+ANNESS I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-VALUTAZZJONI TA' SUSTANZIU GĦALL-PREPARAZZJONI TA' RAPPORTI DWAR IS-SIGURTÀ KIMIKA

ANNESS I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-VALUTAZZJONI TA' SUSTANZIU GĦALL-PREPARAZZJONI TA' RAPPORTI DWAR IS-SIGURTÀ KIMIKA




ANNESS I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-VALUTAZZJONI TA' SUSTANZIU GĦALL-PREPARAZZJONI TA' RAPPORTI DWAR IS-SIGURTÀ KIMIKA

0.   INTRODUZZJONI

▼M51

0.1. Il-fini ta' dan l-Anness huwa li jistabbilixxi kif il-manifatturi u l-importaturi għandhom jivvalutaw u jiddokumentaw li r-riskji li joħorġu mis-sustanza li huma jimmanifatturaw jew jimportaw ikunu kontrollati b'mod adegwat waqt il-manifattura u l-użu jew użi tagħhom u li persuni oħrajn iżjed 'l isfel fil-katina tal-provvista jistgħu jikkontrollaw dawn ir-riskji b'mod adegwat. Ir-rapport dwar is-sigurtà kimika għandu jindika wkoll jekk hemmx nanoforom differenti ta' sustanzi kif ikkaratterizzati fl-Anness VI li huma manifatturati u importati, u fil-każ li iva, għandu jiddeskrivi liema huma, b'ġustifikazzjoni xierqa għal kull rekwiżit ta' informazzjoni li jiddeskrivi meta u kif l-informazzjoni dwar xi forma minnhom tintuża bħala dimostrazzjoni tas-sigurtà ta' forom oħra. Ir-rekwiżiti speċifiċi għan-nanoform ta' sustanza f'dan l-Anness japplikaw għan-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni, mingħajr ħsara għar-rekwiżiti applikabbli għal forom oħra tal-istess sustanza. Dan l-Anness għandu japplika wkoll, adattat kif meħtieġ, għal produtturi u importaturi ta' oġġetti meħtieġa sabiex issir valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika bħala parti minn reġistrazzjoni.

▼C1

0.2. Il-valutazzjoni ta' sigurtà kimika għandha tiġi preparata minn persuna, jew iżjed, kompetenti li jkollhom esperjenza adegwata u li rċevew taħriġ xieraq, inkluż taħriġ ta' aġġornament.

▼M51

0.3. Il-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika ta' manifattur għandha tindirizza l-manifattura ta' sustanza u l-użi identifikati kollha. Il-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika ta' importatur għandha tindirizza l-użi identifikati kollha. Il-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika għandha tikkonsidra l-użu tas-sustanza waħidha (inkluż kwalunkwe impurità u addittiv ewlenin), f'taħlita u f'oġġett, kif definit mill-użi identifikati. Il-valutazzjoni għandha tqis l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza li tirriżulta mill-manifattura u l-użi identifikati. Il-valutazzjoni għandha tindirizza n-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni. Il-ġustifikazzjonijiet u l-konklużjonijiet li tasal għalihom il-valutazzjoni għandhom ikunu rilevanti għal dawn in-nanoforom. Il-valutazzjoni dwar is-sikurezza kimika għandha tkun ibbażata fuq tqabbil tal-effetti avversi potenzjali ta' sustanza bl-esponiment magħruf jew raġonevolment previst tal-bniedem u/jew tal-ambjent ma' dik is-sustanza waqt li jitqiesu miżuri rakkomandati ta' maniġġar tar-riskji u ta' kundizzjonijiet operattivi.

0.4. Is-sustanzi li probabbilment ikollhom il-proprjetajiet fiżikokimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi tagħhom simili jew isegwu proċess regolari bħala riżultat ta' similarità strutturali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala grupp, jew “kategorija” ta' sustanzi. Jekk il-manifattur jew l-importatur jikkunsidra li l-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika mwettqa għal sustanza waħda tkun suffiċjenti sabiex tivvaluta u tiddokumenta li r-riskji minn sustanza oħra jew minn grupp jew “kategorija” ta' sustanzi adegwatament kontrollati, huwa jista' juża dik il-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika għas-sustanzi l-oħra jew għal grupp jew “kategorija” ta' sustanzi. Il-manifattur jew l-importatur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għal dan. Fejn sustanza waħda jew aktar minnhom jeżistu f'nanoforma waħda jew iktar, u d-dejta minn forma minnhom tintuża għad-demostrazzjoni tal-użu sigur ta' forom oħra, skont ir-regoli ġenerali stipulati fl-Anness XI, għandha tingħata ġustifikazzjoni xjentifika dwar kif, bl-applikazzjoni tar-regoli għar-raggruppament u r-readacross, id-dejta minn test speċifiku jew tagħrif ieħor (eż. metodi, riżultati jew konklużjonijiet) tkun tista' tintuża għall-forom l-oħra tas-sustanza. Japplikaw kunsiderazzjonijiet simili għax-xenarji ta' esponiment u għall-miżuri tal-immaniġġar tar-riskji.

