+Artikolu 509 Rekwiżiti ta' likwidità
---+Artikolu 509 1.
---+Artikolu 509 2.
---+Artikolu 509 3.
---+Artikolu 509 4.
---+Artikolu 509 5.
|
Artikolu 509 Rekwiżiti ta' likwidità
-
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 509 1.
|
L-ABE għandha tissorvelja u tevalwa r-rapporti magħmula skont l-Artikolu 415(1), fost muniti u fost mudelli kummerċjali differenti. L-ABE għandha, wara li tikkonsulta lill-BERS, l-utenti aħħarin mhux finanzjarji, l-industrija bankarja, l-awtoritajiet kompetenti u l-banek ċentrali tas-SEBĊ nazzjonali annwalment u għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2013, tirrapporta lill-Kummissjoni dwar jekk speċifikazzjoni tar-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità ġenerali fil-Parti Sitta bbażata fuq l-elementi għar-rappurtar tal-likwidità skont il-Parti Sitta, it-Titolu II u l-Anness III, ikkunsidrati individwalment jew b’mod kumulattiv, għandhiex il-probabbiltà li jkollha impatt detrimentali materjali fuq il-profil tan-negozju u tar-riskju tal-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jew fuq l-istabbiltà u l-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji jew fuq l-ekonomija u l-istabbiltà tal-forniment tas-self bankarju, b'attenzjoni partikolari fuq is-self lil SMEs u fuq l-iffinanzjar kummerċjali, inkluż self mogħti taħt skemi uffiċjali ta’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni. Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkunsidra debitament is-swieq u l-iżviluppi regolatorji internazzjonali kif ukoll l-interazzjonijiet tar-rekwiżit tal-kopertura tal-likwidità ma' rekwiżiti prudenzjali oħra skont dan ir-Regolament bħall-proporzjonijiet tal-kapital ibbażati fuq ir-riskju stipulati fl-Artikolu 92 u l-proporzjoni ta' lieva finanzjarja. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandha tingħatalhom l-opportunità li jiddikjaraw l-opinjonijiet tagħhom dwar ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
|
|
Artikolu 509 2.
|
Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-ABE għandha tivvaluta dan li ġej b'mod partikolari:
(a)
il-forniment ta' mekkaniżmi li jillimitaw il-valur tal-flussi ’l ġewwa tal-likwidità, b'mod partikolari bl-għan li jiġi determinat limitu massimu adatt tal-flussi ’l ġewwa u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu, b'kont meħud tal-mudelli kumemrċjali differenti inkluż finanzjament pass through, factoring, leasing, bonds koperti, ipoteki, ħruġ ta' bonds koperti, u l-miżura safejn dak il-limitu massimu għandu jiġi emendat jew jitneħħa sabiex jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tal-finanzjament speċjalizzat;
(b)
il-kalibrazzjoni tal-flussi 'l ġewwa u 'l barra msemmija fil-Parti Sitta, Titolu II, b'mod partikolari taħt l-Artikolu 422(7) u l-Artikolu 425(2);
(c)
il-forniment ta' mekkaniżmi li jillimitaw il-kopertura tar-rekwiżiti ta' likwidità b'ċerti kategoriji ta' assi likwidi, b'mod partikolari l-valutazzjoni tal-preċentwal minimu adatt għall-assi likwidi msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 416(1) meta mqabbla mat-total tal-assi likwidi, l-ittestajar ta' limitu ta' 60 % u l-konsiderazzjoni tal-iżviluppi regolatorji internazzjonali. Assi dovuti jew eżerċitabbli fi żmien 30 ġurnata tal-kalendarju ma għandhomx jingħaddu għas-60 % sakemm l-assi ma jkunux inkisbu taħt kollateral li jikkwalifika wkoll taħt il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 416(1);
(d)
l-forniment ta’ rati speċifiċi ta’ flussi ' barra aktar baxxi u/jew flussi 'l ġewwa ogħla għall-flussi intragrupp li jispeċifika taħt liema kondizzjonijiet tali rati speċifiċi ta’ flussi ’l ġewwa jew ’il barra jkunu ġustifikati mill-perspettiva prudenzjali u li jistabbilixxi deskrizzjoni ta' metodoloġija ta' livell għoli li tuża kriterji u parametri oġġettivi sabiex jiġu determinati livelli speċifiċi ta' flussi ’l ġewwa jew ’il barra bejn l-istituzzjoni u l-kontroparti meta ma jkunux stabbiliti fl-istess Stat Membru.
