|
+ANNESS IV REGOLI U INDIKATURI LI JIKKONĊERNAW IL-KRITERJI TAL-PROĠETTI |
ANNESS IV REGOLI U INDIKATURI LI JIKKONĊERNAW IL-KRITERJI TAL-PROĠETTI
ANNESS IV REGOLI U INDIKATURI LI JIKKONĊERNAW IL-KRITERJI TAL-PROĠETTI (1) Proġett ta’ interess komuni b’impatt transfruntier sinifikanti għandu jkun proġett fit-territorju ta’ Stat Membru u għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
fir-rigward tat-trażmissjoni tal-elettriku, il-proġett iżid il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grilja, jew il-kapaċità disponibbli għall-flussi kummerċjali, fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ Stat Membru jew diversi Stati Membri oħra, bl-effett li tiżdied il-kapaċità ta’ trasferiment transfruntier tal-grilja fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ Stat Membru jew diversi Stati Membri oħra, b’mill-inqas 500 Megawatt (MW) meta mqabbla mas-sitwazzjoni jekk ma jiġix ikkummissjonat il-proġett, jew il-proġett inaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija tas-sistemi mhux interkonnessi fi Stat Membru wieħed jew aktar u jżid il-kapaċità tat-trasferiment transfruntier tal-grilja fil-fruntiera bejn żewġ Stati Membri b’tal-inqas 200 MW;
(b)
fir-rigward tal-ħżin tal-elettriku, il-proġett jipprovdi kapaċità installata ta’ mill-inqas 225 MW u jkollu kapaċità ta’ ħżin li tippermetti ġenerazzjoni annwali netta tal-elettriku ta’ mill-inqas 250 GW-h fis-sena;
(c)
fir-rigward ta’ grilji intelliġenti tal-elettriku, il-proġett ikun iddisinjat għal tagħmir u installazzjonijiet ta’ vultaġġ għoli u vultaġġ medju, u jinvolvu TSOs, TSOs u DSOs jew DSOs minn tal-inqas żewġ Stati Membri. Il-proġett jista’ jinvolvi biss DSOs dment li jkunu minn tal-inqas żewġ Stati Membri u dment li tiġi żgurata l-interoperabbiltà. Il-proġett għandu jissodisfa tal-inqas tnejn mill-kriterji li ġejjin: jinvolvi mill-inqas 50 000 utent, ġeneratur, konsumatur jew prosumatur tal-elettriku, jaqdi żona ta’ konsum ta’ mill-inqas 300GW-h fis-sena, mill-inqas 20 % tal-konsum tal-elettriku marbut mal-proġett joriġina minn diversi riżorsi rinnovabbli, jew inaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija ta’ sistemi mhux interkonnessi fi Stat Membru wieħed jew aktar. Il-proġett ma għandux għalfejn jinvolvi fruntiera komuni fiżika. Għal proġetti relatati ma’ sistemi iżolati żgħar kif definiti fil-punt (42) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944, inklużi gżejjer, dawk il-livelli ta’ vultaġġ għandhom ikunu ugwali għall-ogħla livell ta’ vultaġġ fis-sistema tal-elettriku rilevanti;
(d)
għat-trażmissjoni tal-idroġenu, il-proġett jippermetti t-trażmissjoni tal-idroġenu bejn il-fruntieri tal-Istati Membri kkonċernati, jew iżid il-kapaċità transfruntiera eżistenti għat-trasport tal-idroġenu fi fruntiera bejn żewġ Stati Membri b’mill-inqas 10 % meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel l-ikkummissjonar tal-proġett, u l-proġett juri b’mod suffiċjenti li huwa parti essenzjali ta’ network tal-idroġenu transfruntier ippjanat u jipprovdi biżżejjed provi tal-pjanijiet eżistenti u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u mal-operaturi tan-network jew, għal proġetti li jnaqqsu l-iżolament fil-qasam tal-enerġija tas-sistemi mhux interkonnessi fi Stat Membru wieħed jew aktar, il-proġett ikollu l-għan li jforni, direttament jew indirettament, mill-inqas żewġ Stati Membri;
(e)
għall-ħżin tal-idroġenu jew għall-faċilitajiet ta’ riċeviment tal-idroġenu msemmija fil-punt (3) tal-Anness II, il-proġett ikollu l-għan li jforni direttament jew indirettament mill-inqas żewġ Stati Membri;
(f)
għall-elettrolizzaturi, il-proġett jipprovdi kapaċità installata ta’ mill-inqas 50 MW ipprovduta minn elettrolizzatur wieħed jew minn sett ta’ elettrolizzaturi li jiffurmaw proġett uniku, ikkoordinat u dan ikun ta’ benefiċċju, direttament jew indirettament, għal tal-inqas żewġ Stati Membri u, b’mod speċifiku, fir-rigward tal-proġetti fuq gżejjer u sistemi tal-gżejjer, jappoġġa soluzzjonijiet innovattivi u soluzzjonijiet oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni;
(g)
għal grilji intelliġenti tal-gass, proġett jinvolvi TSOs, TSOs u DSOs, jew DSOs minn tal-inqas żewġ Stati Membri. DSOs jistgħu jiġu involuti, iżda biss bl-appoġġ tat-TSOs ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri, li huma assoċjati mill-qrib mal-proġett u jiżguraw l-interoperabbiltà;