▼C1

0.5. Il-valutazzjoni ta' sigurtà kimika għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni dwar is-sustanza miżmuma fid-dossier tekniku u fuq informazzjoni oħra disponibbli u relevanti. Il-manifatturi jew importaturi li jippreżentaw proposta għall-ittestjar skond l-Annessi IX u X għandhom jirreġistraw dan taħt l-intestatura relevanti tar-rapport ta' sigurtà kimika. L-informazzjoni disponibbli minn valutazzjonijiet imwettqa taħt programmi internazzjonali u nazzjonali oħra għandha tiġi inkluża. Fejn disponibbli u xieraq, il-valutazzjoni mwettqa taħt il-leġislazzjoni Komunitarja (eż. valutazzjonijiet ta' riskju mwettqa taħt ir-Regolament (KEE) 793/93) għandha tittieħed in konsiderazzjoni fl-iżvilupp tar-rapport ta' sigurtà kimika u tiġi rilfessa fih. Id-devjazzjonijiet minn tali valutazzjonijiet għandhom jiġu ġustifikati.

Għalhekk l-informazzjoni li trid tiġi kunsidrata tinkludi informazzjoni relatata mal-perikli tas-sustanza, ma' l-espożizzjoni mill-manifattura jew mill-importazzjoni, ma' l-użi identifikati tas-sustanza, mill-kondizzjonijiet operattivi u mill-miżuri ta' maniġġar tar-riskji applikati jew rakkomandati għal utenti “downstream” li jridu jittieħdu in konsiderazzjoni.

Konformement ma' l-Anness XI, Taqsima 3, f'ċerti każi, jista' ma jkunx neċessarju li tiġi ġġenerata informazzjoni nieqsa, għaliex jistgħu jkunu wkoll suffiċjenti miżuri ta' maniġġar tar-riskji u kondizzjonijiet operattivi li huma neċessarji sabiex jikkontrollaw riskju karaterizzat sew sabiex jkkontrollaw riskji potenzjali oħra, li ma jkollhomx bżonn jiġu karatterizzati preċiżament.

▼M51

Jekk il-manifattur jew l-importatur jikkunsidra li tkun meħtieġa informazzjoni ulterjuri sabiex jiġi prodott r-rapport dwar is-sigurtà kimika tiegħu, u li din l-informazzjoni tista' tiġi miksuba biss billi jsiru testijiet skont l-Anness IX jew X, huwa għandu jippreżenta proposta għal strateġija ta' ttestjar, li fiha jispjega għaliex iqis li informazzjoni ulterjuri tkun meħtieġa, u għandu jirreġistra dan fir-rapport dwar is-sigurtà kimika taħt l-intestatura x-xierqa. Fejn jitqies meħtieġ, il-proposta għal strateġija ta' ttestjar tista' tolqot diversi studji li jindirizzaw rispettivament forom differenti tal-istess sustanza għall-istess rekwiżit ta' informazzjoni. Waqt li jistenna r-riżultati tal-ittestjar ulterjuri, għandu jirreġistra fir-rapport tiegħu dwar is-sigurtà kimika, u jinkludi fix-xenarju ta' esponiment żviluppat, il-miżuri provviżorji tal-immaniġġar tar-riskji li jkun stabbilixxa u dawk li jirrakkomanda għal utenti downstream intiżi biex jimmaniġġaw ir-riskji li qed jiġu esplorati. Ix-xenarji ta' esponiment u l-miżuri interim tal-immaniġġar tar-riskji rakkomandati għandhom jindirizzaw in-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni.

▼M10

0.6.   Passi f'valutazzjoni tas-sigurtà kimika

0.6.1. Valutazzjoni tas-sigurtà kimika mwettqa minn manifattur jew importatur għal sustanza għandha tinkludi l-istadji 1 sa 4 li ġejjin skont it-taqsimiet rispettivi ta' dan l-Anness:

1. 

Valutazzjoni tal-periklu għas-saħħa tal-bniedem.

2. 

