+Artikolu 9 1.

Artikolu 9 1.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal bini mhux residenzjali li jiżguraw li dak li bini ma jeċċedix il-livell limitu massimu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija speċifikat, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, espress b’indikatur numeriku tal-użu ta’ enerġija primarja jew finali f’kWh/(m2.y), sad-dati speċifikati fil-ħames subparagrafu.

Il-livelli limitu massimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-istokk tal-bini mhux residenzjali fl-1 ta’ Jannar 2020, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u, fejn xieraq, fuq kampjunar statistiku. L-Istati Membri għandhom jeskludu mil-linja bażi l-bini mhux residenzjali li jeżentaw skont il-paragrafu 6.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi livell limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-sens li 16 % tal-istokk nazzjonali tal-bini mhux residenzjali tiegħu jkun ogħla minn dak il-livell limitu (“il-limitu ta’ 16 %”). Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi wkoll livell limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-sens li 26 % tal-istokk nazzjonali tal-bini mhux residenzjali tiegħu jkuna ogħla minn dak il-livell limitu (“li-livell limitu ta’ 26 %”). L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livelli limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija b’referenza għall-istokk nazzjonali tal-bini mhux residenzjali bħala ammont globali jew skont it-tip ta’ bini jew kategorija ta’ bini.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livelli limitu f’livell li jikkorrispondi għal klassi speċifika ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija dment li dawn jikkonformaw mal-livelli limitu stabbiliti fii-tielet subparagrafu.

L-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiżguraw, tal-inqas, li l-bini mhux residenzjali kollu jkun taħt:

(a) 

il-livell limitu ta’ 16 % mill-2030; u

(b) 

il-livell limitu ta’ 26 % mill-2033.

Il-konformità tal-bini mhux residenzjali individwali mal-livelli limitu għandha tiġi vverifikata abbażi taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew, fejn xieraq, ta’ mezzi oħra disponibbli.

Fil-pjanijiet direzzjonali tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skedi ta’ żmien speċifiċi għall-bini mhux residenzjali biex jikkonformaw ma’ livelli limitu massimi aktar baxxi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija sal-2040 u l-2050, f’konformità mal-perkors għat-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali f’bini b’emissjonijiet żero.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu u jippubblikaw kriterji biex jeżentaw bini mhux residenzjali individwali, fid-dawl tal-użu futur mistenni ta’ dak il-bini,fid-dawl ta’ diffikultà serja jew fil-każ ta’ valutazzjoni mhux favorevoli tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, mir-rekwiżiti f’dan il-paragrafu. Kwalunkwe kriterju bħal dan għandu jkun ċar, preċiż u strett u għandu jiżgura trattament ugwali bejn il-bini mhux residenzjali. Meta jistabbilixxu dawk il-kriterji, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-valutazzjoni ex ante tas-sehem potenzjali tal-bini mhux residenzjali kopert u għandhom jevitaw li jiġi eżentat għadd sproporzjonat ta’ bini mhux residenzjali. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar il-kriterji bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini tagħhom ippreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3.

Meta l-Istati Membri jistabbilixxu kriterji għall-eżenzjonijiet skont iit-tmien subparagrafu, huma għandhom jiksbu titjib ekwivalenti fir-rendiment fl-użu tal-enerġija f’partijiet oħra tal-istokk tal-bini mhux residenzjali.

Fejn ir-rinnovazzjoni ġenerali meħtieġa biex jinkisbu l-limiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija speċifikati f’dan il-paragrafu jkollha valutazzjoni mhux favorevoli tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għal bini mhux residenzjali partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, għal dak il-bini mhux residenzjali partikolari, jiġu implimentati mill-inqas dawk il-miżuri ta’ rinnovazzjoni individwali b’valutazzjoni favorevoli tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji.

Sal-punt li l-istokk tal-bini mhux residenzjali nazzjonali, jew parti minnu, issirlu ħsara serja minħabba diżastru naturali, Stat Membru jista’ jaġġusta temporanjament il-limitu massimu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sabiex ir-rinnovazzjoni tal-enerġija ta’ bini mhux residenzjali li tkun saritlu ħsara tissostitwixxi r-rinnovazzjoni tal-enerġija ta’ bini mhux residenzjali ieħor bl-agħar rendiment, filwaqt li jiżgura li perċentwal simili tal-istokk tal-bini mhux residenzjali jgħaddi minn rinnovazzjoni tal-enerġija. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jirrapporta l-aġġustament u t-tul projettat tiegħu fil-pjan nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini tiegħu.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 24.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L1275
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.