+Artikolu 3 Definizzjonijiet
---+Artikolu 3 1
---+Artikolu 3 2

Artikolu 3 Definizzjonijiet

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 3 1

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“imballaġġ” tfisser oġġett, irrispettivament mill-materjal li minnu hu magħmul, li hu maħsub li jintuża minn operatur ekonomiku għaż-żamma, għall-protezzjoni, għall-immaniġġar, għall-konsenja jew għall-preżentazzjoni tal-prodotti lil operatur ekonomiku ieħor jew lil utent finali u li jista' jiġi differenzjat mill-format tal-imballaġġ abbażi tal-funzjoni, tal-materjal u tad-disinn tiegħu, inkluż:

(a)

oġġett li huwa meħtieġ biex iżomm, jappoġġa jew jippreżerva il-prodott matul il-ħajja tiegħu mingħajr ma jkun parti integrali mill-prodott, u li huwa maħsub biex jintuża, jiġi kkunsmat jew jintrema flimkien mal-prodott;

(b)

komponent ta' oġġett imsemmi fil-punt (a) li huwa integrat fl-oġġett, u element anċillari għalih;

(c)

element anċillari għal oġġett imsemmi fil-punt (a) li huwa mdendel direttament mal-prodott jew imwaħħal miegħu, u li jwettaq funzjoni tal-imballaġġ, mingħajr ma jkun parti integrali mill-prodott u li huwa maħsub biex jintuża, jiġi kkunsmat jew jintrema flimkien mal-prodott;

(d)

oġġett li huwa ddisinjat u maħsub li jimtela fil-punt tal-bejgħ biex il-prodott jiġi distribwit, li jissejjaħ ukoll “imballaġġ ta' servizz”;

(e)

oġġett li jintrema wara l-użu, li jinbiegħ u jimtela jew huwa ddisinjat u maħsub biex jimtela fil-punt tal-bejgħ u li jwettaq funzjoni ta' imballaġġ;

(f)

borża permeabbli tat-te, tal-kafè jew ta' xorb ieħor, jew sistema li tirtab wara l-użu u unita’ ta' porzjon wieħed tat-te, tal-kafè jew xorb ieħor, u li hija maħsuba li tintuża u tintrema flimkien mal-prodott;

(g)

unità ta' porzjon wieħed mhux permeabbli għas-sistemi tat-te, tal-kafè jew ta' xorb ieħor maħsuba għall-użu f'magna u li tintuża u tintrema flimkien mal-prodott;

(2)

“skart” tfisser skart kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/98/KE; imballaġġ riutilizzabbli li jintbagħat biex jiġi rikondizzjonat mhux meqjus bħala skart;

(3)

“imballaġġ tat-takeaway” tfisser imballaġġ ta' servizz mimli f'punti tal-bejgħ bil-bejjiegħ preżenti b'xorb jew ikel ippreparat minn qabel li jitqiegħed f'imballaġġ għat-trasport u għall-konsum immedjat f'post ieħor mingħajr il-ħtieġa ta' kwalunkwe tħejjija ulterjuri u tipikament ikkonsmat mill-imballaġġ;

(4)

“imballaġġ tal-produzzjoni primarja” tfisser oġġett ddisinjat u maħsub biex jintuża bħala imballaġġ għal prodotti mhux ipproċessati mill-produzzjoni primarja kif definit fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (54);

(5)

“imballaġġ għall-bejgħ” tfisser l-imballaġġ maħsub sabiex jikkostitwixxi unità tal-bejgħ li tikkonsisti minn prodotti u minn imballaġġ lill-utent finali fil-punt tal-bejgħ;

(6)

“imballaġġ kollettiv” tfisser l-imballaġġ maħsub sabiex jikkostitwixxi raggruppament ta' ċertu għadd ta' unitajiet ta' bejgħ fil-punt tal-bejgħ, irrispettivament minn jekk dak ir-raggruppament ta' unitajiet ta' bejgħ jinbiegħx kif inhu lill-utent finali jew jekk iservix bħala mezz biex jiffaċilita l-istokkjar mill-ġdid tal-ixkafef fil-punt tal-bejgħ jew biex joħloq unità għaż-żamma tal-istokk jew għad-distribuzzjoni, u li jista' jitneħħa mill-prodott mingħajr ma jiġu affettwati l-karatteristiċi tiegħu;

