+Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni
---+Artikolu 2 1.
---+Artikolu 2 2.
---+Artikolu 2 3.
---+Artikolu 2 4.
---+Artikolu 2 5.
---+Artikolu 2 6.
---+Artikolu 2 7.
---+Artikolu 2 8.
---+Artikolu 2 9.
---+Artikolu 2 10.
---+Artikolu 2 11.

Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 2 1.

Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a) 

id-disinn u l-produzzjoni ta' prodotti, parts u tagħmir biex inġenji tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod minn persuna fiżika jew ġuridika taħt is-sorveljanza tal-Aġenzija jew Stat Membru, sa fejn mhux kopert mill-punt (b);

(b) 

id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru, kif ukoll il-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, fejn l-inġenju tal-ajru huwa jew ser ikun:

(i) 

reġistrat fi Stat Membru, għajr jekk u sakemm l-Istat Membru jkun trasferixxa r-responsabbiltajiet tiegħu skont il-Konvenzjoni ta' Chicago lil pajjiż terz u l-inġenju tal-ajru jitħaddem minn operatur tal-inġenji tal-ajru minn pajjiż terz;

(ii) 

reġistrat f'pajjiż terz u jitħaddem minn operatur tal-inġenji tal-ajru stabbilit, li jkun residenti jew li jkollu post prinċipali tan-negozju fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati;

(iii) 

inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord, li la hu reġistrat fi Stat Membru u lanqas f'pajjiż terz u li jitħaddem f'territorju li għalih japplikaw it-Trattati minn operatur tal-inġenji tal-ajru stabbilit, li jkun residenti jew li jkollu l-post prinċipali tan-negozju f'dak it-territorju;

(c) 

l-operazzjoni ta' inġenju tal-ajru lejn it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, fih jew 'il barra minnu, minn operatur tal-inġenji tal-ajru minn pajjiż terz;

(d) 

id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni tat-tagħmir tal-ajrudrom relatat mas-sikurezza li jintuża jew ikun maħsub li jintuża fl-ajrudromi msemmija fil-punt (e) u l-forniment tas-servizzi fuq l-art u AMS f'dawk l-ajrudromi;

(e) 

id-disinn, il-manutenzjoni u l-operat ta' ajrudromi, inkluż it-tagħmir relatat mas-sikurezza użat f'dawk l-ajrudromi, li jkunu jinsabu fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, li:

(i) 

ikunu miftuħa għall-użu pubbliku;

(ii) 

ikunu jaqdu t-trasport kummerċjali bl-ajru; u

(iii) 

ikollhom runway pavimentata għall-istrumenti ta' 800 metru jew aktar, jew jaqdu esklużivament lill-ħelikopters bl-użu ta' proċedura ta' approċċ jew tluq bl-istrumenti;

(f) 

mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-ambjent u l-ippjanar tal-użu tal-art, is-salvagwardja tal-inħawi tal-ajrudromi msemmija fil-punt (e);

(g) 

il-forniment ta' “ATM/ANS” fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, u d-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' sistemi u ta' kostitwenti li ntużaw fil-forniment ta' dawk l-ATM/ANS;

▼M3

(h) 

mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2024/2803 ( 1 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ispazju tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, id-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew.

▼B

Artikolu 2 2.
Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fl-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 2 3.

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a) 

inġenji tal-ajru, u l-magni, l-iskrejjen, il-parts, it-tagħmir mhux installat u t-tagħmir biex inġenju tal-ajru jiġi kkontrollat mill-bogħod tagħhom, waqt it-twettiq ta' attivitajiet jew servizzi militari, doganali, tal-pulizija, ta' tiftix u salvataġġ, tifi tan-nar, kontroll fuq il-fruntiera, tal-gwardja tal-kosta jew attivitajiet jew servizzi simili taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta' Stat Membru, imwettqa fl-interess pubbliku minn jew f'isem korp li jkollu s-setgħat ta' awtorità pubblika, u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fl-attivitajiet u s-servizzi mwettqa minn dawk l-inġenji tal-ajru;

(b) 

ajrudromi jew parts tagħhom, kif ukoll għat-tagħmir, il-persunal u l-organizzazzjonijiet, li jkunu kkontrollati u mħaddma mill-militar;

(c) 

ATM/ANS, inklużi sistemi u kostitwenti, persunal u organizzazzjonijiet, li jiġu pprovduti jew isiru disponibbli mill-militar;

