+Artikolu 25 Rikonoxximent ta’ CCP ta’ pajjiż terz
---+Artikolu 25 1.
---+Artikolu 25 2.
---+Artikolu 25 2a.
---+Artikolu 25 2b.
---+Artikolu 25 2c.
---+Artikolu 25 3.
---+Artikolu 25 4.
---+Artikolu 25 5.
---+Artikolu 25 6.
---+Artikolu 25 6a.
---+Artikolu 25 6b.
---+Artikolu 25 7.
---+Artikolu 25 7a.
---+Artikolu 25 7b.
---+Artikolu 25 7c.
---+Artikolu 25 8.
|
Artikolu 25 Rikonoxximent ta’ CCP ta’ pajjiż terz
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 25 1.
|
CCP stabbilita f’pajjiż terz tista’ tipprovdi biss servizzi ta’ kklerjar lil membri tal-ikklerjar jew lil ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni meta dik is-CCP tkun rikonoxxuta mill-AETS.
|
|
Artikolu 25 2.
|
L-AETS, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3, tista’ tirrikonoxxi kontroparti ċentrali stabbilita f’pajjiż terz li tkun applikat għal rikonoxximent biex tipprovdi ċerti servizzi jew attivitajiet tal-ikklerjar, meta:
(a)
il-Kummissjoni tkun adottat att implimentattiv skont il-paragrafu 6;
(b)
il-kontroparti ċentrali tkun awtorizzata fil-pajjiż terz rilevanti u tkun soġġetta għal superviżjoni u infurzar effettivi li jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli f’dak il-pajjiż terz;
(c)
ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni skont il-paragrafu 7;
▼M5
(d)
il-kontroparti ċentrali hija stabbilita jew awtorizzata f'pajjiż terz li mhuwiex ikkunsidrat, mill-Kummissjoni f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
20
), li għandu nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim nazzjonali tiegħu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li jikkostitwixxu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni;
▼M14
(e)
is-CCP ma tkunx ġiet determinata bħala sistemikament importanti jew mhux probabbli ssir sistemikament importanti f’konformità mal-paragrafu 2a u għalhekk tkun CCP tal-Grad 1.
|
|
Artikolu 25 2a.
|
L-AETS għandha, wara li tikkonsulta lill-BERS u lill-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmijin fil-punt (f) tal-paragrafu 3, tiddetermina jekk CCP ta’ pajjiż terz tkunx sistemikament importanti jew x’aktarx ser issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (CCP tal-Grad 2) billi tieħu kont tal-kriterji kollha li ġejjin:
(a)
in-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tas-CCP fl-Unjoni u barra l-Unjoni sa fejn in-negozju tagħha jista’ jkollu impatt sistemiku fuq l-Unjoni jew fuq Stat Membru wieħed, jew aktar, tagħha, inklużi:
(i)
il-valur f’termini ta’ aggregat u f’kull munita tal-Unjoni ta’ tranżazzjonijiet ikklerjati mis-CCP, jew l-espożizzjoni aggregata tas-CCP involuta f’attivitajiet ta’ kklerjar għall-membri tal-ikklerjar tagħha, u sal-punt li tkun disponibbli l-informazzjoni, il-klijenti u l-klijenti indiretti tagħhom stabbiliti fl-Unjoni, inkluż meta jkunu ġew iddeżinjati mill-Istati Membri bħala istituzzjonijiet sistemikament importanti oħra (O-SIIs) skont l-Artikolu 131(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; u
(ii)
il-profil tar-riskju tas-CCP f’termini ta’, fost oħrajn, riskju legali, operattiv u tan-negozju;
(b)
l-effett li l-falliment tas-CCP jew it-tfixkil tagħha jkollhom fuq:
(i)
swieq finanzjarji, inkluża l-likwidità tas-swieq li sservi;
(ii)
istituzzjonijiet finanzjarji;
(iii)
is-sistema finanzjarja b’mod ġenerali; jew
(iv)
l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru wieħed, jew aktar, tagħha;
(c)
l-istruttura tas-sħubija tal-ikklerjar tas-CCP inkluża, sa fejn tkun disponibbli l-informazzjoni, l-istruttura tan-netwerk tal-membri tal-ikklerjar tal-klijenti u l-klijenti indiretti, stabbiliti fl-Unjoni;
(d)
il-punt sa fejn servizzi alternattivi ta’ kklerjar ipprovduti minn CCPs oħra jeżistu fl-istrumenti finanzjarji denominati f’muniti tal-Unjoni għall-membri tal-ikklerjar u, sa fejn tkun disponibbli l-informazzjoni, għall-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti stabbiliti fl-Unjoni;
(e)
ir-relazzjonijiet, l-interdipendenzi, jew l-interazzjonijiet l-oħrajn tas-CCP ma’ infrastrutturi tas-swieq finanzjarji oħrajn, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u s-sistema finanzjarja b’mod ġenerali sa fejn ikun probabbli li dan ikollu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha.
Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 82 biex tispeċifika aktar il-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu sat-2 ta’ Jannar 2021.
Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-proċess ta’ rikonoxximent, l-AETS għandha, wara li twettaq il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, tinforma lis-CCP applikanti jekk titqiesx bħala CCP tal-Grad 1 jew le fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-determinazzjoni li l-applikazzjoni ta’ dik is-CCP tkun kompluta f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4.
|
|
Artikolu 25 2b.
|
Meta l-AETS tiddetermina li CCP tkun sistemikament importanti jew li x’aktarx ser issir sistemikament importanti (CCP tal-Grad 2) skont il-paragrafu 2a, għandha tirrikonoxxi biss li dik is-CCP tipprovdi ċerti servizzi jew attivitajiet tal-ikklerjar fejn, flimkien mal-kondizzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2, jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a)
is-CCP tikkonforma, fil-mument tar-rikonoxximent u minn hemm ’il quddiem fuq bażi kontinwa, mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 u fit-Titoli IV u V. Fir-rigward tal-konformità tas-CCP mal-Artikoli 41, 44, 46, 50 u 54, l-AETS għandha tikkonsulta l-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmijin fil-punt (f) tal-paragrafu 3 skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24b(1). L-AETS għandha tikkunsidra, f’konformità mal-Artikolu 25a, sa liema punt il-konformità tas-CCP ma’ dawk ir-rekwiżiti hija sodisfatta mill-konformità tagħha ma’ rekwiżiti komparabbli applikabbli fil-pajjiż terz;
(b)
il-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 3 ipprovdew lill-AETS konferma bil-miktub, fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-determinazzjoni li CCP ta’ pajjiż terz mhijiex CCP tal-Grad 1 f’konformità mal-paragrafu 2a jew wara r-rieżami f’konformità mal-paragrafu 5, li s-CCP tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin li dawk il-banek ċentrali tal-ħruġ setgħu imponew fit-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja tagħhom:
(i)
il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li l-bank ċentrali tal-ħruġ jista’ jirrikjedi mat-talba motivata tiegħu, fejn dik l-informazzjoni ma tkunx inkisbet mod ieħor mill-AETS;
(ii)
il-kooperazzjoni sħiħa u debita mal-bank ċentrali tal-ħruġ fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-reżiljenza tas-CCP għal żviluppi negattivi tas-suq imwettqa f’konformità mal-Artikolu 25b(3);
(iii)
il-ftuħ jew in-notifika ta’ intenzjoni ta’ ftuħ, skont il-kriterji u r-rekwiżiti rilevanti għall-aċċess, kont ta’ depożitu mal-lejl mal-bank ċentrali tal-ħruġ.