(h)
għat-trażmissjoni ta’ elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta, il-proġett huwa mfassal biex jittrasferixxi l-elettriku minn siti ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta b’kapaċità ta’ mill-inqas 500 MW u jippermetti t-trażmissjoni tal-elettriku fi grilja fuq l-art ta’ Stat Membru speċifiku, filwaqt li jiżdied il-volum ta’ elettriku rinnovabbli disponibbli fis-suq intern. Il-proġett għandu jiġi żviluppat fiż-żoni b’penetrazzjoni baxxa ta’ elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta u għandu juri impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050 u għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-suq filwaqt li ma jfixkilx il-kapaċitajiet u l-flussi transfruntiera;
(i)
għal proġetti tad-diossidu tal-karbonju, il-proġett jintuża biex jittrasporta u, fejn applikabbli, jaħżen id-diossidu tal-karbonju antropoġeniku li joriġina minn tal-inqas żewġ Stati Membri. (2) Proġett ta’ interess reċiproku b’impatt transfruntier sinifikanti għandu jkun proġett u għandu jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet:
(a)
għal proġetti ta’ interess reċiproku fil-kategorija stabbilita fil-punt (1)(a) u (f) tal-Anness II, il-proġett iżid il-kapaċità tat-trasferiment tal-grilja, jew il-kapaċità disponibbli għall-flussi kummerċjali, fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar u jġib benefiċċji sinifikanti, direttament jew indirettament (permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz), skont il-kriterji speċifiċi elenkati fl-Artikolu 4(3), fil-livell tal-Unjoni. Il-kalkolu tal-benefiċċji għall-Istati Membri għandu jitwettaq u jiġi ppubblikat mill-ENTSO tal-Elettriku fil-qafas tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha;
(b)
għal proġetti ta’ interess reċiproku fil-kategorija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II, il-proġett tal-idroġenu jippermetti t-trażmissjoni tal-idroġenu tul il-fruntiera ta’ Stat Membru ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar u jġib benefiċċji sinifikanti, direttament jew indirettament (permezz ta’ interkonnessjoni ma’ pajjiż terz), skont il-kriterji speċifiċi elenkati fl-Artikolu 4(3), fil-livell tal-Unjoni. Il-kalkolu tal-benefiċċji għall-Istati Membri għandu jitwettaq u jiġi ppubblikat mill-ENTSO tal-Gass fil-qafas tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha;
(c)
għal proġetti ta’ interess reċiproku fil-kategorija stabbilita fil-punt (5) tal-Anness II, il-proġett jista’ jintuża għat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju antropoġeniku minn tal-inqas żewġ Stati Membri u pajjiż terz. (3) Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(a), (b), (c) (d) u (f) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:
(a)
it-trażmissjoni tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli lejn iċ-ċentri ta’ konsum u s-siti ta’ ħżin ewlenin, imkejla f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin disponibbli għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku għall-Unjoni kollha, b’mod partikolari billi:
(i)
fir-rigward tat-trażmissjoni tal-elettriku, billi jiġi stmat l-ammont tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (skont it-teknoloġija, f’MW), li jkun konness u trażmess minħabba l-proġett, meta mqabbel mal-ammont tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni totali ppjanata minn dawk it-tipi ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Istat Membru kkonċernat fl-2030 skont il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima sottomessi mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999;
(ii)
fir-rigward tal-ħżin tal-enerġija, billi tiġi mqabbla l-kapaċità ġdida pprovduta mill-proġett mal-kapaċità totali eżistenti għall-istess teknoloġija ta’ ħżin fiż-żona ta’ analiżi kif stipulata fl-Anness V;
(b)
l-integrazzjoni tas-suq, il-kompetizzjoni u l-flessibbiltà tas-sistema mkejla f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin disponibbli għall-Unjoni kollha għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku, b’mod partikolari billi:
(i)
