12. Permess tad-data għandu jinħareġ għat-tul ta’ żmien meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-għanijiet mitluba u dak it-tul ta’ żmien ma għandux jaqbeż l-għaxar snin. Dak it-tul ta’ żmien jista’ jiġi estiż darba, għal perjodu li ma jaqbiżx l-għaxar snin, fuq talba tal-utent tad-data dwar is-saħħa, abbażi ta’ argumenti u dokumenti li jiġġustifikaw dik l-estensjoni li għandha tiġi ppreżentati xahar qabel ma jiskadi l-permess tad-data. Il-korp tal-aċċess għad-data dwar is-saħħa jista’ jitlob tariffi li jistgħu jgħolew biex jirrifletti l-kostijiet u r-riskji tal-ħżin tad-data elettronika dwar is-saħħa għal perjodu li jaqbeż il-perjodu inizjali. Sabiex jitnaqqsu dawn il-kostijiet u t-tariffi, il-korp tal-aċċess għad-data dwar is-saħħa jista’ jipproponi wkoll lill-utent tad-data dwar is-saħħa biex jaħżen is-sett tad-data f’sistema tal-ħżin b’kapaċitajiet imnaqqsa. Tali kapaċitajiet imnaqqsa ma għandhomx jaffettwaw is-sigurtà tas-sett tad-data pproċessat. Id-data elettronika dwar is-saħħa fl-ambjent tal-ipproċessar sigur għandha titħassar fi żmien sitt xhur mill-iskadenza tal-permess tad-data. Fuq talba tal-utent tad-data dwar is-saħħa, il-formula għall-ħolqien tas-sett tad-data mitlub tista’ tinħażen mill-korp tal-aċċess għad-data dwar is-saħħa.