+Artikolu 9 Standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal bini mhux residenzjali u trajettorji għal rinnovazzjoni progressiva tal-istokk tal-bini residenzjali
---+Artikolu 9 1.
---+Artikolu 9 2.
---+Artikolu 9 3.
---+Artikolu 9 4.
---+Artikolu 9 5.
---+Artikolu 9 6.
---+Artikolu 9 7.
---+Artikolu 9 8.

Artikolu 9 Standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal bini mhux residenzjali u trajettorji għal rinnovazzjoni progressiva tal-istokk tal-bini residenzjali

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 9 1.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal bini mhux residenzjali li jiżguraw li dak li bini ma jeċċedix il-livell limitu massimu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija speċifikat, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, espress b’indikatur numeriku tal-użu ta’ enerġija primarja jew finali f’kWh/(m2.y), sad-dati speċifikati fil-ħames subparagrafu.

Il-livelli limitu massimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-istokk tal-bini mhux residenzjali fl-1 ta’ Jannar 2020, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u, fejn xieraq, fuq kampjunar statistiku. L-Istati Membri għandhom jeskludu mil-linja bażi l-bini mhux residenzjali li jeżentaw skont il-paragrafu 6.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi livell limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-sens li 16 % tal-istokk nazzjonali tal-bini mhux residenzjali tiegħu jkun ogħla minn dak il-livell limitu (“il-limitu ta’ 16 %”). Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi wkoll livell limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-sens li 26 % tal-istokk nazzjonali tal-bini mhux residenzjali tiegħu jkuna ogħla minn dak il-livell limitu (“li-livell limitu ta’ 26 %”). L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livelli limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija b’referenza għall-istokk nazzjonali tal-bini mhux residenzjali bħala ammont globali jew skont it-tip ta’ bini jew kategorija ta’ bini.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livelli limitu f’livell li jikkorrispondi għal klassi speċifika ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija dment li dawn jikkonformaw mal-livelli limitu stabbiliti fii-tielet subparagrafu.

L-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiżguraw, tal-inqas, li l-bini mhux residenzjali kollu jkun taħt:

(a) 

il-livell limitu ta’ 16 % mill-2030; u

(b) 

il-livell limitu ta’ 26 % mill-2033.

Il-konformità tal-bini mhux residenzjali individwali mal-livelli limitu għandha tiġi vverifikata abbażi taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew, fejn xieraq, ta’ mezzi oħra disponibbli.

Fil-pjanijiet direzzjonali tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skedi ta’ żmien speċifiċi għall-bini mhux residenzjali biex jikkonformaw ma’ livelli limitu massimi aktar baxxi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija sal-2040 u l-2050, f’konformità mal-perkors għat-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali f’bini b’emissjonijiet żero.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu u jippubblikaw kriterji biex jeżentaw bini mhux residenzjali individwali, fid-dawl tal-użu futur mistenni ta’ dak il-bini,fid-dawl ta’ diffikultà serja jew fil-każ ta’ valutazzjoni mhux favorevoli tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, mir-rekwiżiti f’dan il-paragrafu. Kwalunkwe kriterju bħal dan għandu jkun ċar, preċiż u strett u għandu jiżgura trattament ugwali bejn il-bini mhux residenzjali. Meta jistabbilixxu dawk il-kriterji, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-valutazzjoni ex ante tas-sehem potenzjali tal-bini mhux residenzjali kopert u għandhom jevitaw li jiġi eżentat għadd sproporzjonat ta’ bini mhux residenzjali. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar il-kriterji bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini tagħhom ippreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3.

Meta l-Istati Membri jistabbilixxu kriterji għall-eżenzjonijiet skont iit-tmien subparagrafu, huma għandhom jiksbu titjib ekwivalenti fir-rendiment fl-użu tal-enerġija f’partijiet oħra tal-istokk tal-bini mhux residenzjali.

Fejn ir-rinnovazzjoni ġenerali meħtieġa biex jinkisbu l-limiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija speċifikati f’dan il-paragrafu jkollha valutazzjoni mhux favorevoli tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għal bini mhux residenzjali partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, għal dak il-bini mhux residenzjali partikolari, jiġu implimentati mill-inqas dawk il-miżuri ta’ rinnovazzjoni individwali b’valutazzjoni favorevoli tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji.

Sal-punt li l-istokk tal-bini mhux residenzjali nazzjonali, jew parti minnu, issirlu ħsara serja minħabba diżastru naturali, Stat Membru jista’ jaġġusta temporanjament il-limitu massimu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sabiex ir-rinnovazzjoni tal-enerġija ta’ bini mhux residenzjali li tkun saritlu ħsara tissostitwixxi r-rinnovazzjoni tal-enerġija ta’ bini mhux residenzjali ieħor bl-agħar rendiment, filwaqt li jiżgura li perċentwal simili tal-istokk tal-bini mhux residenzjali jgħaddi minn rinnovazzjoni tal-enerġija. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jirrapporta l-aġġustament u t-tul projettat tiegħu fil-pjan nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini tiegħu.

