+ANNESS I AZZJONIJIET

ANNESS I AZZJONIJIET




ANNESS I

AZZJONIJIET

Deskrizzjoni teknika tal-Programm: l-ambitu tal-azzjonijiet

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti tal-Programm għandhom jiġu implimentati skont id-deskrizzjoni teknika li ġejja:

Objettiv Speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

Il-programm għandu jimplimenta l-istrateġija Ewropea dwar l-HPC bl-appoġġ ta’ ekosistema sħiħa tal-Unjoni li tipprovdi l-HPC u l-kapaċitajiet tad-data meħtieġa għall-Ewropa biex tikkompeti globalment. L-istrateġija għandha l-għan li tiskjera HPC u infrastruttura tad-data tal-ogħla livell b’kapaċitajiet fuq skala eksa bejn l-2022 u l-2023, u b’faċilitajiet fuq skala posteksa bejn l-2026 u l-2027 biex jagħnu lill-Unjoni bi provvista ta’ teknoloġija tal-HPC indipendenti u kompetittiva tagħha stess, tilħaq l-eċċellenza fl-applikazzjonijiet tal-HPC u twessa’ d-disponibbiltà u l-użu tal-HPC.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Qafas ta’ akkwist konġunt li jippermetti approċċ kodisinnjat għall-akkwist ta’ network integrat ta’ HPC tal-ogħla livell, inkluż l-akkwist ta’ supercomputing u infrastruttura tad-data ta’ skala eksa. Dak in-network ser ikun faċilment aċċessibbli għall-utenti pubbliċi u privati, b’mod partikolari l-SMEs, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, u ser ikunu aċċessibbli faċilment għal skopijiet ta’ riċerka, skont ir-Regolament (UE) 2018/1488.

2. 

Qafas ta’ akkwist konġunt għall-akkwist ta’ infrastruttura ta’ supercomputing ta’ skala posteksa inkluż l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ computing quantum.

3. 

Il-koordinazzjoni u r-riżorsi finanzjarji xierqa fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp, l-akkwist u t-tħaddim ta’ din l-infrastruttura.

4. 

In-networking tal-HPC ta’ Stati Membri u l-kapaċitajiet ta’ data u l-appoġġ għall-Istati Membri li jkunu jixtiequ jaġġornaw jew jakkwistaw kapaċitajiet ġodda tal-HPC.

5. 

In-networking taċ-ċentri nazzjonali ta’ kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, mill-anqas wieħed għal kull Stat Membru u assoċjati maċ-ċentri nazzjonali tas-supercomputing tagħhom biex jipprovdu servizzi ta’ HPC lill-industrija, b’mod partikolari lill-SMEs, il-komunità akkademika u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

6. 

L-implimentazzjoni ta’ teknoloġija lesta biex tintuża operattiva, b’mod partikolari is-supercomputing bħala servizz li jirriżulta mir-riċerka u l-innovazzjoni biex tinbena ekosistema tal-HPC Ewropea integrata, li tkopri s-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiku u industrijali (hardware, software, applikazzjonijiet, servizzi, interkonnessjonijiet u ħiliet diġitali avvanzati).

Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

Il-Programm għandu jibni u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-IA ewlenin fl-Ewropa, inkluż ir-riżorsi tad-data u r-repożitorji ta’ algoritmi, u jagħmilhom aċċessibbli għal-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji kollha, u għandu jsaħħaħ u jagħmel network ta’ faċilitajiet eżistenti u dawk stabbiliti reċentement tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni tal-IA fl-Istati Membri.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data li jagħmlu d-data madwar l-Ewropa aċċessibbli, inkluż informazzjoni miġbura mill-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, u jsiru sors ta’ input tad-data għal soluzzjonijiet tal-IA. L-ispazji jenħtieġ li jkunu miftuħa għas-setturi pubbliċi u privati. Għal aktar użu, id-data fi ħdan spazju trid issir interoperabbli, b’mod partikolari permezz ta’ formati ta’ data li huma miftuħa, jinqraw mill-magni, standardizzati u dokumentati, kemm fl-interazzjonijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati, kif ukoll fi ħdan is-setturi u bejn is-setturi (l-interoperabbiltà semantika).

2. 

L-iżvilupp ta’ libreriji jew interfaċċi komuni Ewropej għal libreriji ta’ algoritmi li jagħmluhom faċilment aċċessibbli għall-utenti Ewropej potenzjali kollha fuq il-bażi ta’ termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji. In-negozji u s-settur pubbliku jridu jkunu jistgħu jidentifikaw u jakkwistaw kwalunkwe soluzzjoni li taħdem l-aħjar għall-bżonnijiet tagħhom.

