+Artikolu 28 Ekwivalenza tal-miżuri ta’ monitoraġġ, ta’ rappurtar u ta’ verifika
---+Artikolu 28 1
---+Artikolu 28 2
---+Artikolu 28 3
---+Artikolu 28 4
---+Artikolu 28 5
---+Artikolu 28 6
---+Artikolu 28 7
---+Artikolu 28 8

Artikolu 28 Ekwivalenza tal-miżuri ta’ monitoraġġ, ta’ rappurtar u ta’ verifika

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 28 1

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-importaturi għandhom juru, u jirrapportaw f’konformità mal-Artikolu 27(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti li l-kuntratti konklużi jew imġedda fi jew wara l-4 ta’ Awwissu 2024 għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam prodott barra mill-Unjoni jkopru biss iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam li huwa soġġett għal miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika applikati fil-livell tal-produttur li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 28 2

2.   Għal kuntratti konklużi qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam prodott barra mill-Unjoni, l-importaturi għandhom iwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirrikjedu li ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam ikunu soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika applikati fil-livell tal-produttur li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-isforzi jistgħu jinkludu l-emendar ta’ dawk il-kuntratti.

Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-importaturi għandhom jinfurmaw kull sena lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti bir-riżultati ta’ dawn l-isforzi, bħala parti mill-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 27(1) u, f’każ ta’ falliment, jipprovdu ġustifikazzjoni tajba lil dawk l-awtoritajiet kompetenti għal tali nuqqas u jistabilixxu l-azzjonijiet li jkunu ħadu bħala parti minn dawk l-isforzi.

Artikolu 28 3

3.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet li jkun fihom klawżoli mudell fakultattivi relatati mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, li għandha tintuża mill-importaturi li jintroduċu żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam fis-suq tal-Unjoni fil-proċess ta’ modifika jew tiġdid ta’ kuntratti eżistenti jew l-iffirmar ta’ kuntratti ġodda għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam.

Artikolu 28 4

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jirċievu mill-l-importaturi skont dan l-Artikolu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni li għandha tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 28 5

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika għandhom jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament fil-każijiet li ġejjin:

(a)

iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali u l-faħam huma soġġetti għal verifika indipendenti minn parti terza ekwivalenti għal dik stabbilita fl-Artikoli 8 u 9 u l-produttur stabbilit f’pajjiż terz japplika:

(i)

għaż-żejt mhux maħdum u għall-gass naturali, miżuri ta’ monitoraġġ u rappurtar li jiżguraw il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12 jew il-monitoraġġ u r-rappurtar fil-livell 5 tal-OGMP 2.0;

(ii)

għall-faħam, miżuri ta’ monitoraġġ u rappurtar ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 20; jew

(b)

il-pajjiż terz ikollu fis-seħħ u japplika għall-produtturi u l-esportaturi stabbiliti f’dak il-pajjiż terz u li jfornu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam lis-suq tal-Unjoni, qafas regolatorju dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak applikat fl-Unjoni; b’mod partikolari, il-pajjiż terz ikun wera li dawk ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar jiżguraw mill-inqas kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors u fil-livell tas-sit u rappurtar regolari ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12, għaż-żejt mhux maħdum u għall-gass naturali, u fl-Artikolu 20, għall-faħam, u li hemm fis-seħħ verifika effettiva minn parti terza indipendenti, ekwivalenti għal dik stabbilita fl-Artikoli 8 u 9, kif ukoll superviżjoni u infurzar effettivi.

Artikolu 28 6

6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 5, il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-proċedura u r-rekwiżiti dwar l-evidenza li għandha tiġi pprovduta minn pajjiż terz għall-istabbiliment tal-ekwivalenza. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3).

Il-proċedura biex tiġi stabbilita l-ekwivalenza tista’ tinbeda fuq it-talba ta’ pajjiż terz jew mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha b’mod attiv mal-pajjiżi terzi kollha li jesportaw iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam lejn is-suq tal-Unjoni biex tikseb il-qbil tagħhom li tibda tali proċedura, filwaqt li tqis il-kwantità importata minn dawk il-pajjiżi terzi u l-potenzjal tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan tagħhom.

L-ekwivalenza għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni għal kull pajjiż terz rilevanti, biss meta l-pajjiż terz jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 5, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu u tiġi pprovduta l-evidenza kollha meħtieġa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha żżomm lura milli tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni fejn l-adozzjoni tagħhom tirriżulta f’ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 TFUE li jirrestrinġu l-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam.

L-ekwivalenza tista” tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, meta l-pajjiż terz ma jibqax jikkonforma, fil-liġi jew fil-prattika, mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu matul perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3). Qabel ma tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiż terz bit-tħassib tagħha u tagħtih l-opportunità li jiddikjara l-fehmiet tiegħu.

Meta tħejji l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-prodotti taż-żejt u petroliferi, stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE (28), il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), u l-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku, stabbilit mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati oħra. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ mhux qabel 30 jum kalendarju wara d-data tal-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 28 7

7.   L-importaturi għandhom ikunu eżentati mill-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 meta jimportaw żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam minn pajjiż terz li għalih tkun ġiet stabbilita ekwivalenza f’konformità mal-paragrafu 6.

Artikolu 28 8

8.   Mill-4 ta’ Awwissu 2024, fejn xieraq u soġġett għall-proċeduri applikabbli, il-Kummissjoni għandha tipproponi u timmira li l-Unjoni tidħol f’oqfsa ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li minnhom l-Unjoni timporta żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam biex tappoġġahom fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika ekwivalenti għal dik stabbilita f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni ma għandhiex tirrakkomanda d-dħul f’oqfsa ta’ kooperazzjoni bħal dawn meta dawk l-oqfsa jirriżultaw f’ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 TFUE dwar l-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 15.07.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1787
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.