(7)

“imballaġġ għat-trasport” tfisser l-imballaġġ maħsub sabiex jiġu ffaċilitati l-immaniġġar u t-trasport ta' unità ta' bejgħ waħda jew aktar jew raggruppament ta' unitajiet ta' bejgħ, sabiex tiġi pprevenuta l-ħsara lill-prodott mill-immaniġġar u t-trasport, iżda li jeskludi kontejners għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-bastimenti u bl-ajru;

(8)

“imballaġġ tal-kummerċ elettroniku” tfisser l-imballaġġ għat-trasport użat għall-konsenja tal-prodotti fil-kuntest tal-bejgħ online jew permezz ta' mezzi oħra ta' bejgħ mill-bogħod lill-utent finali;

(9)

“tqegħid għad-disposizzjoni fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista tal-imballaġġ, kemm vojt jew bi prodott, għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni matul l-attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll mingħajru;

(10)

“tqegħid fis-suq” tfisser li l-imballaġġ jitqiegħed għad-dispożizzjoni, għall-ewwel darba, kemm vojt jew bi prodott, fis-suq tal-Unjoni;

(11)

“tqegħid għad-dispożizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru” tfisser kwalunkwe provvista tal-imballaġġ, kemm vojt jew bi prodott, għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fit-territorju tal-Istat Membru matul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll mingħajru;

(12)

“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur, il-fornitur, l-importatur, id-distributur, ir-rappreżentant awtorizzat, id-distributur finali u l-fornitur ta' servizzi ta' eżekuzzjoni;

(13)

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura l-imballaġġ jew prodott fl-imballaġġ; madankollu:

(a)

soġġett għall-punt (b), meta persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-imballaġġ jew prodott fl-imballaġġ iddisinjat jew immanifatturat f'isimha jew bit-trademark tagħha stess, irrispettivament minn jekk kwalunkwe trademark oħra tkunx viżibbli fuq l-imballaġġ jew fuq il-prodott fl-imballaġġ, “manifattur” tfisser dik il-persuna fiżika jew ġuridika;

(b)

meta l-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-imballaġġ jew prodott fl-imballaġġ iddisinjat jew immanifatturat f'isimha jew bit-trademark tagħha stess tkun koperta mid-definizzjoni ta' mikrointrapriża stipulata fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE kif applikabbli fil-11 ta’ Frar 2025, u l-persuna fiżika jew ġuridika li tforni l-imballaġġ lill-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-imballaġġ iddisinjat jew immanifatturat f'isimha jew bit-trademark tagħha stess tkun tinsab fl-istess Stat Membru, “manifattur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tforni l-imballaġġ;

(14)

“kuntratt mill-bogħod” tfisser kuntratt mill-bogħod kif definit fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (55);

(15)

“produttur” tfisser kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur li lilu, irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ użata, inkluż permezz ta' kuntratti mill-bogħod, japplika wieħed minn dan li ġej:

(a)

il-manifattur, importatur jew distributur huwa stabbilit fi Stat Membru u jqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u fuq dak l-istess territorju imballaġġ għat-trasport, imballaġġ ta' servizz, jew imballaġġ tal-produzzjoni primarja, bħala imballaġġ li jintuża darba biss jew bħala imballaġġ riutilizzabbli; jew

(b)

manifattur, importatur jew distributur huwa stabbilit fi Stat Membru u jqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u fuq dak l-istess territorju prodotti ppakkjati f'imballaġġ differenti minn dawk imsemmija fil-punt (a); jew

(c)

manifattur, importatur jew distributur huwa stabbilit fi Stat Membru jew f'pajjiż terz u jqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, direttament lill-utenti finali, imballaġġ għat-trasport, imballaġġ ta' servizz, jew imballaġġ tal-produzzjoni primarja, kemm bħala imballaġġ li jintuża darba biss jew kif ukoll bħala imballaġġ riutilizzabbli jew prodotti li jiġu ppakkjati f'imballaġġ differenti; jew

