|
+ANNESS V Impronta ambjentali |
ANNESS V Impronta ambjentali
ANNESS V Impronta ambjentali PARTI I DEFINIZZJONIJIET Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“data dwar l-attivitajiet” tfisser l-informazzjoni assoċjata mal-proċessi waqt l-immudellar tal-Inventarji taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCI), li bihom ir-riżultati aggregati tal-LCI tal-ktajjen tal-proċess li jirrappreżentaw l-attivitajiet ta’ proċess jiġu multiplikati bid-data tal-attivitajiet korrispondenti u mbagħad jiġu kkombinati biex toħroġ l-impronta ambjentali assoċjata ma’ dak il-proċess;
(b)
“lista tal-materjali” tfisser lista tal-materja prima, is-subassemblaġġi, l-assemblaġġi intermedji, is-subkomponenti, il-partijiet u l-kwantitajiet ta’ kull wieħed meħtieġa għall-manifattura tal-prodott fl-ambitu tal-istudju;
(c)
“data speċifika għall-kumpanija” jew “data primarja” tfisser għad-data mkejla jew miġbura direttament minn faċilità waħda jew aktar (data speċifika għas-sit) li tkun rappreżentattiva għall-attivitajiet tal-kumpanija.;
(d)
“metodu tal-valutazzjoni tal-impatt” tfisser il-protokoll għal tisrif kwantitattiv tad-data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja f’kontribut għall-impatt fuq l-ambjent ta’ tħassib;
(e)
“kategorija tal-impatt” tfisser klassi ta’ użu tar-riżorsi jew l-impatt fuq l-ambjent li d-data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja tkun relatata magħhom;
(f)
“ċiklu tal-ħajja” tfisser l-istadji konsekuttivi u interkonnessi ta’ sistema tal-prodotti, mill-kisba jew il-ħolqien tal-materja prima minn riżorsi naturali sar-rimi finali (ISO 14040:2006);
(g)
“inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja” jew “LCI” tfisser is-sett ikkombinat ta’ skambji ta’ flussi elementari, ta’ skart u ta’ prodotti f’sett tad-data tal-LCI;
(h)
“sett tad-data tal-inventarju taċ-ċiklu tal-ħajja” jew “Sett tad-data tal-LCI” tfisser dokument jew fajl b’informazzjoni dwar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott speċifikat jew referenza oħra, bħas-sit jew ilproċess, li jkopri metadata deskrittiva u inventarju kwantitattiv taċ-ċiklu tal-ħajja u jista’ jkun sett tad-data ta’ proċess tal-unità, sett tad-data parzjalment aggregat jew aggregat;
(i)
“data sekondarja” tfisser data li ma tkunx minn proċess speċifiku fil-katina tal-provvista tal-kumpanija li twettaq studju dwar l-impronta tal-karbonju, jiġifieri data li ma tinġabarx, ma titkejjilx jew ma tiġix stmata direttament mill-kumpanija, iżda li tinkiseb minn bażi tad-data tal-LCI ta’ parti terza jew minn sorsi oħra, inklużi data medja tal-industrija – bħal mid-data ppubblikata dwar il-produzzjoni, l-istatistika tal-gvern, u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija –l-istudji tal-letteratura, l-istudji tal-inġinerija u l-privattivi, u tista’ tkun ibbażata wkoll fuq data finanzjarja, u tinkludi data indikatur, u data ġenerika oħra u tinkludi data primarja li tgħaddi minn stadju ta’ aggregazzjoni orizzontali;
(j)
“limitu tas-sistema” tfisser l-aspetti inklużi jew esklużi mill-istudju dwar iċ-ċiklu tal-ħajja. Ir-regoli għall-kalkolu għall-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika għandhom jinkludu kull definizzjoni oħra meħtieġa għall-interpretazzjoni tagħhom. PARTI II AMBITU Dan l-Anness jipprovdi l-elementi essenzjali dwar kif tiġi kkalkolata l-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika. Ir-regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika għandhom jibnu fuq l-elementi essenzjali inklużi f’dan l-Anness, filwaqt li jitqiesu metodi tal-valutazzjoni xjentifikament tajba u standards internazzjonali rilevanti fil-qasam tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika għandu jkun ibbażat fuq il-lista tal-materjali, tal-enerġija, tal-metodi tal-produzzjoni, u tal-materjali awżiljarji użati fil-faċilitajiet involuti fil-produzzjoni tal-materja prima kritika. Meta tistabbilixxi regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika, il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura konsistenza mar-regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ prodotti intermedji u finali li jużaw il-materja prima kritika rilevanti. PARTI III UNITÀ DIKJARATA L-unità dikjarata għandha tkun 1 kg tat-tip rilevanti ta’ materja