Artikolu 9 2.
Sad-29 ta’ Mejju 2026, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi trajettorja nazzjonali għar-rinnovazzjoni progressiva tal-istokk tal-bini residenzjali f’konformità mal-pjan direzzjonali nazzjonali u l-miri għall-2030, l-2040 u l-2050 li jinsabu fil-pjan nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini tal-Istat Membru u bil-għan li l-istokk tal-bini nazzjonali jiġi trasformat fi stokk ta’ bini b’emissjonijiet żero sal-2050. It-trajettorja nazzjonali għar-rinnovazzjoni progressiva tal-istokk tal-bini residenzjali għandha tiġi espressa bħala tnaqqis fl-użu medju ta’ enerġija primarja f’kWh/(m2.y) tal-istokk tal-bini residenzjali kollu matul il-perjodu 2020 sa 2050, u għandha tidentifika l-għadd ta’ bini residenzjali u unitajiet residenzjali f’bini jew erja tal-art li għandha tiġi rinnovata kull sena, inkluż l-għadd jew l-erja ta’ art tat-43 % tal-bini residenzjali u tal-unitajiet residenzjali f’bini bl-agħar rendiment

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu medju tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y) tal-istokk kollu tal-bini residenzjali:

(a) 

jonqos b’mill-inqas 16 % sal-2030 meta mqabbel mal-2020;

(b) 

jonqos b’mill-inqas 20-22 % sal-2035 meta mqabbel mal-2020;

(c) 

sal-2040, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, ikun ekwivalenti għal, jew inqas mill-valur iddeterminat fil-livell nazzjonali derivat minn tnaqqis progressiv tal-użu medju tal-enerġija primarja mill-2030 sal-2050 f’konformità mat-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini residenzjali fi stokk tal-bini b’emissjonijiet żero.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas 55 % tat-tnaqqis tal-użu medju tal-enerġija primarja msemmi fit-tielet subparagrafu jinkiseb permezz tar-rinnovazzjoni tat-43 % tal-bini residenzjali bl-agħar rendiment. L-Istati Membri jistgħu jgħoddu t-tnaqqis fl-użu medju tal-enerġija primarja miksub mir-rinnovazzjoni tal-bini residenzjali affettwat minn diżastri naturali bħat-terremoti u l-għargħar mas-sehem miksub permezz tar-rinnovazzjoni tat-43 % tal-bini residenzjali bl-agħar rendiment.

Fl-isforzi ta’ rinnovazzjoni tagħhom biex jiksbu t-tnaqqis meħtieġ fl-użu medju tal-enerġija primarja tal-istokk kollu tal-bini residenzjali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri bħal standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, assistenza teknika u miżuri ta’ appoġġ finanzjarju.

Fl-isforzi ta’ rinnovazzjoni tagħhom, l-Istati Membri ma għandhomx jeżentaw b’mod sproporzjonat bini jew unitajiet ta’ bini residenzjali għall-kiri..

Fil-pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-metodoloġija użata u d-data miġbura għall-istima tal-valuri msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi. Bħala parti mill-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-bini, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-kisba tal-valuri msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi, inkluż l-għadd ta’ bini u unitajiet tal-bini jew l-erja tal-art tat-43 % tal-bini residenzjali bl-agħar rendiment, u tagħmel rakkomandazzjonijiet fejn meħtieġ. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu użu aktar estensiv tal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

It-trajettorja nazzjonali għar-rinnovazzjoni progressiva tal-istokk tal-bini residenzjali għandha tirreferi għal data dwar l-istokk nazzjonali ta’ bini residenzjali, abbażi, kif xieraq, ta’ kampjuni statistiċi u ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

Jekk is-sehem medju ta’ fjuwils fossili tal-użu tal-enerġija f’bini residenzjali jkun inqas minn 15 %, l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw il-livelli stabbiliti fil-punti (a) u (b) tat-tielet subparagrafu, biex jiżguraw li l-użu medju tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y) tal-istokk kollu tal-bini residenzjali sal-2030, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, ikun ekwivalenti għal, jew inqas minn valur iddeterminat fil-livell nazzjonali derivat minn tnaqqis lineari tal-użu medju tal-enerġija primarja mill-2020 sal-2050 f’konformità mat-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini residenzjali fi stokk tal-bini b’emissjonijiet żero.