(iv)
il-konformità mar-rekwiżiti, applikati f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali mill-bank ċentrali tal-ħruġ, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu biex jindirizza riskji tal-likwidità sistemiċi temporanji li jaffettwaw it-trasmissjoni tal-politika monetarja jew l-operat mingħajr xkiel tas-sistemi ta’ pagament, u li jikkonċernaw il-kontroll tar-riskju tal-likwidità, ir-rekwiżiti tal-marġni, il-kollateral, arranġamenti ta’ saldu jew arranġamenti tal-interoperabilità.
Ir-rekwiżiti msemmija fis-subpunt (iv) għandhom jiżguraw l-effiċjenza, is-solidità u r-reżiljenza tas-CCPs u jkunu allinjati ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 16 u fit-Titoli IV u V ta’ dan ir-Regolament.
L-applikazzjoni tar-rekwiżiti msemmija fis-subpunt (iv) għandha tkun kondizzjoni għar-rikonoxximent għal perijodu limitat ta’ żmien ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Meta fi tmiem dak il-perijodu, il-bank ċentrali tal-ħruġ iqis li s-sitwazzjoni eċċezzjonali għadha tippersisti, l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-finijiet ta’ rikonoxximent tista’ tiġi estiża darba b’perijodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sitt xhur.
Qabel ma jimponi, jew jestendi l-applikazzjoni ta’, ir-rekwiżiti msemmija fis-subpunt (iv), il-bank ċentrali tal-ħruġ għandu jinforma lill-AETS, lill-banek ċentrali tal-ħruġ l-oħrajn imsemmijin fil-punt (f) tal-paragrafu 3 u lill-membri tal-kulleġġ tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi tal-AETS u jipprovdilhom spjegazzjoni tal-effetti tar-rekwiżiti li biħsiebu jimponi fuq l-effiċjenza, is-solidità u r-reżiljenza tas-CCPs u b’ġustifikazzjoni dwar għalfejn ir-rekwiżiti huma neċessarji u proporzjonati biex jiżguraw it-trasmissjoni tal-politika monetarja jew l-operat mingħajr xkiel tas-sistemi ta’ pagament fir-rigward tal-valuta li huwa joħroġ. L-AETS għandha tippreżenta lill-bank ċentrali tal-ħruġ opinjoni fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mit-trasmissjoni tal-abbozz ta’ rekwiżit jew l-abbozz ta’ estensjoni. F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-perijodu msemmi hawn fuq ma għandux ikun ta’ aktar minn 24 siegħa. Fl-opinjoni tagħha, l-AETS għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-effetti tar-rekwiżiti imposti fuq l-effiċjenza, is-solidità u r-reżiljenza tas-CCP. Il-banek ċentrali tal-ħruġ l-oħra msemmijin fil-punt (f) tal-paragrafu 3 jistgħu jippreżentaw opinjoni fl-istess limitu ta’ żmien. Hekk kif jiskadi l-perijodu għall-konsultazzjoni, il-bank ċentrali tal-ħruġ għandu jikkunsidra b’mod debitu l-emendi proposti fl-opinjonijiet tal-AETS jew tal-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmijin fil-punt (f) tal-paragrafu 3.
Il-bank ċentrali tal-ħruġ għandu jinforma wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel jestendi l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti msemmija fis-subpunt (iv).
Il-bank ċentrali tal-ħruġ għandu jikkoopera u jikkondividi informazzjoni fuq bażi kontinwa mal-AETS u mal-banek ċentrali tal-ħruġ l-oħrajn imsemmijin fil-punt (f) tal-paragrafu 3 fir-rigward tar-rekwiżiti imsemmijin fis-subpunt (iv), b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji ta’ likwidità sistemika u l-effetti tar-rekwiżiti imposti fuq l-effiċjenza, is-solidità u r-reżiljenza tas-CCPs.
Fejn bank ċentrali tal-ħruġ jimponi kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija f’dan il-punt wara li tkun ġiet rikonoxxuta CCP tal-Grad 2, il-konformità ma’ kwalunkwe tali rekwiżit għandu jitqies bħala kondizzjoni għar-rikonoxximent u l-banek ċentrali tal-ħruġ għandhom jipprovdu lill-AETS konferma bil-miktub, fi żmien 90 jum tax-xogħol, li s-CCP tikkonforma mar-rekwiżit.