(d) 

id-disinn, il-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru li l-operazzjoni tagħhom jinvolvi riskju baxx għas-sikurezza tal-avjazzjoni, kif elenkati fl-Anness I, u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fihom, ħlief jekk l-inġenji tal-ajru jkun inħarġilhom, jew ikun meqjus li nħarġilhom, ċertifikat f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Fir-rigward tal-punt (a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet u s-servizzi mwettqa mill-inġenji tal-ajru msemmija f'dak il-punt jitwettqu bil-konsiderazzjoni dovuta għall-objettivi ta' sikurezza ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, meta jkun xieraq, dawk l-inġenji tal-ajru jiġu separati b'mod sikur minn inġenji tal-ajru oħra.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago, l-inġenji tal-ajru koperti mill-Anness I għal dan ir-Regolament u reġistrati fi Stat Membru jistgħu jitħaddmu fi Stati Membri oħrajn, soġġett għall-qbil tal-Istat Membru fit-territorju li fih isseħħ l-operazzjoni. Tali inġenji tal-ajru tista' wkoll issirilhom manutenzjoni, u d-disinn tagħhom jista' jiġi modifikat, fi Stati Membri oħra, bil-kondizzjoni li dawn il-modifiki fid-disinn u dawn l-attivitajiet ta' manutenzjoni jsiru taħt is-sorveljanza tal-Istat Membru fejn ikun reġistrat l-inġenju tal-ajru u skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 2 4.

B'deroga mill-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta' paragrafu 3, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, għandhom japplikaw għad-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni ta' tip ta' inġenju tal-ajru li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punti (e), (f), (g), (h), jew (i) tal-punt 1 tal-Anness I u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, fejn:

(a) 

l-organizzazzjoni responsabbli mid-disinn ta' dak it-tip ta' inġenju tal-ajru tkun applikat għal ċertifikat tat-tip mal-Aġenzija skont l-Artikolu 11 jew, jekk applikabbli, tkun għamlet dikjarazzjoni lill-Aġenzija skont il-punt (a) tal-Artikolu 18(1) fir-rigward ta' dak it-tip ta' inġenju tal-ajru;

(b) 

dak it-tip ta' inġenju tal-ajru jkun maħsub għal produzzjoni serjali; u

(c) 

id-disinn ta' dak it-tip ta' inġenju tal-ajru ma jkunx ġie approvat qabel f'konformità mal-liġijiet nazzjonali ta' Stat Membru.

Dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, għandhom japplikaw fir-rigward tat-tip ta' inġenju tal-ajru kkonċernat mid-data li fiha jinħareġ iċ-ċertifikat tat-tip jew, jekk applikabbli, mid-data li fiha ssir id-dikjarazzjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni għaċ-ċertifikat tat-tip u l-ħruġ taċ-ċertifikat tat-tip mill-Aġenzija għandhom japplikaw mid-data meta tasal l-applikazzjoni.

Artikolu 2 5.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti nazzjonali ta’ sigurtà u difiża, u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2024/2803, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) 

il-faċilitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li huma miftuħa għall-użu pubbliku; u

(b) 

l-ATM/ANS imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li huma pprovduti għat-traffiku tal-ajru li għalihom japplika r-Regolament (UE) 2024/2803,

joffru livell ta’ sikurezza u interoperabbiltà mas-sistemi ċivili li huwa effettiv daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Annessi VII u VIII ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2 6.
Stat Membru jista' jiddeċiedi li japplika kwalunkwe waħda mit-Taqsima I, II, III, jew VII tal-Kapitolu III, jew kwalunkwe assoċjazzjoni bejniethom, għall-attivitajiet kollha jew xi wħud minnhom imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti f'dawk l-attivitajiet, meta jqis li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-attivitajiet, il-persunal u l-organizzazzjonijiet inkwistjoni u l-għan u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv.

Mid-data speċifikata f'dik id-deċiżjoni, l-attivitajiet, il-persunal u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati għandhom jiġu regolati biss mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima, jew it-Taqsimiet, ikkonċernati u mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament marbut mal-applikazzjoni ta' dawk it-taqsimiet.

L-Istat Membru kkonċernat għandu javża mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u l-Aġenzija bid-deċiżjoni tiegħu u għandu jipprovdilhom l-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari:

(a) 

it-Taqsima jew it-Taqsimiet ikkonċernati;

(b) 

l-attivitajiet, il-persunal u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati;

(c) 

ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu; u

(d) 

id-data li minnha tapplika dik id-deċiżjoni.