(d)

manifattur, importatur jew distributur huwa stabbilit fi Stat Membru jew f’pajjiż terz u jqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, direttament lill-utenti finali, prodotti ppakkjati fl-imballaġġ minbarra dawk imsemmija fil-punt (c); jew

(e)

manifattur, importatur jew distributur huwa stabbilit fi Stat Membru u jneħħi l-imballaġġ tal-prodotti fl-imballaġġ mingħajr ma jkun utent finali, sakemm persuna oħra ma tkunx il-produttur kif definit fil-punt (a), (b), (c) jew (d);

(16)

“fornitur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tforni imballaġġ jew materjal tal-imballaġġ lil manifattur;

(17)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed imballaġġ minn pajjiż terz fis-suq;

(18)

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed imballaġġ fis-suq;

(19)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-manifattur biex taġixxi f'isem dak il-manifattur b'rabta mal-kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-manifattur skont dan ir-Regolament;

(20)

“rappreżentant awtorizzat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Istat Membru fejn il-produttur iqiegħed għad-dispożizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru imballaġġ jew prodotti fl-imballaġġ għall-ewwel darba, jew fejn jispakkja prodotti fl-imballaġġ mingħajr ma jkun l-utent finali, għajr l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit il-produttur, u li tinħatar mill-produttur f'konformità mal-Artikolu 8a(5), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2008/98/KE biex tissodisfa l-obbligi ta' dak il-produttur skont il-Kapitolu VIII ta' dan ir-Regolament;

(21)

“distributur finali” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista li twassal lill-utent finali l-prodotti fl-imballaġġ, inkluż permezz tal-użu mill-ġdid, jew prodotti li jkunu jistgħu jinxtraw permezz tal-mili mill-ġdid;

(22)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għall-finijiet li jkunu lil hinn mill-kummerċ, min-negozju, jew mill-professjoni tagħha;

(23)

“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li hija stabbilita fl-Unjoni li għaliha prodott ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni jew bħala konsumatur jew bħala utent finali professjonali matul l-attivitajiet industrijali jew professjonali tagħha, u li ma tqiegħedx dak il-prodott aktar għad-dispożizzjoni fis-suq fil-forma fornuta lilha;

(24)

“imballaġġ kompost” tfisser unità tal-imballaġġ magħmula minn żewġ materjali differenti jew aktar li jagħmlu parti mill-piż tal-materjal tal-imballaġġ ewlieni u li ma tistax tiġi sseparata manwalment u għalhekk tifforma unità integra waħda, sakemm wieħed mill-materjali ma jkunx jikkostitwixxi parti insinifikanti mill-unità tal-imballaġġ u fl-ebda każ ma jkun aktar minn 5 % tal-massa totali tal-unità tal-imballaġġ u jeskludi t-tikketti, il-verniċi, iż-żebgħa, il-linek, l-adeżivi u l-lacquers; dan huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/904;

(25)

“skart mill-imballaġġ” tfisser kwalunkwe imballaġġ jew materjal tal-imballaġġ li huwa skart, bl-eċċezzjoni ta' residwi tal-produzzjoni;

(26)

“prevenzjoni tal-iskart mill-imballaġġ” tfisser miżuri li jittieħdu qabel ma kwalunkwe imballaġġ jew materjal tal-imballaġġ ikun sar skart mill-imballaġġ u li jnaqqsu l-kwantità tal-iskart mill-imballaġġ, sabiex ikun meħtieġ inqas imballaġġ jew l-ebda imballaġġ biex jinżammu, jiġu protetti, immaniġġati, ikkonsenjati jew ippreżentati l-prodotti, inkluż miżuri fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-imballaġġ u miżuri biex jestendu l-ħajja tal-imballaġġ qabel ma jsir skart;

(27)

“użu mill-ġdid” tfisser kwalunkwe operazzjoni li biha l-imballaġġ riutilizzabbli, jintuża għal diversi drabi oħra għall-istess fini li kien maħsub għalih;

(28)

“imballaġġ li jintuża darba biss” tfisser l-imballaġġ li ma jkunx imballaġġ riutilizzabbli;

(29)