Fejn bank ċentrali tal-ħruġ rilevanti ma jkunx ipprovda tweġiba bil-miktub lill-AETS fil-limitu ta’ żmien, l-AETS tista’ tqis dak ir-rekwiżit bħala sodisfatt;
(c)
is-CCP ipprovdiet lill-AETS:
(i)
b’dikjarazzjoni bil-miktub, iffirmata mir-rappreżentant legali tagħha, li tesprimi l-kunsens bla kondizzjonijiet tas-CCP biex:
—
tipprovdi fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol wara trattament ta’ talba mill-AETS kwalunkwe dokument, rekord, informazzjoni u data miżmuma minn dik is-CCP fil-ħin li tkun ġiet notifikata t-talba; u
—
tippermetti lill-AETS li jkollha aċċess għal kwalunkwe wieħed mill-binjiet tan-negozju tas-CCP;
(ii)
b’opinjoni legali motivata minn espert legali indipendenti li tikkonferma li l-kunsens espress huwa validu u eżegwibbli skont il-liġijiet applikabbli rilevanti;
(d)
is-CCP implimentat il-miżuri kollha meħtieġa u stabbilixxiet il-proċeduri kollha meħtieġa biex tiżgura li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (c);
(e)
il-Kummissjoni ma adottatx att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 2c.
|
|
Artikolu 25 2c.
|
L-AETS, wara li tikkonsulta mal-BERS u bi ftehim mal-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmijin fil-punt (f) tal-paragrafu 3 f’konformità mal-Artikolu 24b(3) u b’mod proporzjonat mal-grad ta’ importanza sistemika tas-CCP skont il-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu, tista’, abbażi ta’ valutazzjoni motivata b’mod sħiħ, tikkonkludi li CCP jew xi servizzi ta’ kklerjar tagħha huma ta’ importanza sistemika tant sostanzjali li jeħtieġ li dik is-CCP ma tiġix rikonoxxuta li tipprovdi ċerti servizzi jew attivitajiet ta’ kklerjar. Il-ftehim ta’ bank ċentrali tal-ħruġ għandu jirrelata biss mal-munita li joħroġ u mhux mar-rakkomandazzjoni fl-intier tagħha kif imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Fil-valutazzjoni tagħha, l-AETS għandha wkoll:
(a)
tispjega kif il-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2b ma tindirizzax b’mod suffiċjenti r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja għall-Unjoni jew għal wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha;
(b)
tiddeskrivi l-karatteristiċi tas-servizzi ta’ kklerjar ipprovduti mis-CCP, inkluż ir-rekwiżiti ta’ likwidità u ta’ saldu fiżiku assoċjati mal-forniment ta’ tali servizzi;
(c)
tipprovdi valutazzjoni teknika kwantitattiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-konsegwenzi ta’ deċiżjoni biex is-CCP ma tiġix rikonoxxuta biex tforni ċerti servizzi jew attivitajiet tal-ikklerjar, filwaqt li jittieħed kont:
(i)
tal-eżistenza ta’ sostituti alternattivi potenzjali għall-forniment tas-servizzi ta’ kklerjar kkonċernati fil-muniti kkonċernati lill-membri tal-ikklerjar, u sa fejn tkun disponibbli l-informazzjoni, il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti stabbiliti fl-Unjoni;
(ii)
il-konsegwenzi potenzjali tal-inklużjoni tal-kuntratti pendenti miżmuma f’CCP fl-ambitu tal-att ta’ implimentazzjoni.
Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, l-AETS għandha tirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li jikkonferma li dik is-CCP ma għandhiex tiġi rikonoxxuta biex tipprovdi ċerti servizzi jew attivitajiet ta’ kklerjar.
Il-Kummissjoni għandu jkollha minimu ta’ 30 jum ta’ xogħol li fihom tivvaluta r-rakkomandazzjoni tal-AETS.