Valutazzjoni tal-periklu għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mill-proprjetajiet fiżikokimiċi.

3. 

Valutazzjoni tal-periklu għall-ambjent.

4. 

Valutazzjoni PBT u vPvB.

0.6.2. Fil-każijiet imsemmijin fil-punti 0.6.3, il-valutazzjoni tas-sigurtà kimika għandha tinkludi wkoll il-passi 5 u 6 li jmiss skont it-Taqsimiet 5 u 6 ta' dan l-Anness.

5. 

Valutazzjoni tal-esponiment

5.1. 

Il-ħolqien ta' xenarju(i) ta' esponiment (jew l-identifikazzjoni ta' kategoriji tal-użu u l-esponiment rilevanti jekk xieraq).

5.2. 

Stima tal-esponiment.

6. 

Karatterizzazzjoni tar-riskji

▼M51

0.6.3. Fejn bħala riżultat tal-passi minn 1 sa 4 il-manifattur jew l-importatur jikkonkludi li s-sustanza jew, fejn applikabbli, in-nanoforom tagħha, jissodisfaw il-kriterji ta' xi waħda mill-klassijiet jew kategoriji ta' perikli li ġejjin, stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jew ikunu vvalutati bħala PBT jew vPvB, il-valutazzjoni tas-sigurtà kimika għandha tinkludi wkoll l-istadji 5 u 6 skont it-taqsimiet 5 u 6 ta' dan l-Anness:

(a) 

klassijiet ta' periklu 2.1 sa 2.4, 2.6 u 2.7, 2.8 tipi A u B, 2.9, 2.10, 2.12, 2.13 kategoriji 1 u 2, 2.14 kategoriji 1 u 2, 2.15 tipi A sa F;

(b) 

klassijiet ta' periklu 3.1 sa 3.6, 3.7 effetti negattivi fuq il-funzjonament sesswali u l-fertilità jew fuq l-iżvilupp, 3.8 effetti oħra barra effetti narkotiċi, 3.9 u 3.10;

(c) 

klassi ta' periklu 4.1;

(d) 

klassi ta' periklu 5.1.

▼M10

0.6.4. Għandu jiġi ppreżentat sommarju tal-informazzjoni kollha rilevanti indirizzata fil-punti hawn fuq, taħt l-intestatura rilevanti tar-Rapport tas-Sigurtà Kimika (Taqsima 7).

▼C1

0.7. L-element ewlieni tal-parti ta' espożizzjoni tar-rapport ta' sigurtà kimika tkun id-deskrizzjoni tax-xenarju(i) ta' espożizzjoni implementati għall-produzzjoni mill-manifattur, l-użu mill-manifattur jew mill-importatur, u dawk rakkomandati mill-manifattur jew l-importatur sabiex jiġu implementati għall-użu(i) identifikati.

Xenarju ta' espożizzjoni huwa sett ta' kondizzjonijiet li jiddeskrivu kif is-sustanza tiġi manifatturata jew użata matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha u kif il-manifattur jew l-importatur jikkontrolla, jew jirrakkomanda utenti “downstream” sabiex jikkontrollaw, l-espożizzjoni tal-bnedmin u ta' l-ambjent. Dawn is-settijiet ta' kondizzjonijiet fihom deskrizzjoni tal-miżuri ta' maniġġar tar-riskji kif ukoll tal-kondizzjonijiet operattivi li l-manifattur jew l-importatur implementa jew jirrakkomanda li jiġu implementati minn utenti downstream.

Jekk is-sustanza titqiegħed fis-suq, ix-xenarju(i) ta' espożizzjoni relevanti, inklużi l-miżuri ta' maniġġar tar-riskji u l-kondizzjonijiet operattivi għandhom jiġu inklużi fl-anness ma' l-iskeda ta' data ta' sigurtà konformement ma' l-Anness II.

0.8. Il-livell ta' dettall meħtieġ fid-deskrizzjoni ta' xenarju ta' espożizzjoni ivarja sostanzjalment minn każ għal każ, skond l-użu ta' sustanza, il-propjetajiet tagħha ta' periklu u l-ammont ta' informazzjoni disponibbli għall-manifattur u l-importatur. Ix-xenarji ta' espożizzjoni jistgħu jiddeskrivu l-miżuri adegwati ta' maniġġar tar-riskji għal bosta proċessi individwali jew użi ta' sustanza. Ix-xenarju ta' espożizzjoni jista' għalhekk ikopri firxa kbira ta' proċessi jew użi. Ix-xenarji ta' espożizzjoni li jkopru firxa wiesgħa ta' proċessi jew użi jistgħu jiġu msemmija bħala Kategoriji ta' Espożizzjoni. Aċċenn ulterjuri għax-Xenarju ta' Espożizzjoni fl-Anness u fl-Anness II jinkludi l-Kategoriji ta' Espożizzjoni jekk dawn ikunu żviluppati.

