|
+ANNESS II |
ANNESS II
ANNESS II IMPRONTA TAL-KARBONJU 1. Kamp ta’ applikazzjoni Dan l-Anness jipprovdi elementi essenzjali dwar kif tiġi kkalkulata l-impronta tal-karbonju. Il-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-impronta tal-karbonju li għandha tiġi pprovduta permezz tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandha tibni fuq l-elementi essenzjali inklużi f’dan l-Anness, tkun konformi mal-aħħar verżjoni tal-metodu tal-Kummissjoni dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (il-PEF) u mar-Regoli tal-Kategorija rilevanti marbutin mal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEFCRs) u tirrifletti l-ftehimiet internazzjonali u l-progress tekniku/xjentifiku fil-qasam tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-kalkolu tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja għandu jkun ibbażat fuq il-lista ta’ materjali, l-enerġija u l-materjali awżiljarji użati f’impjant tal-manifattura speċifiku għall-produzzjoni ta’ mudell speċifiku ta’ batterija. B’mod partikolari, il-komponenti elettroniċi, pereżempju l-unitajiet tal-ġestjoni tal-batteriji u l-unitajiet tas-sikurezza, u l-materjali tal-katodu għandhom jiġu identifikati b’mod preċiż, peress li jistgħu jsiru l-kontributur ewlieni għall-impronta tal-karbonju tal-batteriji. 2. Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“data dwar l-attivitajiet” tfisser l-informazzjoni assoċjata mal-proċessi waqt il-ħolqien ta’ mudelli tal-Inventarji taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCI), fejn kull wieħed mir-riżultati aggregati tal-LCI tal-katini tal-proċessi li jirrappreżentaw l-attivitajiet ta’ proċess jiġi mmultiplikat bid-data dwar l-attivitajiet korrispondenti u mbagħad ikkombinat sabiex tinkiseb l-impronta tal-karbonju assoċjata ma’ dak il-proċess;
(b)
“lista ta’ materjali” tfisser lista tal-materja prima, is-subassemblaġġi, l-assemblaġġi intermedji, is-subkomponenti u l-partijiet, u l-kwantitajiet ta’ kull wieħed meħtieġa għall-manifattura tal-batterija;
(c)
“data speċifika għall-kumpanija” tfisser data li hija mkejla jew miġbura direttament minn faċilità waħda jew aktar (data speċifika għas-sit) li hija rappreżentattiva tal-attivitajiet tal-kumpanija, tali data hija magħrufa wkoll bħala “data primarja”;
(d)
“unità funzjonali” tfisser l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-funzjonijiet, is-servizzi, jew it-tnejn, ipprovduti mill-batterija;
(e)
“ċiklu tal-ħajja” tfisser l-istadji konsekuttivi u interkonnessi ta’ sistema ta’ prodotti, mill-akkwist tal-materja prima jew il-ġenerazzjoni minn riżorsi naturali sar-rimi finali (ISO 14040:2006 jew standard ekwivalenti);
(f)
“inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja (LCI)” tfisser is-sett ikkombinat ta’ skambji ta’ flussi elementari, tal-iskart u ta’ prodotti f’sett ta’ data tal-LCI;
(g)
“sett ta’ data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja (LCI)” tfisser dokument jew fajl b’informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott speċifikat jew referenza oħra, bħas-sit jew il-proċess, li jkopri metadata deskrittiva u inventarju kwantitattiv taċ-ċiklu tal-ħajja, li jista’ jinkludi sett ta’ data ta’ proċess tal-unità, sett ta’ data parzjalment aggregat jew aggregat;
(h)
“fluss ta’ referenza” tfisser il-kejl tal-outputs minn proċessi f’sistema partikolari tal-prodotti li jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata l-funzjoni espressa mill-unità funzjonali (abbażi tal-ISO 14040:2006 jew standard ekwivalenti);
(i)