3. 

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f’faċilitajiet ta’ referenza tal-ogħla livell għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni f’ambjent reali li jiffoka fuq l-applikazzjonijiet tal-IA f’setturi essenzjali bħas-saħħa, il-monitoraġġ tad-dinja jew tal-ambjent, it-trasport u l-mobbiltà, is-sigurtà, il-manifattura u l-finanzi, kif ukoll f’oqsma oħra ta’ interess pubbliku. Dawk il-faċilitajiet iridu jkunu miftuħa għall-atturi kollha madwar l-Ewropa u konnessi man-network ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Dawk il-faċilitajiet iridu jiġu attrezzati bi jew konnessi ma’ faċilitajiet kbar ta’ computing u li jipproċessaw id-data, kif ukoll bl-aħħar teknoloġiji tal-IA, inklużi oqsma emerġenti bħall-computing newromorfiku, l-apprendiment profond u r-robotika.

▼M2

Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

Il-Programm għandu jistimula t-tisħiħ, il-bini u l-ksib ta’ kapaċitajiet essenzjali biex jiġi assigurati l-ekonomija diġitali, is-soċjetà u d-demokrazija tal-Unjoni permezz tat-tisħiħ tal-potenzjal industrijali u tal-kompetittività fl-ambitu taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, kif ukoll biex jitjiebu l-kapaċitajiet kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku biex jiġu protetti ċ-ċittadini u n-negozji mit-theddidiet ċibernetiċi, inkluż permezz tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148.

L-azzjonijiet inizjali u, fejn jkun xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti skont dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f’tagħmir avvanzat għaċ-ċibersigurtà, f’infrastruttura u f’know-how li huma essenzjali għall-ħarsien tal-infrastrutturi kritiċi u s-Suq Uniku Diġitali inġenerali. Tali koinvestiment jista’ jinkludi investimenti f’faċilitajiet kwantistiċi u riżorsi tad-data għas-ċibersigurtà, l-għarfien tas-sitwazzjoni fiċ-ċiberspazju inklużi ċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u ċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri li jiffurmaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, kif ukoll f’għodod oħra li jridu jkunu disponibbli għas-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa kollha;

2. 

It-titjib tal-kapaċitajiet teknoloġiċi eżistenti u n-networking ta’ ċentri ta’ kompetenza fl-Istati Membri u li jiġi żgurat li dawk il-kapaċitajiet jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tal-industrija, inkluż permezz ta’ prodotti u servizzi li jsaħħu ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja fi ħdan is-Suq Uniku Diġitali;

3. 

Il-garanzija ta’ użu wiesa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ ċibersigurtà u fiduċja effettivi u mill-aktar avvanzati fl-Istati Membri kollha. Tali użu jinkludi t-tisħiħ tas-sigurtà u tas-sikurezza ta’ prodotti, mid-disinn sal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

4. 

L-appoġġ għall-għeluq tad-distakk fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn il-ġeneri, billi, pereżempju, jiġu allinjati l-programmi tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà, jiġu adattati għall-ħtiġijiet settorjali speċifiċi u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-taħriġ speċjalizzat immirat;

5. 

Il-promozzjoni tas-solidarjetà fost l-Istati Membri fit-tħejjija u fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira permezz tal-użu ta’ servizzi ta’ ċibersigurtà f’livell transfruntier, inkluż l-appoġġ għall-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti fil-livell tal-Unjoni.

▼B

Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet diġitali Avvanzati

Il-Programm għandu jappoġġa l-aċċess għal ħiliet diġitali avvanzati u opportunitajiet ta’ taħriġ dwar dawk il-ħiliet, b’mod partikolari, fil-HPC, fl-analitika tal-big data, fl-IA, fit-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain) u fiċ-ċibersigurtà għall-forza tax-xogħol attwali u futura, billi, fost l-oħrajn, l-istudenti, il-gradwati reċenti, il-ħaddiema attwali u ċ-ċittadini ta’ kull età bi bżonn ta’ titjib tal-ħiliet, ikunu fejn ikunu, jiġu offruti l-mezzi biex jakkwistaw u jiżviluppaw dawk il-ħiliet.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Aċċess għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol bil-parteċipazzjoni f’apprendistati f’ċentri tal-kompetenza u f’negozji li jużaw teknoloġiji diġitali avvanzati.

2. 

Aċċess għal korsijiet f’teknoloġiji diġitali avvanzati li jridu jiġu offruti mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, istituzzjonijiet ta’ riċerka u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni professjonali tal-industrija b’kooperazzjoni mal-korpi involuti fil-Programm (is-suġġetti mistennija jinkludu l-IA, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain), il-HPC u t-teknoloġiji quantum).