0.9. Fejn ma tkunx neċessarja l-informazzjoni skond l-Anness XI, dan il-fatt għandu jiġi dikjarat taħt l-intestatura xierqa tar-rapport ta' sigurtà kimika u għandha ssir referenza għall-ġustifikazzjoni fid-dossier tekniku. Il-fatt li ma jkunx hemm bżonn informazzjoni għandu jiġi dikjarat ukoll fl-iskeda ta' data ta' sigurtà.

0.10. Fir-rigward ta' effetti partikolari, bħar-riduzzjoni ta' l-ożon, bħal potenzjal ta' ħolqien ta' l-ożon fotokemikali, bħal riħa qawwija u tniggiż, li għalihom ma jkunux prattikabbli l-proċeduri stabbiliti fit-Taqsimiet 1 sa 6, ir-riskji assoċjati ma' tali effetti għandhom jiġu stmati fuq bażi ta' każ b'każ u l-manifattur jew l-importatur għandu jinkludi deskrizzjoni sħiħa u ġustifikazzjoni ta' tali stimi fir-rapport ta' sigurtà kimika f'sommarju fl-iskeda ta' data ta' sigurtà.

0.11. Meta ssir stima tar-riskji ta' l-użu ta' sustanza jew aktar inkorporati f' ►M3  taħlita ◄ speċjali (per eżempju fil-ligi), għandu jittieħed kont tal-mod li bih is-sustanzi kostitwenti ikunu marbuta fil-matriċi kimika.

▼M51

0.11a. Fejn il-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika tkopri n-nanoforom, għandha titqies metrika xierqa għall-valutazzjoni u l-preżentazzjoni tar-riżultati fl-istadji 1-6 tal-valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika skont il-punti 0.6.1 u 0.6.2, bil-ġustifikazzjoni mdaħħla fir-rapport dwar is-sigurtà kimika u sintetizzata fl-iskeda tad-dejta dwar is-sikurezza. Hija preferibbli preżentazzjoni metrika multipla, li tinkludi informazzjoni metrika dwar il-massa. Fejn possibbli, għandu jiġi indikat metodu għall-konverżjoni reċiproka.

▼C1

0.12. Fejn il-metodoloġija deskritta f'dan l-Anness ma tkunx adegwata, għandhom jiġu spjegati u ġustifikati fir-rapport ta' sigurtà kimika dettalji ta' metodoloġija alternattiva użata.

0.13. Il-Parti A tar-rapport ta' sigurtà kimika għandha tinkludi dikjarazzjoni li l-miżuri ta' maniġġar ta' riskji indikati fix-xenarji relevanti ta' espożizzjoni għall-użu(i) tal-manifattur jew l-importatur ikunu implementati mill-manifattur jew mill-importatur u li dawk ix-xenarji ta' espożizzjoni għall-użi identifikati ikunu komunikati lid-distributuri u utenti “downstream” fl-iskedi ta' data ta' sigurtà.

1.   STIMA TAL-PERIKLU GĦAS-SAĦĦA TAL-BNIEDEM

1.0.   Introduzzjoni

▼M10

1.0.1. L-għanijiet tal-valutazzjoni tal-periklu fuq is-saħħa tal-bniedem għandhom ikunu li tiġi determinata l-klassifikazzjoni ta' sustanza skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008; u li tiddeduċi livelli ta' esponiment għas-sustanza li l-bniedem ma għandux ikun espost għalihom. Dan il-livell ta' esponiment hu magħruf bħala l-Livell Derivat ta' Bla Effett (DNEL).

1.0.2. Il-valutazzjoni tal-periklu fuq is-saħħa tal-bniedem għandha tqis il-profil tossikokinetiku (jiġifieri assorbiment, metaboliżmu, distribuzzjoni u eliminazzjoni) tas-sustanza u l-gruppi ta' effetti li ġejjin:

(1) 

effetti akuti bħal pereżempju tossiċità akuta, irritazzjoni u korrożività,

(2) 

sensitizzazzjoni,

(3) 

tossiċità b'doża ripetuta u

(4) 

l-effetti CMR (karċinoġeniċità, mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali u tossiċità għar-riproduzzjoni).