prima kritika. Ir-regoli għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika jistgħu jispeċifikaw unità ddikjarata ogħla jew aktar baxxa, espressa f’kg, fejn meħtieġ biex jitqiesu n-natura jew l-użu tal-materja prima kritika rilevanti. Id-data kwantitattiva kollha dwar l-input u l-output miġbura mill-manifattur biex jikkwantifika l-impronta tal-karbonju għandha tiġi kkalkulata fir-rigward ta’ din l-unità dikjarata. PARTI IV LIMITU TAS-SISTEMA 1. L-estrazzjoni, il-konċentrazzjoni u r-raffinar huma t-tliet stadji taċ-ċiklu tal-ħajja li għandhom jiġu inklużi fil-limitu tas-sistema tal-materja prima kritika primarja bil-proċessi li ġejjin, meta rilevanti għall-materja prima speċifika:
(a)
il-proċessi upstream, inkluż l-estrazzjoni tal-minerali għall-produzzjoni tal-materja prima, il-produzzjoni u l-provvista, inkluż il-ġarr, tas-sustanzi kimiċi, il-proċessi awżiljarji, il-produzzjoni u l-provvista, inkluż il-ġarr, tal-fjuwils, il-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku, u l-ġarr tal-materjali fil-vetturi li mhumiex proprjetà tal-organizzazzjoni jew operati minnha;
(b)
il-ġarr tal-minerali, tal-konċentrati u tal-materja prima f’vetturi li huma proprjetà tal-organizzazzjoni jew operati minnha;
(c)
il-ħżin tal-minerali, tal-konċentrati u tal-materja prima;
(d)
it-tkissir u t-tindif tal-minerali;
(e)
il-produzzjoni tal-konċentrat tal-materja prima;
(f)
l-estrazzjoni tal-metall, b’mezzi kimiċi, fiżiċi jew bijoloġiċi;
(g)
it-trattament minn qabel tal-materjal sekondarju;
(h)
il-konverżjoni tal-metall;
(i)
it-tindif tal-gagazza;
(j)
ir-raffinar tal-metall;
(k)
l-elettroliżi tal-metall;
(l)
l-ikkastjar jew l-imballaġġ tal-metall;
(m)
il-materjal użat u t-trattament tal-gagazza;
(n)
il-proċessi awżiljarji relatati kollha, bħal għat-trattament tal-ilma mormi fuq il-post, inkluż għat-trattament tal-ilma tal-ipproċessar, it-tkessiħ dirett u l-ilma tax-xeba’; is-sistemi tat-tnaqqis tal-gass, inkluż tal-gassijiet primarji u sekondarji; il-bojlers, inkluż għat-trattament minn qabel tal-ilma tal-alimentazzjoni; il-loġistika interna. 2. Fil-limitu tas-sistema tal-materja prima kritika sekondarja, li tiddefinixxi l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċiklaġġ, għandhom jiġu inklużi l-proċessi li ġejjin, meta rilevanti għall-materja prima riċiklata speċifika:
(a)
il-proċessi upstream, inkluż il-ħolqien ta’ materja prima tal-alimentazzjoni (materjali tar-ruttam u konċentrati verġni), il-produzzjoni u l-provvista (il-ġarr) tas-sustanzi kimiċi, il-proċessi awżiljarji, il-produzzjoni u l-provvista (il-ġarr) tal-fjuwils, il-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku, u l-ġarr tal-materjali f’vetturi li mhumiex proprjetà tal-organizzazzjoni;
(b)
il-ġarr tal-konċentrati u tar-ruttam f’vetturi li huma proprjetà tal-organizzazzjoni jew operati minnha;
(c)
il-ħżin tar-ruttam, tal-konċentrati u tal-materja prima;
(d)
it-trattament minn qabel tal-materja prima sekondarja;
(e)
it-trattament minn qabel tal-materjal sekondarju;
(f)
il-konverżjoni tal-metall;
(g)
ir-raffinar tal-metall;
(h)
l-elettroliżi tal-metall;
(i)
l-ikkastjar jew l-imballaġġ tal-metall;
(j)
it-trattament tal-materjal użat;
(k)
il-proċessi awżiljarji relatati kollha, bħal għat-trattament tal-ilma mormi fuq il-post, inkluż għat-trattament tal-ilmijiet tal-ipproċessar, it-tkessiħ dirett u l-ilma tax-xeba’; is-sistemi tat-tnaqqis tal-gass, inkluż tal-gassijiet primarji u sekondarji; il-bojlers, inkluż għat-trattament minn qabel tal-ilma tal-alimentazzjoni; il-loġistika interna. 3. Il-fażi tal-użu jew il-fażi ta’ tmiem il-ħajja għandhom jiġu esklużi mill-kalkoli tal-impronta ambjentali għax ma għandhomx l-influwenza diretta tal-operatur ekonomiku responsabbli. Proċessi oħra jistgħu jiġu esklużi meta l-kontribut tagħhom għall-impronta ambjentali ta’ materja prima kritika speċifika jkun insinifikanti. PARTI V KATEGORIJI TAL-IMPATT Ir-regoli għall-kalkolu għandhom jispeċifikaw il-kategoriji tal-impatt li jeħtieġ jiġu inklużi fil-kalkolu tal-impronta ambjentali. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi hotspot imwettqa skont metodoloġiji xjentifikament tajba żviluppati fil-livell internazzjonali u filwaqt li jitqiesu:
(a)
l-importanza relattiva ta’ impatti differenti, inkluż l-importanza relattiva tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni;