3. 

Parteċipazzjoni f’taħriġ professjonali speċjalizzat, għal terminu qasir li ġew preċertifikati, pereżempju fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

L-interventi għandhom jiffokaw fuq ħiliet diġitali avvanzati relatati ma’ teknoloġiji speċifiċi.

Il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej previsti fl-Artikolu 16 għandhom jaġixxu bħala faċilitaturi għall-opportunitajiet ta’ taħriġ, b’kollegament mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà

Proġetti li jipprevedu l-implimentazzjoni u l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali jew l-interoperabilità għandhom jikkostitwixxu proġetti ta’ interess komuni.

I. L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv relatati mat-trasformazzjoni diġitali ta’ oqsma ta’ interess pubbliku għandhom jinkludu:

1. 

L-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi:

1.1. 

Appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku fl-oqsma kollha tal-politika, billi jinħolqu, fejn meħtieġ, ir-reġistri meħtieġa u l-interkonnessjoni tagħhom b’konformità sħiħa mar-Regolament(UE) 2016/679.

1.2. 

Appoġġ għat-tfassil, il-pilotaġġ, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni, l-evoluzzjoni u l-promozzjoni ta’ ekosistema koerenti ta’ infrastruttura tas-servizzi diġitali transfruntiera u jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet u oqsfa komuni fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi li huma mingħajr xkiel minn tarf sa tarf, siguri, interoperabbli, multilingwi, transfruntiera jew transsettorjali. Għandhom jiġu inklużi wkoll metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-impatt u l-benefiċċji.

1.3. 

Appoġġ għall-valutazzjoni, l-aġġornament u l-promozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet u standards komuni eżistenti kif ukoll l-iżvilupp, l-istabbiliment u l-promozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet ġodda komuni, speċifikazzjonijiet u standards miftuħa permezz tal-pjattaformi ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni u b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew internazzjonali kif xieraq.

1.4. 

Kooperazzjoni lejn ekosistema Ewropea għal infrastrutturi affidabbli, possibbilment bl-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain), li jinkludu l-appoġġ għal interoperabbiltà u standardizzazzjoni u li jrawmu l-użu ta’ applikazzjonijiet transfruntiera tal-Unjoni.

2. 

Is-Saħħa

2.1. 

Jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom kontroll fuq id-data personali tagħhom u jkunu jistgħu jaċċessaw, jikkondividu, jużaw u jiġġestixxu d-data personali tas-saħħa tagħhom bejn il-fruntieri b’mod sigur u b’mod li jiggarantixxi l-privatezza tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu jew fejn tinsab id-data, b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Titlesta l-infrastruttura Ewropea ta’ servizzi diġitali tas-Saħħa elettronika u tiġi estiża permezz ta’ servizzi diġitali ġodda fir-rigward tal-prevenzjoni tal-mard, is-saħħa u l-kura u tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ tali servizzi, li jibni fuq appoġġ wiesa’ mill-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, b’mod partikolari fin-Network tas-Saħħa elettronika skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ).

2.2. 

Issir disponibbli data aħjar għar-riċerka, il-prevenzjoni tal-mard u s-saħħa u l-kura personalizzati. Jiġi żgurat li r-riċerkaturi tas-saħħa u prattikanti kliniċi Ewropej ikollhom aċċess għall-iskala meħtieġa ta’ riżorsi (spazji ta’ data kondiviża, inkluż il-ħżin tad-data u l-computing, għarfien espert u kapaċitajiet analitiċi) biex jinkisbu s-suċċessi rivoluzzjonarji f’mard ewlieni kif ukoll f’mard rari. Il-mira hija li jiġi żgurat koort ibbażat fuq il-popolazzjoni ta’ mill-inqas 10 miljun ċittadin.

2.3. 

Isiru disponibbli għodod diġitali għat-tisħiħ tas-setgħat taċ-ċittadini u għall-kura ċċentrata fuq il-persuna billi jiġi appoġġat l-iskambju tal-aħjar prattiki u dawk innovattivi fis-saħħa diġitali, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika, b’mod partikolari għaċ-ċibersigurtà, l-IA u l-HPC.

3. 

Il-ġudikatura

Ikun hemm komunikazzjoni elettronika bla xkiel u sigura bejn il-fruntieri fi ħdan il-ġudikatura u bejn il-ġudikatura u korpi oħra kompetenti oħra fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kriminali. Jitjieb l-aċċess għall-ġustizzja u għall-informazzjoni ġuridika u l-proċeduri għaċ-ċittadini, in-negozji, il-ġuristi u l-membri tal-ġudikatura billi jkunu pprovduti interkonnessjonijiet mal-bażijiet tad-data u r-reġistri kif ukoll bl-iffaċilitar ta’ soluzzjoni tat-tilwim straġudizzjarja online. Jiġu promossi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għall-qrati u l-professjoni legali bbażati, fost l-oħrajn, fuq soluzzjonijiet tal-IA li probabbilment jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri (pereżempju, applikazzjonijiet “tekniċi ġuridiċi”).