Ibbażati fuq l-informazzjoni kollha disponibbli, għandhom jiġu kkunsidrati effetti oħra meta dan ikun meħtieġ.

▼C1

1.0.3. L-istima ta' periklu għandha tinkludi l-erba' stadji li ġejjin:

Stadju 1

:

Valutazzjoni ta' informazzjoni mhux ġenerata mill-bniedem

Stadju 2

:

Valutazzjoni ta' informazzjoni ġenerata mill-bniedem

Stadju 3

:

Klassifikazzjoni u Tikkettar

Stadju 4

:

Derivazzjoni ta' DNELs

▼M51

Il-valutazzjoni għandha tindirizza n-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni.

▼C1

1.0.4. L-ewwel tliet stadji għandhom isiru għal kull effett li għalih l-informazzjoni tkun disponibbli u għandhom jiġu reġistrati fit-Taqsima relevanti tar-Rapport tas-Sigurtà Kimika u fejn meħtieġ u skond l-Artikolu 31, f'sommarju fl-Iskeda ta' Data ta' Sigurtà taħt l-intestaturi 2 u 11.

1.0.5. Għal kwalunkwe effett li għalih ma jkun hemm l-ebda informazzjoni relevanti disponibbli, it-Taqsima relevanti għandha tinkludi s-sentenza “Din l-informazzjoni mhijiex disponibbli”. Il-ġustifikazzjoni, inkluża referenza għal kwalunkwe tfittxija mwettqa fil-letteratura, għandha tkun inkluża fid-dossier tekniku.

1.0.6. L-istadju 4 ta' l-istima tal-periklu għas-saħħa tal-bniedem għandu jitwettaq billi jiġu integrati r-riżultati mill-ewwel tliet stadji u għandu jiġi inkluż taħt l-intestatura relevanti tar-Rapport tas-Sigurtà Kimika u mqassar fl-iskeda ta' data ta' sigurtà taħt l-intestatura 8.1.

1.1.   

Stadju 1

:

Valutazzjoni ta' informazzjoni mhux ġenerata mill-bniedem

1.1.1. Il-valutazzjoni ta' informazzjoni mhux ġenerata mill-bniedem għandha tinkludi:

— 
l-identifikazzjoni tal-periklu għall-effett ibbażat fuq l-informazzjoni kollha disponibbli mhux ġenerata mill-bniedem;
— 
id-determinazzjoni tar-relazzjoni bejn id-doża kwantitattiva (konċentrazzjoni) u r-rispons (effett).

1.1.2. Meta ma jkunx possibbli li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn id-doża kwantitattiva (konċentrazzjoni) u r-rispons (effett), allura dan għandu jkun ġustifikat u għandha tiġi inkluża analiżi semi-kwantitattiva jew kwalitattiva. Per eżempju, għal effetti akuti mhuwiex ġeneralment possibbli li tiġi stabbilita relazzjoni bejn id-doża kwantitattiva (konċentrazzjoni) u r-rispons (effett) abbażi tar-riżultati ta' test magħmul skond il-metodi ta' test stabbiliti f'Regolament tal-Kummissjoni kif speċifikat fl-Artikolu 13(2). F'tali każijiet jkun suffiċjenti li jiġi determinat jekk u għal liema grad is-sustanza jkollha kapaċità inerenti li tikkawża l-effett.

▼M10

1.1.3. L-informazzjoni kollha li mhijiex relatata mal-bniedem użata sabiex tivvaluta effett partikolari fuq il-bniedem u sabiex tistabbilixxi r-relazzjoni bejn id-doża (konċentrazzjoni) u r-rispons (effett), għandha tiġi ppreżentata fil-qosor, jekk hu possibbli fil-forma ta' tabella jew tabelli, waqt li tiddistingwi bejn in vitro, in vivo u informazzjoni oħra. Ir-riżultati rilevanti li joħorġu mit-testijiet (eż., ATE, LD50, NO(A)EL jew LO(A)EL) u l-kundizzjonijiet tat-test (eż., it-tul tat-test, il-proċess amministrattiv) u informazzjoni rilevanti oħra għandhom jiġu ppreżentati f'unitajiet ta' kejl rikonoxxuti internazzjonalment għal dak l-effett.