“data sekondarja” tfisser data li ma hijiex miġbura jew mitkejla direttament minn proċess speċifiku fil-katina tal-provvista tal-kumpanija jew stmata minn dik il-kumpanija jew stmata direttament minn dik il-kumpanija, iżda li tinkiseb minn bażi tad-data tal-LCI ta’ parti terza jew minn sorsi oħra; tali data tinkludi data medja tal-industrija, pereżempju minn data ppubblikata dwar il-produzzjoni, statistika tal-gvern, u assoċjazzjonijiet tal-industrija, kif ukoll studji tal-letteratura, studji tal-inġinerija u privattivi, u li tista’ tkun ibbażata wkoll fuq data finanzjarja, u tinkludi data proxy u data ġenerika oħra; u tinkludi wkoll data primarja li tgħaddi minn pass orizzontali ta’ aggregazzjoni;
(j)
“limitu tas-sistema” tfisser l-aspetti inklużi jew esklużi mill-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja. Barra minn hekk, ir-regoli armonizzati għall-kalkolu tal-impronta tal-karbonju tal-batteriji għandhom jinkludu kwalunkwe definizzjoni ulterjuri meħtieġa għall-interpretazzjoni tagħhom. 3. Unità funzjonali u fluss ta’ referenza L-unità funzjonali hija ddefinita bħala kWh (kilowatt-siegħa) waħda tal-enerġija totali pprovduta mis-sistema tal-batterija matul il-ħajja operattiva tal-batterija, imkejla f’kWh. L-enerġija totali tinkiseb min-numru ta’ ċikli mmultiplikat bl-ammont ta’ enerġija fornuta matul kull ċiklu. Il-fluss ta’ referenza huwa l-piż ta’ batterija meħtieġ biex tiġi ssodisfata funzjoni speċifika u għandu jitkejjel f’kg ta’ batterija għal kull kWh tal-enerġija totali mwassla mill-batterija matul il-ħajja operattiva tagħha. Id-data kwantitattiva kollha dwar l-input u l-output miġbura mill-manifattur biex tiġi kwantifikata l-impronta tal-karbonju għandha tiġi kkalkulata b’rabta mal-fluss ta’ referenza. B’eċċezzjoni għall-ewwel paragrafu, għal batteriji ta’ riżerva li għandhom bħala l-funzjoni primarja tagħhom li jiżguraw il-kontinwità ta’ sors ta’ enerġija, l-unità funzjonali hija definita bħala l-kapaċità li jiġi pprovdut kWmin (kilowatt-minuti) wieħed ta’ kapaċità ta’ potenza ta’ riżerva fi kwalunkwe mument matul il-ħajja tal-batterija. Għaldaqstant, il-fluss ta’ referenza għall-batteriji ta’ riżerva huwa l-piż ta’ batterija meħtieġ biex tiġi ssodisfata l-funzjoni definita u għandu jitkejjel f’kg ta’ batterija għal kull kWmin ta’ kapaċità ta’ potenza ta’ riżerva diviża bil-ħajja operattiva tal-batterija fi snin. Id-data kwantitattiva kollha dwar l-input u l-output miġbura minn manifatturi ta’ batteriji ta’ riżerva biex tiġi kwantifikata l-impronta tal-karbonju għandha tiġi kkalkulata b’rabta ma’ dak il-fluss ta’ referenza. F’każijiet eċċezzjonali, bħal fil-każ ta’ batteriji għal vetturi ibridi mhux plug-in, il-metodoloġija tista’ tiddefinixxi unità funzjonali differenti. 4. Limitu tas-sistema L-istadji li ġejjin taċ-ċiklu tal-ħajja u l-proċessi involuti fihom għandhom jiġu inklużi fil-limitu tas-sistema:
Il-proċessi li ġejjin involuti fl-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom jiġu esklużi mil-limitu tas-sistema:
—
il-manifattura tat-tagħmir għall-assemblaġġ u r-riċiklaġġ tal-batteriji, billi l-impatti tal-impronta tal-karbonju ġew ikkalkulati bħala negliġibbli fil-PEFCRs għall-batteriji rikarikabbli ta’ enerġija speċifika għolja għall-applikazzjonijiet mobbli;
—
il-proċess tal-assemblaġġ tal-batterija bl-użu tal-komponenti tas-sistema tal-fabbrikant tat-tagħmir oriġinali (OEM); dan il-proċess jikkorrispondi fil-parti l-kbira għall-assemblaġġ mekkaniku u huwa inkluż ġewwa t-tagħmir OEM jew il-linja tal-assemblaġġ tal-vettura; il-konsum tal-enerġija u tal-materjal għal dan il-proċess speċifiku huwa negliġibbli meta mqabbel mal-proċess tal-manifattura tal-komponenti OEM.
