformità mal-kriterji li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni.

Għall-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ b’kapaċità termika kklassifikata totali ta’ bejn 7,5 u 20 MW, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skemi nazzjonali semplifikati ta’ verifika biex jiżguraw l-issodisfar tal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29 (2) sa (7) u (10). Għall-istess installazzjonijiet, l-atti ta’ implimentazzjoni previsti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet uniformi għall-iskemi volontarji semplifikati ta’ verifika biex jiżguraw l-issodisfar tal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10).

Artikolu 30 7.
Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu biss jekk l-iskema inkwistjoni tissodisfa standards adegwati ta' affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u tipprovdi assigurazzjonijiet adegwati li l-ebda materjal ma ġie modifikat jew mormi intenzjonalment b'tali mod li l-kunsinna jew parti minnha taqa' taħt l-Anness IX. Fil-każ ta' skemi li jkejlu l-iffrankar ta' emissjonijiet ta' gass serra, dawn l-iskemi għandhom jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbilit fl-Anness V jew VI. Listi ta' żoni b'valur għoli ta' bijodiversità kif imsemmija fl-punt (c)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(3) għandhom jissodisfaw standards adegwati ta' oġġettività u koerenza ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment u jipprevedu proċeduri adegwati ta' appell.

L-iskemi volontarji msemmija fil-paragrafu 4 għandhom, u mill-inqas darba fis-sena, jippubblikaw lista tal-korpi ta' ċertifikazzjoni tagħhom li jintużaw għal awditu indipendenti, li tindika għal kull korp ta' ċertifikazzjoni, l-entità jew l-awtorità nazzjonali pubblika li minnha kien rikonoxxut u l-entità jew l-awtorità nazzjonali pubblika li qed tissorveljah.

Artikolu 30 8.
Sabiex tiġi żgurata li l-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif ukoll mad-dispożizzjonijiet dwar bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa ta' riskju baxx jew għoli ta' bidla diretta jew indiretta fl-użu tal-art tiġi vverifikata b'mod effiċjenti u armonizzat b'mod partikolari għall-prevenzjoni tal-frodi, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw regoli ta' implimentazzjoni dettaljati, inkluż standards adegwati ta' affidabbiltà, trasparenza u awditjar independenti u tirrikjedi li l-iskemi volontarji kollha japplikaw dawk l-istandards. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 34(3).

F'dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni patikolari lill-ħtieġa li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv. L-atti ta' implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu perijodu ta' żmien li fih l-iskemi volontarji huma rikjesti li jimplimentaw l-istandards. Il-Kummissjoni tista' tħassar deċiżjonijiet li jirrikonoxxu l-iskemi volontarji skont il-paragrafu 4 fil-każ li dawk l-iskemi jonqsu milli jimplimentaw tali standards fil-perijodu ta' żmien previst. Fejn Stat Membru jqajjem tħassib li skema volontarja mhix qed taħdem f'konformità mal-istandards ta' affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti li jikkostitwixxu l-bażi għal deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-kwistjoni u tieħu azzjoni xierqa.

Artikolu 30 9.
Meta operatur ekonomiku jipprovdi evidenza jew data miksuba f’konformità ma’ skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4 jew 6, Stat Membru ma għandux jesiġi li l-operatur ekonomiku jipprovdi aktar evidenza ta’ konformità mal-elementi koperti mill-iskema li għaliha l-iskema tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-operat ta' korpi taċ-ċertifikazzjoni li jkunu qed iwettqu awditu indipendenti skont skema volontarja. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jippreżentaw fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti, l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex tissorvelja l-operazzjoni, inkluż id-data, il-ħin u l-post eżatt tal-awditjar. Fejn l-Istati Membri jsibu kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità, huma għandhom jinfurmaw l-iskema volontarja mingħajr dewmien.

Artikolu 30 10.
Fuq talba ta’ Stat Membru, li tista’ tkun ibbażata fuq it-talba ta’ operatur ekonomiku, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-evidenza kollha disponibbli, teżamina jekk il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) u fl-Artikolu 29a(1) u (2) fir-rigward ta’ sors ta’ karburanti rinnovabbli u ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat ġewx issodisfati.

Fi żmien sitt xhur mill-wasla ta’ tali talba, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat jistax:

(a) 

iqis il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat minn dak is-sors għall-finijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1); jew

(b) 

b’deroga mill-paragrafu 9, jesiġi li l-fornituri tas-sors ta’ karburanti rinnovabbli u ta’ karburanti tal-karbonju riċiklat għandhom jipprovdu aktar evidenza ta’ konformità ma’ dawk il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u dawk il-limiti ta’ ffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3).

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 16.07.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018L2001
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.