▼C1

1.1.4. Jekk ikun disponibbli studju wieħed allura għandu jiġi preparat sommarju robust għal dak l-istudju. Jekk ikun hemm bosta studji li jindirizzaw l-istess effett, allura, b'kont meħud tal-varjazzjonijiet (eż. kondotta, adegwatezza, relevanza ta' speċijiet ta' test, kwalità ta' riżultati eċċ.), normalment l-istudju jew studji li jagħtu lok għall-akbar tħassib għandhom jiġu użati sabiex jistabbilixxu d-DNELs u għandu jiġi preparat sommarju robust ta' studju għal dak l-istudju jew studji u inkluż bħala parti mid-dossier tekniku. Ikunu meħtieġa sommarji robusti tad-data ewlenija kollha fl-istima tal-periklu. Jekk l-istudju jew studji li jwasslu għall-akbar tħassib ma jkunux użati, dan għandu jkun ġustifikat bi sħiħ u inklużi bħala parti mid-dossier tekniku, mhux biss għall-istudju li jkun qed jiġi użat iżda wkoll għall-istudji kollha li juru tħassib akbar mill-istudju li jkun qed jiġi użat. Huwa importanti, irrispettiv minn jekk il-perikli ġewx identifikati jew le, jittieħed kont tal-validità ta' l-istudju.

1.2.   

Stadju 2

:

Valutazzjoni ta' informazzjoni ġenerata mill-bniedem

Jekk l-ebda informazzjoni ġenerata mill-bniedem ma tkun disponibbli, din il-parti għandha tinkludi d-dikjarazzjoni “L-ebda informazzjoni ġenerata mill-bniedem bniedem m'hija disponibbli”. Madankollu, jekk tkun disponibbli informazzjoni ġenerata mill-bniedem, din għandha tiġi preżentata, possibbilment fil-forma ta' tabella.

1.3.   

Stadju 3

:

Klassifikazzjoni u Tikkettar

▼M10

1.3.1. Il-klassifikazzjoni xierqa żviluppata skont il-kriterji fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandha tiġi ppreżentata u ġġustifikata. Meta jkun applikabbli, il-limiti tal-Konċentrazzjoni Speċifika, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u l-Artikoli 4 sa 7 tad-Direttiva Nru 1999/45/KE għandhom jiġu ppreżentati u, jekk ma jkunux inklużi fil-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, ikunu ġġustifikati.

▼M51

Il-valutazzjoni għandha tinkludi dejjem dikjarazzjoni dwar jekk is-sustanza, jew fejn applikabbli, in-nanoforom tagħha jissodisfawx jew le l-kriterji mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għall-klassifikazzjoni fil-klassi ta' periklu ta' karċinoġeniċità kategorija 1 A jew 1B, fil-klassi ta' periklu ta' mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali kategorija 1 A jew 1B, jew fil-klassi ta' periklu ta' tossiċità riproduttiva kategorija 1 A jew 1B.

1.3.2. Jekk l-informazzjoni tkun inadegwata sabiex jiġi deċiż jekk sustanza, jew fejn applikabbli, in-nanoforom tagħha għandhomx jiġu klassifikati taħt klassi jew kategorija partikolari tal-periklu, ir-reġistranti għandhom jindikaw u jiġġustifikaw l-azzjoni jew id-deċiżjoni li jkunu ħadu bħala riżultat.

▼C1

1.4.   

Stadju 4

:

L-identifikazzjoni ta' DNELs

1.4.1. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' l-istadji 1 u 2, għandhom jiġu stabbiliti DNEL jew DNELs għas-sustanza, li jirriflettu r-rotta jew rotot probabbli, it-tul ta' żmien u l-frekwenza ta' espożizzjoni. ►M10  Għal xi klassijiet tal-periklu, speċjalment ta' mutaġeniċità fiċ-ċelloli ġerminali u karċinoġeniċità, l-informazzjoni disponibbli ma tistax tippermetti li jiġi stabbilit limitu tossikoloġiku, u għalhekk DNEL. ◄ Jekk ikun ġustifikat bix-xenarju jew xenarji ta' espożizzjoni, DNEL wieħed jista' jkun suffiċjenti. Madankollu, b'kont meħud ta' l-informazzjoni disponibbli u tax-xenarju jew xenarji ta' espożizzjoni fit-Taqsima 9 tar-Rapport ta' Sigurtà Kimika jista' jkun neċessarju li jiġu identifikati DNELs differenti għal kull popolazzjoni umana relevanti (eż., ħaddiema, konsumaturi u persuni li jistgħu jkunu suġġetti għall-espożizzjoni indirettament permezz ta' l-ambjent) u possibbilment għal ċerti sub-popolazzjonijiet vulnerabbli (eż., tfal, nisa tqal) u għal rotot differenti ta' espożizzjoni. Għandha tingħata ġustifikazzjoni sħiħa li tispeċifika, inter alia, l-għażla ta' l-informazzjoni użata, ir-rotta ta' espożizzjoni (orali, dermali u inalatorja) u t-tul ta' żmien u l-frekwenza ta' l-espożizzjoni għas-sustanza li għaliha d-DNEL ikun validu. Jekk ikun probabbli li tinħoloq iżjed minn rotta waħda ta' espożizzjoni, allura għandu jiġi stabbilit DNEL għal kull rotta ta' espożizzjoni u għall-espożizzjoni mir-rotot kollha kkombinati. Meta jkun qiegħed jiġi stabbilit id-DNEL, għandu jittieħed kont, inter alia, tal-fatturi li ġejjin:

(a) 

l-inċertezza li tirriżulta, fost fatturi oħra, mill-varjabbiltà fl-informazzjoni esperimentali u minn varjazzjoni ta' intra- u inter-speċijiet;

(b) 

in-natura u s-severità ta' l-effett;

(ċ) 

is-sensittività tas-(sub-)popolazzjoni umana li għaliha tapplika l-informazzjoni dwar l-espożizzjoni kwantitattiva u/jew kwalitattiva.

1.4.2. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi identifikat DNEL, dan għandu jiġi dikjarat b'mod ċar u ġustifikat bis-sħiħ.

2.   STIMA TAL-PERIKLU FIŻIKOKIMIKU

▼M10

2.1. L-għan tal-valutazzjoni tal-periklu kkawżat mill-proprjetajiet fiżikokimiċi għandu jkun li tiġi determinata l-klassifikazzjoni ta' sustanza skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

2.2. Bħala minimu, għandhom jiġu vvalutati l-effetti potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem kkawżati mill-proprjetajiet fiżikokimiċi li ġejjin:

— 
splussività,
— 
fjammabbiltà,
— 
potenzjal ossidizzanti.

▼M51

Jekk l-informazzjoni tkun inadegwata sabiex jiġi deċiż jekk sustanza, jew fejn applikabbli, in-nanoforom tagħha għandhomx jiġu klassifikati taħt klassi jew kategorija partikolari tal-periklu, ir-reġistrant għandu jindika u jiġġustifika l-azzjoni jew id-deċiżjoni li jkun ħa bħala riżultat.

▼C1

2.3. L-istima ta' kull effett għandha tiġi preżentata taħt l-intestatura relevanti tar-Rapport ta' Sigurtà Kimika (Taqsima 7) u fejn meħtieġ u konformement ma' l-Artikolu 31, f'sommarju fl-iskeda ta' data ta' sigurtà taħt l-intestaturi 2 u 9.

2.4. Għal kull proprjetà fiżikokimika, il-valutazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-kapaċità inerenti tas-sustanza li tikkawża l-effett li jirriżulta mill-manifattura u l-użi identifikati.

▼M10

2.5. Il-klassifikazzjoni xierqa żviluppata skont il-kriterji fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandha tiġi ppreżentata u ġġustifikata.

▼C1

3.   STIMA TAL-PERIKLU AMBJENTALI

3.0.   Introduzzjoni

▼M10

3.0.1. L-għan tal-valutazzjoni tal-periklu għall-ambjent għandu jkun li tiġi determinata l-klassifikazzjoni ta' sustanza skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u li tiġi identifikata l-konċentrazzjoni tas-sustanza li taħtha ma jkunux mistennija li jseħħu effetti avversi fl-isfera ambjentali konċernata. Din il-konċentrazzjoni hija magħrufa bħala l-Konċentrazzjoni ta' Bla Effett Previst (PNEC).

▼C1

3.0.2. L-istima tal-periklu ambjentali għandha tikkonsidra l-effetti potenzjali fuq l-ambjent, li jinkludu l-kompartimenti (1) akkwatiku (inkluż is-sediment), (3) terrestri u (3) atmosferiku, inklużi l-effetti potenzjali li jistgħu jseħħu (4) permezz ta' l-akkumulazzjoni fil-katina ta' l-ikel. Barra minn hekk, l-effetti potenzjali fuq (5) l-attività mikrobijoloġika ta' sistemi ta' trattament ta' drenaġġ għandha tiġi kunsidrata. L-istima ta' l-effetti fuq kull waħda minn dawn il-ħames sferi ambjentali għandha tiġi preżentata taħt l-intestatura relevanti tar-Rapport ta' Sigurtà Kimika (Taqsima 7) u fejn meħtieġ u skond l-Artikolu 31, f'sommarju fl-Iskeda ta' Data ta' Sigurtà taħt l-intestaturi 2 u 12. ►M51  Il-valutazzjoni għandha tindirizza n-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni. ◄