“rotazzjoni” tfisser iċ-ċiklu mwettaq mill-imballaġġ riutilizzabbli mill-mument tat-tqegħid fis-suq flimkien mal-prodott li huwa maħsub li jżomm, jipproteġi, jimmaniġġa, jikkonsenja jew jippreżenta sal-mument li jkun lest biex jintuża mill-ġdid fi ħdan sistema għall-użu mill-ġdid bil-ħsieb li jerġa' jiġi fornut lill-utenti finali flimkien ma' prodott ieħor;

(30)

“vjaġġ” tfisser it-trasferiment tal-imballaġġ, mill-mili jew mit-tagħbija sat-tbattil jew sal-ħatt, bħala parti minn rotazzjoni jew waħdu;

(31)

“sistema għall-użu mill-ġdid” tfisser l-arranġamenti organizzazzjonali, tekniċi jew finanzjarji, flimkien ma' inċentivi, li jippermettu l-użu mill-ġdid jew f'sistema b'ċirkwit magħluq jew f'sistema b'ċirkwit miftuħ, bħal sistema ta' rifużjoni tad-depożitu li tiżgura li l-imballaġġ jinġabar għall-użu mill-ġdid;

(32)

“rikondizzjonar” tfisser kwalunkwe operazzjoni elenkata fil-Parti B tal-Anness VI meħtieġa biex l-imballaġġ riutilizzabbli jerġa' jinġieb fi stat funzjonali għall-fini tal-użu mill-ġdid tiegħu;

(33)

“mili mill-ġdid” tfisser operazzjoni li biha kontenitur li jissodisfa l-funzjoni tal-imballaġġ, u li jew jkun proprjetà tal-utent finali jew jinxtara mill-utent finali fil-punt tal-bejgħ tad-distributur finali jimtela mill-utent finali jew mid-distributur finali bi prodott wieħed jew b'diversi prodotti mixtrija mill-utent finali mingħand id-distributur finali;

(34)

“stazzjon ta' mili mill-ġdid” tfisser post fejn distributur finali joffri lill-utenti finali prodotti li jistgħu jinxtraw permezz tal-mili mill-ġdid;

(35)

“settur tal-HORECA” tfisser l-Attivitajiet ta' Servizzi tal-Akkomodazzjoni u tal-Ikel skont in-NACE Rev. 2 – Klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi;

(36)

“żona tal-bejgħ” tfisser iż-żona ddedikata għall-wiri ta' oġġetti offruti għall-bejgħ, għall-ħlas ta' dawn l-oġġetti, u għaċ-ċirkolazzjoni u l-preżenza tal-klijenti, iżda ma tinkludix iż-żoni li mhumiex miftuħa għall-pubbliku, bħal żoni ta' ħżin, jew żoni oħra fejn il-prodotti ma jintwerewx, bħal parkeġġi; fil-kuntest tal-imballaġġ tal-kummerċ elettroniku, iż-żona tal-ħżin u tad-dispaċċ għandha titqies bħala żona tal-bejgħ;

(37)

“disinn għar-riċiklaġġ” tfisser id-disinn tal-imballaġġ, inkluż il-komponenti individwali tal-imballaġġ, li jiżgura r-riċiklabbiltà tal-imballaġġ bi proċessi stabbiliti tal-ġbir, tas-separazzjoni u tar-riċiklaġġ li diġà tħaddmu b'suċċess f'ambjent operazzjonali;

(38)

“riċiklabbiltà” tfisser il-kompatibbiltà tal-imballaġġ mal-immaniġġar u l-ipproċessar tal-iskart sa mid-disinn, abbażi ta' ġbir separat, separazzjoni fi flussi separati, riċiklaġġ fuq skala kbira u l-użu ta' materjali riċiklati biex jissostitwixxu l-materja prima primarja;

(39)

“skart mill-imballaġġ riċiklat fuq skala kbira” tfisser skart mill-imballaġġ li jinġabar separatament, li jiġi sseparat u riċiklat f'infrastruttura installata, bl-użu ta' proċessi stabbiliti li diġà tħaddmu b'suċċess f'ambjent operazzjonali li jiżguraw, fil-livell tal-Unjoni, kwantità annwali ta' materjal riċiklat taħt kull kategorija tal-imballaġġ elenkata fit-Tabella 2 tal-Anness II ugwali għal 30 % jew aktar għall-injam u 55 % għall-materjali l-oħra kollha; dan jinkludi skart mill-imballaġġ li huwa esportat mill-Unjoni għall-fini tal-immaniġġar tal-iskart li jista' jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 53(11);