Wara l-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ tadotta, bħala miżura tal-aħħar rikors, att ta’ implimentazzjoni li jispeċifika:
(a)
li wara l-perijodu ta’ adattament speċifikat mill-Kummissjoni f’konformità mal-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu, uħud mis-servizzi tal-ikklerjar jew kollha kemm huma ta’ dik is-CCP ta’ pajjiż terz ikunu jistgħu jiġu pprovduti biss lil membri tal-ikklerjar u lil ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni minn dik is-CCP wara li tkun ġiet awtorizzata tagħmel dan f’konformità mal-Artikolu 14;
(b)
perijodu ta’ adattament adegwat għas-CCP, il-membri tal-ikklerjar tagħha u l-klijenti tagħhom. Il-perijodu ta’ adattament ma għandux jaqbeż is-sentejn, u jista’ jiġi estiż darba biss b’perijodu addizzjonali ta’ sitt xhur fejn għadhom jeżistu r-raġunijiet għall-għoti ta’ perijodu ta’ adattament;
(c)
il-kondizzjonijiet li skonthom dik is-CCP tista’ tkompli tforni ċerti servizzi jew attivitajiet ta’ kklerjar matul il-perijodu ta’ adattament imsemmi fil-punt (b);
(d)
kwalunkwe miżura li għandha tittieħed matul il-perijodu ta’ adattament, sabiex jiġu limitati l-ispejjeż potenzjali għall-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Unjoni.
Meta tispeċifika s-servizzi u perijodu ta’ adattament imsemmijin fil-punti (a) u (b) tar-raba’ subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra:
(a)
il-karatteristiċi tas-servizzi offruti mis-CCP u s-sostitwibbiltà tagħhom;
(b)
jekk u sa liema punt it-tranżazzjonijiet ikklerjati pendenti għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni, b’kont meħud tal-konsegwenzi legali u ekonomiċi ta’ dik l-inklużjoni;
(c)
l-implikazzjonijiet ta’ spejjeż potenzjali għal membri tal-ikklerjar u, fejn dik l-informazzjoni tkun disponibbli, il-klijenti tagħhom, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Unjoni.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 86(2).
|
|
Artikolu 25 3.
|
Meta tkun qed tivvaluta jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2, l-AETS għandha tikkonsulta:
▼B
(a)
l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih il-kontroparti ċentrali tipprovdi jew biħsiebha tipprovdi servizzi tal-ikklerjar u li ntgħażlet mill-kontroparti ċentrali;
(b)
lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar tal-kontroparti ċentrali li huma stabbiliti fit-tliet Stati Membri li jagħtu jew huma antiċipati mill-kontroparti ċentrali li jagħtu l-akbar kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-kontroparti ċentrali imsemmi fl-Artikolu 42 fuq bażi aggregata fuq perjodu ta’ sena;
(c)
l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni ta’ postijiet tan-negozju li jinsabu fl-Unjoni, li huma servuti jew ser jiġu servuti mill-kontroparti ċentrali;
(d)
lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu superviżjoni ta’ Kontropartijiet ċentrali stabbiliti fl-Unjoni li magħhom ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ interoperabbiltà;
(e)
lill-membri rilevanti tas-SEBĊ tal-Istati Membri li fihom il-kontroparti ċentrali tipprovdi jew beħsiebha tipprovdi servizzi tal-ikklerjar u l-membri rilevanti tas-SEBĊ responsabbli għas-sorveljanza tal-kontropartijiet ċentrali li magħhom ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ interoperabbiltà;
▼M14
(f)
lill-banek ċentrali tal-ħruġ tal-valuti kollha tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji kklerjati jew li għandhom jiġu kklerjati mis-CCP.