(e)
il-kalibrazzjoni tar-rati għall-ġbid ta' self applikabbli għall-faċilitajiet impenjati ta' kreditu u likwidità mhux miġbudin li jaqgħu taħt l-Artikolu 424(3) u (5). B'mod partikolari, l-ABE għandha tittestja rata għall-ġbid ta' self ta' 100 %;
(f)
id-definizzjoni ta' depożitu fil-livell tal-konsumatur fil-punt (2) tal-Artikolu 411, b'mod partikolari l-adegwatezza li jiġi introdott limitu rigward depożiti ta' persuni fiżiċi;
(g)
il-ħtieġa li tiġi introdotta kategorija ġdida ta' depożitu fil-livell tal-konsumatur bi flussi 'l barra aktar baxxi fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta' tali depożiti li jistgħu jiġġustifikaw rata ta' flussi 'l barra aktar baxxa u b'kont meħud ta’ żviluppi internazzjonali;
(h)
derogi mir-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni tal-assi likwidi li l-istituzzjonijiet ser ikunu meħtieġa jżommu, fejn f'munita partikolari l-ħtiġijiet kollettivi ġustifikati tal-istituzzjonijiet għal assi likwidi jkunu qed jaqbżu d-disponibbiltà ta' dawk l-assi likwidi u kondizzjonijiet li tali derogi għandhom ikunu soġġetti għalihom;
(i)
id-definizzjoni ta' prodotti finanzjarji konformi max-Shari’ah bħala alternattiva għal assi li jikkwalifikaw bħala assi likwidi għall-finijiet tal-Artikolu 416, għall-użu fil-banek li huma konformi max-Shari’ah;
(j)
id-definizzjoni ta' ċirkostanzi ta' stress, inkluż prinċipji għall-użu tal-istokk tal-assi likwidi u r-reazzjonijiet ta' superviżjoni neċessarji li skonthom ikunu l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jużaw l-assi likwidi tagħhom biex jissodisfaw il-flussi ’l barra tal-likwidità u kif għandha tiġi indirzzata n-nuqqas ta' konformità;
(k)
id-definizzjoni ta' relazzjoni operattiva stabbilita għall-klijenti mhux finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 422(3)(c).
(l)
il-kalibrazzjoni tar-rata ta' flussi 'l barra applikabbli għal servizzi bankarji u ta’ prime brokering korrispondenti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 422(4);
(m)
mekkaniżmi għall-anterjorità ta' bonds garantiti mill-gvern maħruġin lil istituzzjonijiet tal-kreditu bħala parti mill-miżuri ta' sostenn tal-Gvern bl-approvazzjoni tal-Unjoni dwar għajnuna mill-istat, bħall-bonds maħruġin mill-Aġenzija Nazzjonali ta' Ġestjoni tal-Assi (NAMA) fl-Irlanda u mill-Kumpannija Spanjola ta' Ġestjoni tal-Assi fi Spanja, imfasslin biex jeliminaw l-assi problematiċi mill-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, bħala assi ta' likwidità u kwalità kreditizzja estremament għolja tal-inqas sa Diċembru 2023.
|
|
Artikolu 509 3.