jiġu kkalkolati, fir-rigward ta’ proġetti transfruntiera, inkluż il-proġetti ta’ investiment mill-ġdid, l-impatt fuq il-kapaċità tal-grilja li tittrasferixxi fluss tal-elettriku fiż-żewġ direzzjonijiet, imkejjel f’termini tal-ammont ta’ enerġija (f’MW), u l-kontribut tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira interkonnettiva minima ta’ 15 %, u fir-rigward tal-proġetti b’impatt transfruntier sinifikanti, l-impatt fuq il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grilja fil-fruntieri bejn l-Istati Membri rilevanti, bejn l-Istati Membri rilevanti u pajjiżi terzi jew fi ħdan l-Istati Membri rilevanti u fuq l-ibbilanċjar tad-domanda mal-provvista u l-operazzjonijiet tan-network fl-Istati Membri rilevanti;
(ii)
jiġi vvalutat l-impatt, għaż-żona ta’ analiżi kif stipulata fl-Anness V, f’termini tal-kostijiet għall-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni fis-sistema kollha tal-enerġija u l-evoluzzjoni u l-konverġenza fil-prezzijiet tas-suq ipprovduti minn proġett f’diversi xenarji ta’ ppjanar, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-varjazzjonijiet indotti fuq l-ordni ta’ mertu;
(c)
is-sigurtà tal-provvista, l-interoperabbiltà u l-operazzjoni tas-sistemi b’sigurtà mkejla f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan deċennali disponibbli għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku għall-Unjoni kollha, speċjalment billi jiġi vvalutat l-impatt tal-proġett fuq it-telf tal-aspettattiva tat-tagħbija għaż-żona ta’ analiżi kif stipulata fl-Anness V f’termini ta’ adegwatezza tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni għal sett ta’ perjodi ta’ tagħbija tipika, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-bidliet mistennija fl-avvenimenti estremi tat-temp relatati mal-klima u l-impatt tagħhom fuq ir-reżiljenza tal-infrastruttura. Fejn ikun applikabbli, għandu jitkejjel l-impatt tal-proġett fuq il-kontroll indipendenti u affidabbli tal-operazzjoni u s-servizzi tas-sistemi. (4) Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (1)(e) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:
(a)
il-livell ta’ sostenibbiltà, imkejjel billi jiġi vvalutat il-limitu tal-kapaċità tal-grilji li jikkonnettjaw u jittrasportaw l-enerġija rinnovabbli varjabbli;
(b)
is-sigurtà tal-provvista, imkejla bil-valutazzjoni tal-livell ta’ telf fin-networks ta’ distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni, jew fit-tnejn li huma, tal-perċentwal tal-użu (jiġifieri t-tagħbija medja) tal-komponenti tan-network tal-elettriku, id-disponibbiltà tal-komponenti tan-network (relatati mal-manutenzjoni ppjanata u mhux ippjanata) u l-impatt tiegħu fuq il-prestazzjonijiet tan-network, u fuq it-tul u l-frekwenza tal-interruzzjonijiet, inkluż l-interruzzjonijiet relatati mal-klima;
(c)
l-integrazzjoni tas-suq, imkejla billi tiġi vvalutata l-adozzjoni innovattiva fl-operat tas-sistema, it-tnaqqis tal-iżolament fil-qasam tal-enerġija u l-interkonnessjoni, kif ukoll il-livell ta’ integrazzjoni ta’ setturi oħra u l-iffaċilitar ta’ mudelli ta’ negozju u strutturi tas-suq ġodda;
(d)
is-sigurtà tan-network, il-flessibbiltà u l-kwalità tal-provvista, imkejla billi jiġi vvalutat l-approċċ innovattiv għall-flessibbiltà tas-sistema, iċ-ċibersigurtà, l-operabbiltà effiċjenti bejn il-livell tat-TSO u d-DSO, il-kapaċità li jiġu inklużi r-rispons għad-domanda, il-ħżin, il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, l-użu kosteffettiv tal-għodod diġitali u l-ICT għal finijiet ta’ monitoraġġ u kontroll, l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku u l-prestazzjoni tal-kwalità tal-vultaġġ. (5) Fir-rigward tal-idroġenu li jaqa’ fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (3) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:
(a)
is-sostenibbiltà mkejla bħala l-kontribut ta’ proġett għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’diversi applikazzjonijiet tal-użu finali f’setturi diffiċli biex jitrażżnu, bħall-industrija jew it-trasport; il-flessibbiltà u l-għażliet ta’ ħżin staġjonali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli; jew l-integrazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju bil-ħsieb li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq u jiġi promoss l-idroġenu rinnovabbli;
(b)
l-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tas-suq, imkejla billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għall-integrazzjoni tal-oqsma tas-suq u l-konverġenza tal-prezzijiet għall-flessibbiltà kumplessiva tas-sistema;