Il-fażi tal-użu għandha tiġi eskluża mill-kalkoli tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja, minħabba li ma hijiex taħt l-influwenza diretta tal-manifatturi, ħlief fejn jintwera li l-għażliet li jsiru mill-manifatturi tal-batteriji fl-istadju tad-disinn jistgħu jagħtu kontribut mhux negliġibbli għal dak l-impatt. 5. L-użu ta’ settijiet ta’ data speċifiċi u sekondarji għall-kumpaniji Minħabba l-għadd kbir ta’ komponenti tal-batterija u l-kumplessità ta’ proċessi tal-manifattura, l-operatur ekonomiku għandu jillimita, fejn ġustifikat, l-użu ta’ data speċifika għall-kumpanija għall-ipproċessar u l-analiżi tal-komponenti tal-partijiet speċifiċi għall-batterija. B’mod partikolari, id-data kollha dwar l-attivitajiet relatata mal-anodu, il-katodu, l-elettrolit, is-separatur u l-kejsing taċ-ċelluli tal-batterija għandha tirreferi għal mudell speċifiku ta’ batterija prodott f’impjant speċifiku tal-produzzjoni. Għaldaqstant, ma għandha tintuża l-ebda data awtomatika dwar l-attività. Id-data tal-attività speċifika għall-batterija għandha tintuża flimkien mas-settijiet ta’ data sekondarji rilevanti konformi mal-PEF. Billi d-dikjarazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju hija speċifika għal mudell ta’ batterija prodott f’sit ta’ produzzjoni definit, it-teħid ta’ kampjuni tad-data miġbura minn impjanti differenti li jipproduċu l-istess mudell ta’ batterija ma għandux ikun permess. Fejn hemm bidla fil-lista ta’ materjali jew fit-taħlita tal-enerġija użati biex tiġi prodotta mudell ta’ batterija, l-impronta tal-karbonju għal dak il-mudell tal-batterija għandha tiġi kkalkulata mill-ġdid. Ir-regoli armonizzati li għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ att delegat kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) għandhom jinkludu mmudellar dettaljat tal-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li ġejjin:
—
l-akkwist u l-ipproċessar minn qabel tal-materja prima,
—
il-produzzjoni,
—
id-distribuzzjoni,
—
il-produzzjoni proprja tal-elettriku,
—
tmiem il-ħajja.
6. Valutazzjoni tal-impatt tal-impronta tal-karbonju L-impronta tal-karbonju tal-batterija għandha tiġi kkalkulata billi jintuża l-metodu tal-valutazzjoni tal-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja tat-“tibdil fil-klima” rrakkomandat fir-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-2019 intitolat “Suġġerimenti għall-aġġornament tal-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF)”. Ir-riżultati għandhom jingħataw bħala riżultati kkaratterizzati mingħajr normalizzazzjoni u ponderazzjoni. Il-lista tal-fatturi ta’ karatterizzazzjoni li għandhom jintużaw tinsab fuq il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA). 7. Kumpens Il-kumpens jiġi kkalkulat skont xenarju ta’ referenza li jirrappreżenta xenarju ipotetiku ta’ x’emissjonijiet kien ikun hemm fin-nuqqas tal-proġett ta’ mitigazzjoni li jiġġenera l-kumpens. Il-kumpens ma għandux jiġi inkluż fid-dikjarazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju, iżda jista’ jiġi rrappurtat b’mod separat bħala tagħrif ambjentali addizzjonali u jintuża għal skopijiet ta’ komunikazzjoni. 8. Klassijiet ta’ prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju Skont id-distribuzzjoni tal-valuri fid-dikjarazzjonijiet tal-impronta tal-karbonju ta’batteriji mqiegħda fis-suq, għandhom jiġu identifikati għadd sinifikanti ta’ klassijiet tal-prestazzjoni, bil-kategorija A li hija l-aħjar klassi bl-inqas impatt tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja, sabiex ikun hemm lok għal differenzjazzjoni fis-suq tal-kategoriji ta’ batteriji msemmija fl-Artikolu 7(1). L-istabbiliment tal-limitu għal kull klassi tal-prestazzjoni, kif ukoll il-wisa’ ta’ dik il-klassi, għandhom ikunu bbażati fuq id-distribuzzjoni tal-prestazzjonijiet tal-kategoriji ta’ batteriji msemmija fl-Artikolu 7(1) imqiegħda fis-suq fit-tliet snin preċedenti, it-titjib teknoloġiku mistenni, u fatturi tekniċi oħra. 9. Limiti massimi tal-karbonju Abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tad-dikjarazzjonijiet dwar l-impronta tal-karbonju u d-distribuzzjoni relattiva tal-klassijiet tal-prestazzjoni tal-impronta tal-karbonju tal-mudelli tal-batteriji mqiegħda fis-suq, u filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku f’dan il-qasam, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-limiti massimi tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja għall-kategoriji ta’ batteriji msemmija fl-Artikolu 7(1), wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt dedikata li tiddetermina il-valuri għal-limiti massimi. Meta tistabbilixxi l-limiti massimi tal-impronta tal-karbonju taċ-ċiklu tal-ħajja msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis id-distribuzzjoni relattiva tal-valuri tal-impronta tal-karbonju għal batteriji fis-suq, l-ammont ta’ progress fit-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tal-batteriji mqiegħda fis-suq u l-kontribut attwali u potenzjali ta’ dawk il-limiti massimi tal-impronta tal-karbonarju taċ-ċiklu tal-ħajja għall-objettivi tal-Unjoni dwar il-mobbiltà sostenibbli u n-newtralità klimatika sal-2050. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|