Fejn il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-Aġenzija, tqis li l-kondizzjoni speċifikata fl-ewwel subparagrafu ma tkunx ġiet sodisfatta, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jipprovdu d-deċiżjoni tagħha għal dak il-għan. Malli jiġi avżat b'dawk l-atti ta' implimentazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, dak l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien jieħu deċiżjoni li jimmodifika jew jirrevoka d-deċiżjoni preċedenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Aġenzija b'dan.

Mingħajr preġudizzju għar-raba' subparagrafu, Stat Membru jista' wkoll fi kwalunkwe waqt jiddeċiedi li jimmodifika jew jirrevoka d-deċiżjoni preċedenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu tiegħu adottata skont dan il-paragrafu. F'tali każijiet, għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

L-Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 id-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jkunu ġew notifikati skont dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jikkooperaw għall-fini tal-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 2 7.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw minn dan ir-Regolament id-disinn, il-manutenzjoni u l-operazzjoni ta' ajrudrom, u t-tagħmir relatat mas-sikurezza li jintuża f'dak l-ajrudrom, meta l-ajrudrom ikollu mhux aktar minn 10 000 passiġġier li jużaw trasport kummerċjali bl-ajru fis-sena u mhux aktar minn 850 moviment fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' merkanzija fis-sena, u bil-kondizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li eżenzjoni bħal din ma tipperikolax il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 33.

Mid-data speċifikata f'dik id-deċiżjoni ta' eżenzjoni tal-Istat Membru, id-disinn, il-manutenzjoni u l-operazzjoni tal-ajrudrom ikkonċernat u t-tagħmir relatat mas-sikurezza u s-servizzi fuq l-art u l-AMS f'dak l-ajrudrom, ma għandhomx jibqgħu jkunu regolati minn dan ir-Regolament u mill-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

L-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-Kummissjoni u l-Aġenzija bid-deċiżjoni ta' eżenzjoni tiegħu u r-raġuni għall-adozzjoni tagħha.

Fejn il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat l-Aġenzija, tqis li tali eżenzjoni minn Stat Membru ma tikkonformax mal-kondizzjonijiet speċifikati fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha dwar dan. Man-notifika ta' tali atti ta' implimentazzjoni lil Stat Membru kkonċernat, dak l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien jimmodifika jew jirrevoka d-deċiżjoni ta' eżenzjoni tiegħu u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b'dan.

L-Istat Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni u l-Aġenzija bl-eżenzjonijiet li jkunu taw skont l-Artikolu 4(3b) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw, fuq bażi annwali, il-figuri tat-traffiku tal-ajrudromi li huma jkunu eżentaw skont dan il-paragrafu jew l-Artikolu 4(3b) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Meta dak l-eżami juri li, matul tliet snin konsekuttivi, wieħed minn dawk l-ajrudromi jkollu aktar minn 10 000 passiġġier tat-trasport kummerċjali bl-ajru fis-sena jew aktar minn 850 moviment fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' merkanzija fis-sena, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrevoka l-eżenzjoni ta' dak l-ajrudrom. F'dak il-każ, għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija kif xieraq.

L- Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 d-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jkunu ġew notifikati skont dan il-paragrafu.

Artikolu 2 8.

Stat Membru jista' jiddeċiedi li jeżenta minn dan ir-Regolament l-attivitajiet ta' disinn, produzzjoni, manutenzjoni u operazzjoni fir-rigward ta' waħda mill-kategoriji jew iktar ta' inġenju tal-ajru li ġejjin:

(a) 

ajruplani, minbarra ajruplani mingħajr bdot abbord, li għandhom aktar minn żewġ siġġijiet, veloċità minima li tista' titkejjel jew veloċità kostanti minima ta' titjir fil-konfigurazzjoni tal-inżul li ma taqbiżx il-45 mil nawtiku fis-siegħa bħala veloċità kalibrata fl-ajru u massa massima ta' tluq (MTOM), kif irreġistrata mill-Istat Membru, ta' mhux aktar minn 600 kg għal ajruplani mhux maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma jew 650 kg għal ajruplani maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma;

(b) 

ħelikopters, minbarra ħelikopters mingħajr bdot abbord, li m'għandhomx aktar minn żewġ siġġijiet u MTOM, kif irreġistrata mill-Istat Membru, ta' mhux aktar minn 600 kg għal ħelikopters mhux maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma jew 650 kg għal ħelikopters maħsuba biex jitħaddmu fuq l-ilma;

(c) 

gliders, minbarra gliders mingħajr bdot abbord, u gliders bil-mutur, minbarra gliders bil-mutur mingħajr bdot abbord, li m'għandhomx aktar minn żewġ siġġijiet u MTOM, kif irreġistrata mill-Istat Membru, ta' aktar minn 600 kg.