▼B
|
|
Artikolu 25 4.
|
Il-kontroparti ċentrali imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tissottometti l-applikazzjoni tagħha lill-AETS. Is-CCP applikanti għandha tipprovdi lill-AETS l-informazzjoni kollha neċessarja għar-rikonoxximent tagħha. Fi żmien 30 jum tax-xogħol minn meta tirċeviha, l-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompleta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompleta, l-AETS għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta s-CCP applikanti għandha tipprovdi informazzjoni addizzjonali. L-AETS għandha tibgħat minnufih l-informazzjoni kollha li tkun irċeviet mingħand is-CCP applikanti lill-kulleġġ tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi. Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent għandha tkun ibbażata fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 għas-CCPs tal-Grad 1 u fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d), u l-paragrafu 2b għas-CCPs tal-Grad 2. Fi żmien 180 jum tax-xogħol mid-determinazzjoni li applikazzjoni hija kompluta f’konformità mat-tieni subparagrafu, l-AETS għandha tinforma lis-CCP applikanti bil-miktub, bi spjegazzjoni motivata bis-sħiħ, jekk ir-rikonoxximent ikunx ingħata jew ġie rrifjutat. L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tas-CCPs rikonoxxuti f’konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li tindika l-klassifikazzjoni tagħhom bħala CCPs tal-Grad 1 jew tal-Grad 2.
|
|
Artikolu 25 5.
|
L-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3, tirrieżamina r-rikonoxximent ta’ CCP stabbilita f’pajjiż terz:
(a)
jekk dik is-CCP beħsiebha testendi jew tnaqqas il-firxa tal-attivitajiet u s-servizzi tagħha fl-Unjoni, f’liema każ is-CCP għandha tinforma lill-AETS b’dan billi tippreżenta l-informazzjoni kollha meħtieġa; u
(b)
fi kwalunkwe każ mill-inqas kull ħames snin.
Dak ir-rieżami għandu jitwettaq skont il-paragrafi 2 sa 4. Meta r-rieżami jsir f’konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, is-CCP ma għandhiex tkun meħtieġa tippreżenta applikazzjoni ġdida għar-rikonoxximent, iżda għandha tforni lill-AETS l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-AETS tirrieżamina r-rikonoxximent tagħha Meta l-AETS twettaq rieżami tar-rikonoxximent ta’ CCP stabbilita f’pajjiż terz f’konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-AETS ma għandhiex tittratta tali rieżami bħala applikazzjoni għar-rikonoxximent għas-CCP rikonoxxuta rilevanti. Fejn, wara r-rieżami msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-AETS tiddetermina li CCP ta’ pajjiż terz li tkun ġiet ikklassifikata bħala CCP tal-Grad 1 għandha tiġi kklassifikata bħala CCP tal-Grad 2, l-AETS għandha tistabbilixxi perijodu ta’ adattament adegwat li ma għandux jeċċedi 18-il xahar li fihom is-CCP trid tikkonforma mar-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 2b. L-AETS tista’ testendi dak il-perijodu ta’ żmien ta’ adattament b’mhux aktar minn sitt xhur addizzjonali fuq it-talba motivata tas-CCP jew tal-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar, meta tali estensjoni tkun iġġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali u implikazzjonijiet għall-membri tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni.
|
|
Artikolu 25 6.
|
Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, li jiddetermina li:
(a)
l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li s-CCPs awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw fuq bażi kontinwa ma’ rekwiżiti ġuridikament vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament;
(b)
dawk is-CCPs ikunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa;
(c)
il-qafas legali ta’ dak il-pajjiż terz jipprevedi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ CCPs awtorizzati taħt reġimi legali ta’ pajjiżi terzi.
Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta l-applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu għat-twettiq effettiv ta’ kwalunkwe rekwiżit stabbilit fih minn pajjiż terz fuq bażi kontinwa u għall-kapaċità li l-AETS effettivament twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti skont il-paragrafi 2 u 2b jew b’rabta mal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 6b, inkluż permezz tal-approvazzjoni u l-applikazzjoni tal-arranġamenti dwar il-kooperazzjoni msemmijin fil-paragrafu 7.