(40)

“riċiklaġġ tal-materjal” tfisser kwalunkwe operazzjoni ta' rkupru li biha l-materjali tal-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid f'materjali jew sustanzi, kemm jekk għall-iskop oriġinali kif ukoll għal skopijiet oħra, bl-eċċezzjoni tat-trattament bijoloġiku tal-iskart, l-ipproċessar mill-ġdid ta' materjal organiku, l-irkupru tal-enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f'materjali li għandhom jintużaw bħala fjuwils jew għall-operazzjonijiet ta' radam mill-ġdid;

(41)

“riċiklaġġ ta' kwalità għolja” tfisser kwalunkwe proċess ta' riċiklaġġ li jipproduċi materjali riċiklati li huma ta' kwalità ekwivalenti għall-materjali oriġinali, abbażi ta' karatteristiċi tekniċi ppreservati, u li jintużaw bħala sostitut għall-materja prima primarja għall-imballaġġ jew applikazzjonijiet oħra fejn tinżamm il-kwalità tal-materjal riċiklat;

(42)

“kategorija tal-imballaġġ” tfisser il-kombinament ta' materjal u ta' disinn speċifiku tal-imballaġġ li jiddetermina r-riċiklabbiltà b'referenza għall-proċessi tal-ogħla livell stabbiliti tal-ġbir, tas-separazzjoni u tar-riċiklaġġ li diġà tħaddem b'suċċess f'ambjent operazzjonali u li huwa rilevanti għad-definizzjoni tal-kriterji tad-disinn għar-riċiklaġġ;

(43)

“komponent integrat” tfisser komponent tal-imballaġġ, irrispettivament minn jekk ikunx tal-istess materjal minn dak tal-qafas ewlieni tal-unità tal-imballaġġ, jew jekk ikunx ta' materjal distint minnu, li huwa integrali għall-unità tal-imballaġġ u għall-funzjonament tagħha, li ma għandux għalfejn jiġi sseparat mill-qafas ewlieni tal-unità tal-imballaġġ sabiex tiġi żgurata l-funzjonalità tal-unità tal-imballaġġ u li tipikament jintrema fl-istess ħin mal-qafas ewlieni tal-unità tal-imballaġġ, għalkemm mhux neċessarjament permezz tal-istess rotta tar-rimi;

(44)

“komponent separat” tfisser komponent tal-imballaġġ, irrispettivament minn jekk ikunx tal-istess materjal jew materjal differenti mill-qafas ewlieni tal-unità tal-imballaġġ, li huwa distint mill-qafas ewlieni tal-unità tal-imballaġġ, li jeħtieġ li jiġi żarmat kompletament u b'mod permanenti mill-qafas ewlieni tal-unità tal-imballaġġ u li tipikament jintrema qabel u separatament mill-qafas ewlieni tal-unità tal-imballaġġ, inkluż komponenti tal-imballaġġ li jistgħu jiġu sseparati minn xulxin sempliċiment permezz ta' stress mekkaniku matul it-trasport jew is-separazzjoni;

(45)

“unità tal-imballaġġ” tfisser unità, li tinkludi kwalunkwe komponent integrat jew separat, li bħala unità sħiħa sservi funzjoni tal-imballaġġ, bħaż-żamma, il-protezzjoni, l-immaniġġar, il-konsenja, il-ħżin, it-trasport jew il-preżentazzjoni tal-prodotti, u tinkludi unitajiet indipendenti tal-imballaġġ kollettiv jew għat-trasport fejn jintremew qabel il-punt tal-bejgħ;

(46)

“imballaġġ innovattiv” tfisser forma ta' imballaġġ li jiġi mmanifatturat bl-użu ta' materjali ġodda, li jirriżulta f'titjib sinifikanti fil-funzjonijiet tal-imballaġġ, bħaż-żamma, il-protezzjoni, l-immaniġġar, jew il-konsenja tal-prodotti, u f'benefiċċji ambjentali ġenerali li jistgħu jintwerew, bl-eċċezzjoni ta' imballaġġ li jkun ir-riżultat ta' modifiki għall-imballaġġ eżistenti għall-fini ewlenija li tittejjeb il-preżentazzjoni tal-prodotti u tal-kummerċjalizzazzjoni;