(b)
il-ħtiġijiet tal-impriżi downstream li jixtiequ jikkomunikaw dwar l-impronta ambjentali tal-materja prima kritika li jużaw. PARTI VI UŻU TA’ SETTIJIET TAD-DATA SPEĊIFIĊI U SEKONDARJI GĦALL-KUMPANIJI Ir-regoli għall-kalkolu għandhom jispeċifikaw l-użu ta’ settijiet tad-data speċifiċi jew sekondarji tal-kumpaniji għall-proċessi u għall-materjali rilevanti kollha. Jekk ir-regoli għall-kalkolu jippermettu l-għażla bejn sett ta’ data speċifiku għall-kumpanija u sett ta’ data sekondarju, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tinċentiva l-użu tas-sett ta’ data speċifiku għall-kumpanija. L-użu ta’ data speċifika għall-kumpanija għandu jkun meħtieġ mill-inqas għall-proċessi bl-influwenza diretta tal-operatur responsabbli u għandu jkollu l-akbar kontribut għall-kategoriji tal-impatt rilevanti. Id-data tal-attività speċifika għall-kumpanija għandha tintuża flimkien mas-settijiet tad-data sekondarji rilevanti konformi mal-impronta ambjentali. Ir-regoli għall-kalkolu għandhom jispeċifikaw jekk hux permess kampjunar, skont il-kriterji stabbiliti f’metodoloġiji xjentifikament tajba żviluppati fil-livell internazzjonali. Bidla fil-lista tal-materjali jew fit-taħlita tal-enerġija użata għall-produzzjoni ta’ tip ta’ materja prima kritika teħtieġ kalkolu ġdid tal-impronta ambjentali. Meta tistabbilixxi r-regoli tal-kalkolu, inkluż għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mill-elettriku użat għall-produzzjoni ta’ materja prima kritika, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza u konformità ma’ liġi tal-Unjoni rilevanti oħra, sakemm ma tkunx iġġustifikata li ma tagħmilx hekk. Ir-regoli għall-kalkolu li jridu jiġu elaborati b’att delegat għandhom jinkludu mmudellar dettaljat tal-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li ġejjin:
(a)
l-istadju tal-estrazzjoni, il-konċentrazzjoni u r-raffinar ta’ materja prima primarja;
(b)
l-istadju tal-kisba u l-ipproċessar ta’ materja prima sekondarja. PARTI VII METODI TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT L-impronta ambjentali għandha tiġi kkalkolata b’metodi tal-valutazzjoni tal-impatt xjentifikament tajba li jqisu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali tal-kategoriji tal-impatt rilevanti relatati mat-tibdil fil-klima, l-ilma, l-arja, il-ħamrija, ir-riżorsi, l-użu tal-art u t-tossiċità. Ir-riżultati għandhom jingħataw bħala riżultati karatterizzati, bla normalizzazzjoni u ponderazzjoni. PARTI VIII KLASSIJIET TAL-PRESTAZZJONI TAL-IMPRONTA TAL-KARBONJU Skont id-distribuzzjoni tal-valuri tad-dikjarazzjonijiet tal-impronta ambjentali mqiegħda fis-suq intern, se jiġi identifikat għadd sinifikanti ta’ klassijiet tal-prestazzjoni, bil-kategorija A bħala l-aħjar klassi bl-inqas impatt taċ-ċiklu tal-ħajja, biex tkun tista’ ssir divrenzjazzjoni fis-suq. L-identifikazzjoni tal-limitu għal kull klassi tal-prestazzjoni, kif ukoll il-wisa’ tagħhom, għandhom ikunu bbażati fuq id-distribuzzjoni tal-prestazzjonijiet tal-materja prima kritika rilevanti mqiegħda fis-suq fit-tliet snin preċedenti, it-titjib teknoloġiku mistenni, u fatturi tekniċi oħra li jridu jiġu identifikati. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-għadd ta’ klassijiet tal-prestazzjoni u l-limiti bejniethom kull tliet snin biex iżżommhom rappreżentattivi tar-realtà tas-suq u l-iżvilupp mistenni tiegħu. PARTI IX VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ Ir-regoli għall-kalkolu u l-verifika għandhom jispeċifikaw il-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità minn fost il-moduli stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, bl-adattamenti meħtieġa fid-dawl tal-materjal ikkonċernat. Meta tispeċifika l-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kriterji li ġejjin:
(a)
jekk il-modulu kkonċernat hux xieraq għat-tip ta’ materjal u proporzjonat għall-interess pubbliku segwit;
(b)
in-natura tar-riskji preżentati mill-prodott u sa fejn il-valutazzjoni tal-konformità tikkorrispondi għat-tip u l-grad tar-riskju;
(c)
meta l-involviment tal-partijiet terzi jkun obbligatorju, il-ħtieġa tal-manifattur li jkollu għażla bejn il-moduli tal-assigurazzjoni tal-kwalità u taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|