Artikolu 9 3.
Minbarra l-użu ta’ enerġija primarja msemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu indikaturi addizzjonali ta’ użu ta’ enerġija primarja rinnovabbli u mhux rinnovabbli, u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra operazzjonali f’kgCO2eq/(m2.y). Sabiex jiġi żgurat tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra operazzjonali, l-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom iqisu l- [Artikolu 15a(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
Artikolu 9 4.

F’konformità mal-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-konformità mal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija bil-miżuri kollha li ġejjin:

(a) 

jiġu pprovduti miżuri finanzjarji xierqa, b’mod partikolari dawk immirati lejn unitajiet domestiċi vulnerabbli, persuni affettwati mill-faqar enerġetiku jew, fejn applikabbli, li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, f’konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2023/1791;

(b) 

l-għoti ta’ assistenza teknika, inkluż permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz b’enfasi partikolari fuq unitajiet domestiċi vulnerabbli u, fejn applikabbli, persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, f’konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2023/1791;

(c) 

it-tfassil ta’ skemi integrati ta’ finanzjament, li jipprovdu inċentivi għal rinnovazzjonijiet profondi u rinnovazzjonijiet profondi fi stadji, skont l-Artikolu 17;

(d) 

it-tneħħija ta’ ostakli mhux ekonomiċi, inklużi inċentivi opposti; u

(e) 

il-monitoraġġ tal-impatti soċjali, b’mod partikolari fuq l-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli.

Artikolu 9 5.
Meta bini jiġi rinnovat biex jikkonforma ma’ standard minimu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-elementi tal-bini skont l-Artikolu 5 u, fil-każ ta’ rinnovazzjoni maġġuri, mar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini eżistenti skont l-Artikolu 8.
Artikolu 9 6.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għall-kategoriji tal-bini li ġejjin:

(a) 

bini protett uffiċjalment bħala parti minn ambjent deżinjat jew minħabba l-mertu arkitettoniku jew storiku speċjali tiegħu, jew bini ieħor ta’ wirt kulturali, sa fejn il-konformità mal-istandards tbiddel b’mod inaċċettabbli l-karattru jew l-apparenza tiegħu, jew jekk ir-rinnovazzjoni tiegħu mhijiex teknikament jew ekonomikament fattibbli;

(b) 

bini użat bħala postijiet ta’ qima u għal attivitajiet reliġjużi;

(c) 

bini temporanju b’perjodu ta’ użu ta’ sentejn jew anqas, siti industrijali, postijiet tax-xogħol u bini agrikolu mhux residenzjali b’domanda baxxa ta’ enerġija u bini agrikolu mhux residenzjali li jintużaw minn settur kopert minn ftehim settorjali dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija;

(d) 

bini residenzjali li huwa użat jew maħsub biex jintuża jew għal inqas minn erba’ xhur ta’ matul is-sena jew, inkella, għal żmien limitat ta’ kull sena u b’konsum ta’ enerġija maħsub li jkun ta’ inqas minn 25 % ta’ dak li aktarx jirriżulta li kieku jintuża s-sena kollha;

(e) 

bini maqtugħ għalih b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ anqas minn 50 m2;

(f) 

bini li jkun proprjetà tal-forzi armati jew tal-gvern ċentrali u li jaqdi skopijiet ta’ difiża nazzjonali, minbarra postijiet ta’ għajxien uniċi jew bini ta’ uffiċċji għall-forzi armati u persunal ieħor impjegat mill-awtoritajiet tad-difiża nazzjonali.

Artikolu 9 7.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, inklużi mekkaniżmi xierqa ta’ monitoraġġ u penali f’konformità mal-Artikolu 34.

Meta jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni finanzjarja u l-aċċess għal appoġġ finanzjarju adegwat tas-sidien tad-djar, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli.

Artikolu 9 8.

Sal-31 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni għandha, b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u b’kont dovut meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, tippreżenta analiżi b’mod partikolari dwar:

(a) 

l-effettività ta’, l-adegwatezza tal-livell ta’, l-ammont attwali użat minn, u t-tipi ta’ strumenti wżati fir-rigward ta’ fondi strutturali u l-programmi qafastal-Unjoni, inkluż finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment, għat-titjib tar-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija, speċjalment fid-djar;

(b) 

l-effettività ta’, l-adegwatezza tal-livell ta’ u t-tipi ta’ strumenti u u t-tipi ta’ miżuri wżati fir-rigward ta’ fondi mill-istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi;

(c) 

il-koordinazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni u nazzjonali u tipi oħra ta’ miżuri li jistgħu jaġixxu bħala lieva biex jiġi stimulat l-investiment fir-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija u l-adegwatezza ta’ tali finanzjament biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni.

Abbażi ta’ dik l-analiżi, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività u l-adegwatezza tal-istrumenti ta’ finanzjament għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, b’mod partikolari dawk bl-agħar prestazzjoni.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 24.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L1275
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.