(47)

“materja prima sekondarja” tfisser materjali li jkunu għaddew mill-kontrolli u s-separazzjoni kollha meħtieġa u li jkunu nkisbu permezz tal-proċessi tar-riċiklaġġ u li jistgħu jissostitwixxu materja prima primarja;

(48)

“skart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur” tfisser skart li huwa plastik u li jkun ġie ġġenerat minn prodotti tal-plastik imqiegħda fis-suq jew ġew fornuti għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu f'pajjiż terz matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;

(49)

“imballaġġ sensittiv għall-kuntatt” tfisser imballaġġ li huwa maħsub li jintuża għall-prodotti fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (56), (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (57), (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (58), (UE) 2017/745, (UE) 2017/746, (UE) 2019/4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (59) jew (UE) 2019/6 jew tad-Direttivi 2001/83/KE, 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (60) jew2008/68/KE, jew għall-prodotti kif definiti fl-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1809 (61);

(50)

“imballaġġ kompostabbli” tfisser imballaġġ li huwa bijodegradabbli f'kundizzjonijiet ikkontrollati industrijalment,, jew li kapaċi jiddekomponi bijoloġikament f'kundizzjonijiet bħal dawn, inkluż permezz ta’ diġestjoni anaerobika, iżda mhux neċessarjament f’ambjent tal-ikkompostjar fid-dar, ikkombinati, jekk meħtieġ, bi trattament fiżiku, li fl-aħħar jirriżulta fil-konverżjoni tal-imballaġġ għal diossidu tal-karbonju jew, fl-assenza ta' ossiġenu, għal metan, u minerali, bijomassa u ilma, u li ma jfixkilx jew ma jipperikolax il-ġbir separat u l-proċess tal-ikkompostjar u ta' diġestjoni anaerobika;

(51)

“imballaġġ kompostabbli domestiku” tfisser imballaġġ li jista' jiddegrada bijoloġikament f'kundizzjonijiet mhux ikkontrollati li mhumiex faċilitajiet tal-ikkompostjar fuq skala industrijali u li l-proċess tal-ikkompostjar tiegħu jitwettaq minn individwi privati bl-għan li jipproduċu kompost għall-użu tagħhom stess;

(52)

“plastik” tfisser materjal li jikkonsisti minn polimeru skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (5), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li miegħu jkunu ġew miżjuda addittivi jew sustanzi oħra, u li jista' jiffunzjona bħala komponent strutturali prinċipali tal-imballaġġ, bl-eċċezzjoni tal-polimeri naturali li ma ġewx modifikati kimikament;

(53)

“plastik b'bażi bijoloġika” tfisser plastik magħmul minn riżorsi bijoloġiċi, bħal materja prima tal-bijomassa, skart organiku jew prodotti sekondarji; u irrispettivament minn jekk il-plastik ikunx bijodegradabbli jew mhux bijodegradabbli;

(54)

“fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss” tfisser fliexken tax-xorb elenkati fil-Parti F tal-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/904;

(55)

“basktijiet tal-plastik” tfisser il-basktijiet, b'widna jew mingħajrha, magħmula mill-plastik, li jiġu fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ tal-prodotti;

(56)

“basktijiet tal-plastik ħfief” tfisser basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 mikron;

(57)

“basktijiet tal-plastik ħfief ħafna” tfisser basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' anqas minn 15-il mikron;

(58)

“basktijiet tal-plastik oħxon” tfisser basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' bejn 50 u 99 mikron;

(59)

“basktijiet tal-plastik oħxon ħafna” tfisser basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' aktar minn 99 mikron;

(60)

“reċipjenti tal-iskart” tfisser reċipjenti użati għall-ħżin u l-ġbir tal-iskart, pereżempju kontenituri, laned u basktijiet;

(61)

