16. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37(2), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament u għall-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-Istati Membri għandu jkollhom il-kompetenza sħiħa għall-iżvilupp, l-approvazzjoni u l-istabbiliment tar-rotot u l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru għall-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iqisu d-domandi tat-traffiku tal-ajru, l-istaġunalità u l-kumplessità tat-traffiku tal-ajru u tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni. Qabel ma jiddeċiedu dwar dawk l-aspetti, għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtiġijiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru kkonċernati jew gruppi li jirrappreżentaw tali utenti tal-ispazju tal-ajru u tal-awtoritajiet militari kif adatt.