Madankollu, fir-rigward tal-kategoriji tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-ewwel subparagrafu l-Istati Membri jistgħu ma jiħdux tali deċiżjoni dwar inġenju tal-ajru li fir-rigward tiegħu jkun inħareġ, jew ikun tqies li nħareġ, ċertifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew skont dan ir-Regolament jew li fir-rigward tiegħu tkun saret dikjarazzjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 2 9.
Deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda minn Stat Membru skont il-paragrafu 8 ma għandhiex iżżomm organizzazzjoni b'post tan-negozju prinċipali f'dak l-Istat Membru milli tiddeċiedi li tagħmel l-attivitajiet ta' disinn u produzzjoni tagħha fir-rigward tal-inġenju tal-ajru kopert minn dik id-deċiżjoni skont dan ir-Regolament u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Fejn tali organizzazzjoni tieħu deċiżjoni bħal din għandha tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat biha. F'tali każijiet, id-deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda mill-Istat Membru skont il-paragrafu 8 m'għandhiex tapplika għal dawk l-attivitajiet ta' disinn u produzzjoni jew għall-inġenji tal-ajru ddisinjati u prodotti bħala riżultat ta' dawk l-attivitajiet.
Artikolu 2 10.
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago, inġenji tal-ajru li għalihom tapplika d-deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda skont il-paragrafu 8 u li huma reġistrati fl-Istat Membru li jkun ħa dik id-deċiżjoni jistgħu jitħaddmu fi Stati Membri oħrajn, soġġett għall-qbil tal-Istat Membru fit-territorju li fih isseħħ l-operazzjoni. Inġenji tal-ajru bħal dawn tista' wkoll issirilhom manutenzjoni, jew id-disinn tagħhom jista' jiġi modifikat, fi Stati Membri oħrajn, bil-kondizzjoni li dawn l-attivitajiet ta' manutenzjoni u dawn il-modifiki fid-disinn isiru taħt is-sorveljanza tal-Istat Membru fejn l-inġenju tal-ajru jkun irreġistrat u skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

Kwalunkwe ċertifikat li jinħareġ fir-rigward ta' inġenji tal-ajru li għalihom tapplika deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda skont il-paragrafu 8 għandu jindika b'mod ċar li dak iċ-ċertifikat ikun inħareġ mhux skont dan ir-Regolament iżda skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat. Stati Membri oħra jistgħu jaċċettaw tali ċertifikati nazzjonali biss jekk huma stess ikunu ħadu deċiżjoni korrispondenti skont il-paragrafu 8.

Artikolu 2 11.
Kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta' eżenzjoni skont il-paragrafu 8 li tirregola l-attivitajiet ta' disinn, produzzjoni, manutenzjoni u operazzjoni tal-inġenju tal-ajru li għalih tapplika dik id-deċiżjoni għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata u għandhom iqisu l-objettivi u l-prinċipji stipulati fl-Artikoli 1 u 4 rispettivament.

L-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta' eżenzjoni skont il-paragrafu 8 għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-Kummissjoni u l-Aġenzija b'dik id-deċiżjoni u jipprovdilhom l-informazzjoni rilevanti kollha, u b'mod partikolari d-data li minnha tapplika dik id-deċiżjoni u l-kategorija ta' inġenji tal-ajru kkonċernata minnha.

Stat Membru jista' jiddeċiedi li jimmodifika jew jirrevoka deċiżjoni ta' eżenzjoni li jkun ħa skont il-paragrafu 8. F'każijiet bħal dawn, għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b'dan.

L-Aġenzija għandha tinkludi fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 id-deċiżjonijiet kollha tal-Istati Membri li jkunu ġew innotifikati skont dan il-paragrafu.

Deċiżjoni ta' eżenzjoni meħuda minn Stat Membru skont il-paragrafu 8 għandha tapplika wkoll għall-organizzazzjonijiet u l-persunal involut fl-attivitajiet ta' disinn, produzzjoni, manutenzjoni u operazzjoni li għalihom tapplika dik id-deċiżjoni.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018R1139
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.