“depożitu” tfisser somma definita ta' flus, li ma tkunx parti mill-prezz tal-prodott fl-imballaġġ jew mimli li tinġabar mill-utent finali meta jixtri prodott fl-imballaġġ jew mimli bħal dan, koperta minn sistema ta' rifużjoni tad-depożitu fi Stat Membru partikolari u li tista' tiġi rimborżata meta l-utent finali, jew kwalunkwe persuna oħra, jirritornaw l-imballaġġ abbinat ma' depożitu f'punt tal-ġbir stabbilit għal dik il-għan;

(62)

“sistema ta' rifużjoni tad-depożitu” tfisser sistema li fiha jiġi impost depożitu fuq l-utent finali meta jixtri prodott fl-imballaġġ jew mimli kopert minn dik is-sistema, u li jiġi rimborżat meta l-imballaġġ abbinat mad-depożitu jiġi rritornat permezz ta' wieħed mill-kanali ta' ġbir li huma awtorizzati għal dak l-għan mill-awtoritajiet nazzjonali;

(63)

“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati minn prodott, minn proċess jew minn servizz;

(64)

“standard armonizzat” tfisser standard kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(65)

“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza, tat-tikkettar u tal-informazzjoni ta' dan ir-Regolament relatati mal-imballaġġ;

(66)

“organizzazzjoni b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi” tfisser entità ġuridika li torganizza finanzjarjament, jew finanzjarjament u operazzjonalment, it-twettiq tal-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur f'isem diversi produtturi;

(67)

“ċiklu tal-ħajja” tfisser l-istadji konsekuttivi u interkonnessi tal-ħajja tal-imballaġġ, li jikkonsistu mill-akkwist tal-materja prima jew il-ġenerazzjoni minn riżorsi naturali, l-ipproċessar minn qabel, il-manifattura, il-ħżin, id-distribuzzjoni, l-użu, it-tiswija, l-użu mill-ġdid u t-tmiem tal-ħajja;

(68)

“imballaġġ li jippreżenta riskju” tfisser imballaġġ li, billi ma jikkonformax ma' rekwiżit stabbilit f'dan ir-Regolament jew b'konsegwenza tiegħu għajr dawk ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 62(1), jista' jaffettwa b'mod negattiv l-ambjent, is-saħħa jew interessi pubbliċi oħra protetti minn dak ir-rekwiżit;

(69)

“imballaġġ li jippreżenta riskju serju” tfisser imballaġġ li jippreżenta riskju li, abbażi ta' valutazzjoni, il-grad tan-nuqqas ta' konformità rilevanti jew il-ħsara assoċjata titqies li tirrikjedi intervent rapidu mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, inkluż f'każijiet meta l-effetti tan-nuqqas ta' konformità ma jkunux immedjati;

(70)

“pjattaforma online” tfisser pjattaforma online kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(71)

“kuntratti pubbliċi” tfisser kuntratti pubbliċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva 2014/24/UE jew kif imsemmi fid-Direttiva 2014/25/UE, kif applikabbli;

Japplikaw id-definizzjonijiet ta' “immaniġġar tal-iskart”, “ġbir”, “ġbir separat”, “trattament”, “preparazzjoni għal użu mill-ġdid”, “riċiklaġġ” u “skema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur” fl-Artikolu 3, il-punti (9), (10), (11), (14), (16), (17) u (21), rispettivament, tad-Direttiva 2008/98/KE.

Japplikaw id-definizzjonijiet ta' “sorveljanza tas-suq”, “awtorità tas-sorveljanza tas-suq”, “fornitur ta' servizz ta' eżekuzzjoni”, “azzjoni korrettiva”, “riskju”, “sejħa lura” u “irtirar” fl-Artikolu 3, il-punti (3), (4), (11), (16), (18), (22) u (23), rispettivament, tar-Regolament (UE) 2019/1020.

Japplikaw id-definizzjonijiet ta' “sustanza ta' tħassib” u “mezz ta' data” fl-Artikolu 2, il-punti (27) u (29), rispettivament, tar-Regolament (UE) 2024/1781.

Artikolu 3 2

2.   Lista indikattiva tal-oġġetti koperti mid-definizzjoni tal-imballaġġ fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (1) ta’ dan l-Artikolu, tinsab fl-Anness I.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.01.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R0040
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.