Meta jkun fl-interessi tal-Unjoni u meta jitqiesu r-riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni minħabba l-parteċipazzjoni mistennija tal-membri tal-ikklerjar u taċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni f’CCPs stabbiliti f’pajjiż terz, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu, irrispettivament minn jekk il-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu jkunx ġie ssodisfat.
|
|
Artikolu 25 6a.
|
Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex tispeċifika aktar il-kriterji msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 6.
|
|
Artikolu 25 6b.
|
L-AETS għandha tissorvelja l-iżviluppi regolatorji u superviżorji f’pajjiżi terzi li għalihom ikunu ġew adottati l-atti ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 6.
Fejn l-AETS tidentifika kwalunkwe żvilupp regolatorju jew superviżorju f’dawk il-pajjiżi terzi, li jista’ jkollu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ xi wieħed jew aktar mill-Istat Membru tagħha, għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-membri tal-kulleġġ tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi msemmi fl-Artikolu 25c mingħajr dewmien. Kull informazzjoni bħal din għandha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.
L-AETS għandha tippreżenta rapport kunfidenzjali lill-Kummissjoni u lill-membri tal-kulleġġ tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi msemmi fl-Artikolu 25c dwar l-iżviluppi regolatorji u superviżorji tal-pajjiżi terzi msemmijin fl-ewwel subparagrafu fuq bażi annwali.
|
|
Artikolu 25 7.
|
L-AETS għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni effettivi mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ pajjiżi terzi li l-oqfsa legali u superviżorji tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament f’konformità mal-paragrafu 6.
|
|
Artikolu 25 7a.
|
Meta l-AETS tkun għadha ma ddeterminatx il-gradazzjoni ta’ CCP jew meta l-AETS tkun iddeterminat li s-CCPs kollha jew uħud minnhom f’pajjiż terz rilevanti jkunu CCPs tal-Grad 1, l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 għandhom iqisu r-riskju li jinvolvi l-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar minn dawk is-CCPs u għandhom jispeċifikaw:
(a)
il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq bażi annwali bejn l-AETS, il-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f), u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, sabiex l-AETS tkun tista’:
(i)
tiżgura li s-CCP tikkonforma mal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent skont il-paragrafu 2;
(ii)
tidentifika kwalunkwe impatt materjali potenzjali fuq il-likwidità tas-suq jew fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha; u
(iii)
timmonitorja l-attivitajiet tal-ikklerjar f’wieħed jew aktar mis-CCPs stabbiliti f’tali pajjiż terz minn membri tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni, jew li huma parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni;
(b)
b’mod eċċezzjonali, il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni fuq bażi trimestrali li jitlob informazzjoni dettaljata li tkopri l-aspetti msemmija fil-paragrafu 2a, u b’mod partikolari informazzjoni dwar bidliet sinifikanti fil-mudelli u l-parametri tar-riskju, dwar l-estensjoni tal-attivitajiet u s-servizzi tas-CCPs u dwar il-bidliet fl-istruttura tal-kont tal-klijent, bil-għan li jiġi identifikat jekk CCP hijiex potenzjalment qrib li ssir jew potenzjalment x’aktarx li ssir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha kif ukoll il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi tas-suq li jista’ jkollhom konsegwenzi fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni;
(c)
il-mekkaniżmu għan-notifika fil-pront lill-AETS meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tqis li CCP taħt is-superviżjoni tagħha tkun qed tikser il-kundizzjonijietonijiet tal-awtorizzazzjoni tagħha jew liġi oħra li għaliha tkun soġġetta;
(d)
il-mekkaniżmu għal notifika fil-pront lill-AETS mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz meta s-CCP tal-pajjiż terz li tkun taħt superviżjoni minn dik l-awtorità kompetenti jkollha l-intenzjoni li testendi jew tnaqqas l-attivitajiet jew is-servizzi tal-ikklerjar tagħha;
(e)
il-proċeduri neċessarji għall-monitoraġġ effettiv tal-iżviluppi regolatorji u superviżorji f’pajjiż terz;
(f)
il-proċeduri għal awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi sabiex jinformaw lill-AETS, lill-kulleġġ tas-CCP ta’ pajjiżi terzi msemmi fl-Artikolu 25c u lill-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f), mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata ma’ CCP rikonoxxuta, inklużi żviluppi fis-swieq finanzjarji, li jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew f’wieħed mill-Istati Membri tagħha u l-proċeduri u l-pjanijiet ta’ kontinġenza għall-indirizzar ta’ tali sitwazzjonijiet;
(g)
il-proċeduri għal awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet adottati mill-AETS f’konformità mal-Artikoli 25f, 25j, l-Artikolu 25k(1), il-punt (b), u l-Artikoli 25l, 25m u 25p;
(h)
il-kunsens tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għall-kondiviżjoni suċċessiva ta’ kwalunkwe informazzjoni li jkunu pprovdew lill-AETS skont l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 u mal-membri tal-kulleġġ tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi, soġġett għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 83.