▼M3

4. 

It-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija u l-ambjent

Jiġu implimentati soluzzjonijiet deċentralizzati u infrastruttura meħtieġa għal applikazzjonijiet diġitali fuq skala kbira bħal sewqan awtomatizzat konness, vetturi tal-ajru, tal-art, tal-wiċċ u ta’ taħt l-ilma mingħajr bdot abbord, kunċetti ta’ mobbiltà intelliġenti, bliet intelliġenti, żoni rurali intelliġenti jew reġjuni ultraperiferiċi, b’appoġġ għall-politiki tat-trasport, tal-enerġija u tal-ambjent u f’koordinazzjoni mal-azzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni tas-setturi tat-trasport u tal-enerġija taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa..

▼B

5. 

Edukazzjoni, kultura u midja

Jingħata aċċess lill-kreaturi, lill-industrija kreattiva u lis-setturi kulturali fl-Ewropa għall-aħħar teknoloġiji diġitali mill-IA għall-computing avvanzat. Jiġi sfruttat il-wirt kulturali Ewropew, inkluż Europeana, biex tiġi appoġġata l-edukazzjoni u r-riċerka u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-koeżjoni soċjali u s-soċjetà Ewropea. Jiġi appoġġat it-teħid ta’ teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni, kif ukoll fl-istituzzjonijiet kulturali finanzjati privatament jew pubblikament.

6. 

Azzjonijiet oħra li jappoġġaw is-Suq Uniku Diġitali

Jiġu appoġġati azzjonijiet bħat-trawwim tal-litteriżmu diġitali u tal-media u jiżdied l-għarfien fost il-minorenni, il-ġenituri u l-għalliema dwar ir-riskji li l-minuri jistgħu jiltaqgħu magħhom online u l-mezzi sabiex jipproteġuhom, l-indirizzar tal-intimidazzjoni elettronika u t-tixrid ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal online permezz tal-appoġġ lil network pan-Ewropew ta’ Ċentri għal Internet aktar Sikur. Jiġu promossi miżuri mmirati lejn is-sejba u l-ġlieda kontra t-tixrid ta’ diżinformazzjoni intenzjonali, biex b’hekk iżidu r-reżiljenza globali tal-Unjoni; jiġi appoġġat osservatorju tal-Unjoni għall-ekonomija tal-pjattaforma diġitali kif ukoll għall-istudji u għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

L-azzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 6 jistgħu jkunu parzjalment sostnuti mill-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej permezz tal-istess kapaċitajiet żviluppati biex jgħinu lill-industrija fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom (ara l-punt II).

II. L-azzjonijiet inizjali u, fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv relatati mat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija għandhom jinkludu:

Il-kontribut għall-espansjoni tan-network tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej biex jiġi żgurat aċċess għall-kapaċitajiet diġitali għal kwalunkwe negozju, b’mod partikolari l-SMEs, fi kwalunkwe reġjun madwar l-Unjoni. Tali kontribuzzjoni tinkludi:

1. 

Aċċess għall-ispazji komuni Ewropej tad-data u l-pjattaformi tal-IA u għall-faċilitajiet tal-HPC Ewropej għall-analiżi tad-data u għall-applikazzjonijiet intensivi tal-computing

2. 

Aċċess għall-faċilitajiet ta’ ttestjar tal-IA fuq skala kbira u għodod avvanzati taċ-ċibersigurtà

3. 

Aċċess għall-ħiliet diġitali avvanzati

L-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ser ikunu kkoordinati ma’, u ser jikkomplementaw, l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni f’teknoloġiji diġitali appoġġati, b’mod partikolari, taħt Orizzont Ewropa, kif ukoll investimenti fil-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej appoġġati taħt il-FEŻR. Jistgħu jingħataw ukoll għotjiet għar-replikazzjoni tas-suq mill-Programm, b’konformità mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat. Appoġġ għall-aċċess biex jiġu ffinanzjati aktar passi fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom ser jinkiseb bl-istrumenti finanzjarji li jagħmlu użu mill-Programm InvestEU.

▼M1

Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

L-azzjonijiet tal-Objettiv Speċifiku 6 huma pprovduti fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/1781.

▼B

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 23.12.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32021R0694
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.