|
Sal-31 ta’ Diċembru 2013, l-ABE, wara li tikkonsulta mal-ESMA u mal-BĊE, għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar definizzjonijiet uniformi xierqa ta’ likwidità u kwalità kreditizzja għolja u estremament għolja ta' assi trasferibbli għall-finijiet tal-Artikolu 416 u t-telf impost adatt għal assi li jikkwalifikaw bħala assi likwidi għall-finijiet tal-Artikolu 416, bl-eċċezzjoni tal-assi msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 416(1). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandha tingħatalhom l-opportunità li jiddikjaraw l-opinjonijiet tagħhom dwar dak ir-rapport. Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkunsidra wkoll:
(a)
kategoriji oħra ta' assi, b'mod partikolari titoli ggarantiti minn self fuq djar residenzjali (RMBS) ta' likwidità u kwalità kreditizzja għolja;
(b)
kategoriji oħra ta' titoli jew self eliġibbli tal-banek ċentrali, pereżempju bonds tal-gvern lokali u karta kummerċjali; u
(c)
assi oħra li mhumiex eliġibbli għall-bank ċentrali iżda kummerċjabbli, pereżempju ekwitajiet ikkwotati f'borża rikonoxxuta, deheb, strumenti ta' ekwità marbutin mal-indiċijiet prinċipali, bonds iggarantiti, bonds koperti, bonds ta' kumpanniji u fondi bbażati fuq dawk l-assi.
|
|
Artikolu 509 4.
|
Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jikkunsidra jekk, u l-miżura safejn, faċilitajiet ta' kreditu ta' emerġenza (standby) imsemmijin fil-punt (e) tal-Artikolu 416(1) għandhomx jiġu inklużi bħala assi likwidi fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet Ewropej, inkluż il-mod kif il-politika monetarja titwettaq fl-Unjoni. B’mod partikolari, l-ABE għandha tittestja l-adegwatezza tal-kriterji li ġejjin u l-livelli xierqa ta’ tali definizzjonijiet:
(a)
il-volum ta' negozjar minimu tal-assi;
(b)
il-volum pendenti minimu tal-assi;
(c)
l-ipprezzar trasparenti u l-informazzjoni ta’ wara n-negozjar;
(d)
il-livelli ta’ kwalità tal-kreditu msemmija fil-Parti Tlieta, Titolu II, Kapitolu 2;
(e)
ir-rekord ippruvat tal-istabbiltà tal-prezz;
(f)
il-volum medju nnegozjat u d-daqs medju tan-negozjar;
(g)
il-firxa massima bejn it-talba u l-offerta;
(h)
iż-żmien li fadal għall-maturità;
(i)
il-proporzjon ta’ dħul minimu.
|
|
Artikolu 509 5.
|
Sal-31 ta’ Jannar 2014, l-ABE għandha barra minn hekk tirrapporta dwar dan li ġej:
(a)
id-definizzjonijiet uniformi ta' likwidità u kwalità kreditizzja għolja u estremament għolja;
(b)
l-konsegwenzi possibbli mhux previsti tad-definizzjoni ta' assi likwidi fuq il-kondotta tal-operazzjoni tal-politika monetarja u l-miżura safejn:
(i)
lista ta' assi likwidi li ma għandhiex konnessjoni mal-lista ta' assi eliġibbli tal-bank ċentrali tista' tinċentiva istituzzjonijiet biex jissottomettu assi eliġibbli li ma jkunux inklużi fid-definizzjoni ta' assi likwidi f'operazzjonijiet ta' ffinanzjar mill-ġdid;
(ii)
regolamentazzjoni tal-likwidità tista' tneħħi l-inċentiv ta' istituzzjonijiet li jsellfu jew jissellfu fis-suq tal-flus mhux garantit u jekk dan jistax iwassal biex jinħolqu dubji dwar l-objettivi tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja EONIA;
(iii)
l-introduzzjoni tar-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità jista' jagħmilha aktar diffiċli għall-banek ċentrali li jiżguraw stabbiltà tal-prezzijiet bl-użu tal-istrumenti u l-qafas tal-politika monetarja attwali;
(c)
ir-rekwiżiti operattivi għall-holdings ta' assi likwidi, kif imsemmi fil-punti (b) sa (f) tal-Artikolu 417, konformement mal-iżviluppi regolatorji internazzjonali.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|