|
|
Artikolu 25 7b.
|
Meta l-AETS tkun iddeterminat li mill-anqas CCP waħda f’pajjiż terz rilevanti tkun CCP tal-Grad 2, l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 għandhom jispeċifikaw b’rabta ma’ dawk is-CCPs tal-Grad 2 mill-anqas dawn li ġejjin:
(a)
l-elementi msemmija fil-paragrafu 7a, il-punti (a), (c), (e), (f) u (h), meta l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma jkunux diġà stabbiliti mal-pajjiż terz rilevanti skont dak il-paragrafu;
(b)
il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq bażi ta’ mill-anqas kull xahar, kif xieraq, bejn l-AETS, il-banek ċentrali tal-ħruġ imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f), u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni kollha mitluba mill-AETS sabiex tiġi żgurata l-konformità tas-CCP mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2b;
(c)
il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji, inkluż il-qbil tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi sabiex jippermettu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 25g u 25h, rispettivament;
(d)
il-proċeduri għall-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet adottati mill-AETS f’konformità mal-Artikoli 25b, 25f sa 25m, 25p u 25q;
(e)
il-proċeduri għal awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi sabiex:
(i)
jikkonsultaw lill-AETS dwar it-tħejjija u l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u dwar it-tħejjija tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ aspetti rilevanti għall-Unjoni jew għal wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha;
(ii)
jinformaw lill-AETS mingħajr dewmien dwar l-istabbiliment tal-pjanijiet ta’ rkupru u tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u dwar kwalunkwe bidla materjali sussegwenti għal dawk il-pjanijiet fir-rigward ta’ aspetti rilevanti għall-Unjoni jew għal wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha;
(iii)
jinformaw lill-AETS mingħajr dewmien jekk CCP tal-Grad 2 ikollha l-ħsieb li tattiva l-pjan ta’ rkupru tagħha jew meta l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jkunu ddeterminaw li hemm indikazzjonijiet ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi emerġenti li tista’ taffettwa l-operazzjonijiet ta’ dik is-CCP tal-Grad 2, b’mod partikolari, il-kapaċità tagħha li tipprovdi servizzi tal-ikklerjar jew meta l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jipprevedu li jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-futur qrib.
|
|
Artikolu 25 7c.
|
Meta l-AETS tqis li awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tonqos milli tapplika kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f’arranġament ta’ kooperazzjoni stabbilit f’konformità mal-paragrafi 7, 7a u 7b, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan b’mod kunfidenzjali u mingħajr dewmien. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrieżamina l-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-paragrafu 6.
|
|
Artikolu 25 8.
|
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-kontroparti ċentrali li tkun qed tapplika għandha tagħti lill-AETS fl-applikazzjoni tagħha għal rikonoxximent. L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012. Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 30.01.2027 00:00:00 -Doknr: CELEX:32012R0648
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|