(c)
is-sigurtà tal-provvista u l-flessibbiltà mkejla billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għar-reżiljenza, id-diversità u l-flessibbiltà tal-provvista tal-idroġenu;
(d)
il-kompetizzjoni, imkejla bil-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-proġett għad-diversifikazzjoni tal-provvista, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess għal sorsi indiġeni tal-provvista tal-idroġenu. (6) Fir-rigward tal-proġetti ta’ grilji intelliġenti tal-gass li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (2) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:
(a)
il-livell ta’ sostenibbiltà mkejjel billi jiġi vvalutat is-sehem ta’ gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju integrati fin-network tal-gass, l-iffrankar relatat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għad-dekarbonizzazzjoni totali tas-sistema u d-detezzjoni adegwata ta’ tnixxija;
(b)
il-kwalità u s-sigurtà tal-provvista mkejla billi jiġi vvalutat il-proporzjon tal-provvista tal-gass disponibbli b’mod affidabbli mad-domanda massima, is-sehem tal-importazzjonijiet sostitwiti b’gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju, l-istabbiltà tal-operazzjoni tas-sistema tal-elettriku, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-interruzzjonijiet għal kull konsumatur;
(c)
l-abilitazzjoni ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin permezz tal-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ konnessjonijiet ma’ vetturi u setturi oħra tal-enerġija, imkejla billi jiġi vvalutat l-iffrankar tal-kostijiet li jkun jista’ jsir f’setturi u sistemi tal-enerġija konnessi, bħas-sistema tas-sħana u l-enerġija, it-trasport u l-industrija. (7) Fir-rigward tal-proġetti tal-elettrolizzaturi li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (4) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:
(a)
is-sostenibbiltà mkejla billi jiġi vvalutat is-sehem tal-idroġenu rinnovabbli, jew tal-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, partikolarment minn sorsi rinnovabbli li jissodisfa l-kriterji definiti fil-punt (4)(a)(ii) tal-Anness II integrat fin-network jew billi jiġi stmat l-ammont ta’ użu ta’ fjuwils sintetiċi b’dawn l-oriġini u l-iffrankar relatat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;
(b)
is-sigurtà tal-provvista mkejla billi tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni tagħha għas-sikurezza, l-istabbiltà u l-effiċjenza tal-operazzjoni tan-network, inkluż permezz tal-valutazzjoni tat-tnaqqis evitat tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli;
(c)
l-abilitazzjoni ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin permezz tal-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ rabtiet ma’ vetturi u setturi oħra tal-enerġija, imkejla billi jiġi vvalutat l-iffrankar tal-kostijiet li jkun jista’ jsir f’setturi u sistemi tal-enerġija konnessi, bħan-networks tal-gass, tal-idroġenu, tal-enerġija u tas-sħana, is-setturi tat-trasport u l-industrija. (8) Fir-rigward tal-infrastrutturi tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (5) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:
(a)
is-sostenibbiltà, imkejla billi jiġi vvalutat it-tnaqqis totali mistenni ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett u n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi alternattivi bħal, pereżempju, l-effiċjenza fl-enerġija, l-elettrifikazzjoni li tintegra s-sorsi rinnovabbli, biex jinkiseb l-istess livell ta’ tnaqqis ta’ gassijiet serra daqs l-ammont ta’ diossidu tal-karbonju li għandu jinqabad f’installazzjonijiet industrijali konnessi bi spiża komparabbli u skont skeda ta’ żmien komparabbli filwaqt li jitqiesu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-enerġija meħtieġa għall-qbid, it-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, kif applikabbli, filwaqt li titqies l-infrastruttura inkluż, fejn applikabbli, użi potenzjali futuri oħra;
(b)
ir-reżiljenza u s-sigurtà, imkejla billi tiġi vvalutata s-sigurtà tal-infrastruttura;
(c)
il-mitigazzjoni tal-piż u r-riskju ambjentali permezz tan-newtralizzazzjoni permanenti tad-diossidu tal-karbonju. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|