3.0.3. Għal kwalunkwe sfera ambjentali, li għaliha ma jkun hemm l-ebda informazzjoni relevanti disponibbli, it-Taqsima relevanti tar-rapport ta' sigurtà kimika għandha tinkludi s-sentenza “Din l-informazzjoni mhijiex disponibbli”. Il-ġustifikazzjoni, inkluża referenza għal kwalunkwe tfittxija mwettqa fil-letteratura, għandha tkun inkluża fid-dossier tekniku. Għal kwalunkwe sfera li għaliha l-informazzjoni tkun disponibbli, iżda fejn il-manifattur jew l-importatur jemmen li ma jkunx neċessarju li ssir stima tal-periklu, il-manifattur jew l-importatur għandu jippreżenta ġustifikazzjoni b'referenza għall-informazzjoni pertinenti taħt l-intestatura relevanti tar-Rapport ta' Sigurtà Kimika (Taqsima 7) u fejn meħtieġ u skond l-Artikolu 31, f'sommarju fl-Iskeda ta' Data ta' Sigurtà taħt l-intestatura 12.

3.0.4. L-istima tal-periklu għandha tinkludi t-tliet stadji li ġejjin, li għandhom ikunu identifikati b'mod ċar bħala tali fir-Rapport ta' Sigurtà Kimika.

Stadju 1

:

Valutazzjoni ta' l-informazzjoni

Stadju 2

:

Klassifikazzjoni u Tikkettar

Stadju 3

:

Derivazzjoni tal-PNEC

3.1.   

Stadju 1

:

Valutazzjoni ta' l-informazzjoni

3.1.1. Il-valutazzjoni ta' l-informazzjoni kollha disponibbli għandha tinkludi:

— 
l-identifikazzjoni tal-periklu bbażata fuq l-informazzjoni kollha disponibbli;
— 
id-determinazzjoni tar-relazzjoni bejn id-doża kwantitattiva (konċentrazzjoni) u r-rispons (effett).

3.1.2. Meta mhux possibbli li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn id-doża kwantitattiva (konċentrazzjoni) u r-rispons (effett), allura dan għandu jkun ġustifikat u għandha tiġi inkluża analiżi semi-kwantitattiva jew kwalitattiva.

3.1.3. L-informazzjoni kollha użata sabiex jiġu stmati l-effetti fi sfera ambjentali speċifika għandha tiġi preżentata fil-qosor, jekk possibbli fil-forma ta' tabella jew tabelli. Ir-riżultati relevanti tat-test (eż., LD50 jew NOEC) u l-kondizzjonijiet tat-test (eż., it-tul tat-test, ir-rotta ta' amministrazzjoni) u informazzjoni relevanti oħra għandha tiġi preżentata, f'unitajiet ta' kejl rikonoxxuti internazzjonalment għal dak l-effett.

3.1.4. L-informazzjoni kollha użata sabiex jiġu stmati l-konsegwenzi ambjentali tas-sustanza għandha tiġi preżentata fil-qosor, jekk possibbli fil-forma ta' tabella jew tabelli. Ir-riżultati relevanti tat-test u l-kondizzjonijiet tat-test u informazzjoni relevanti oħra għandhom jiġu preżentati, f'unitajiet rikonoxxuti internazzjonalment għal dak l-effett.

3.1.5. Jekk ikun disponibbli studju wieħed għandu jiġi preparat sommarju robust għal dak l-istudju. Fejn ikun hemm iżjed minn studju wieħed li jindirizza l-istess effett, l-istudju jew studji li jagħtu lok għall-akbar tħassib għandhom jintużaw sabiex tinġibed konklużjoni u għandu jiġi preparat sommarju robust ta' studju għal dak l-istudju jew studji u jiġi inkluż bħala parti mid-dossier tekniku. Is-sommarji robusti tad-data ewlenija kollha jkunu meħtieġa fl-istima tal-periklu. Jekk l-istudju jew studji li jagħtu lok għall-akbar tħassib ma jiġux użati, dan għandu jkun ġustifikat bi sħiħ u inklużi bħala parti mid-dossier tekniku, mhux biss għall-istudju li jkun użat iżda wkoll għall-istudji kollha li juru tħassib ikbar mill-istudju li jkun użat. Għal sustanzi fejn l-istudji kollha disponibbli ma jindikaw l-ebda periklu, għandha ssir valutazzjoni ġenerali tal-validità ta' l-istudji kollha.

3.2.   

Stadju 2

:

Klassifikazzjoni u Tikkettar

▼M51

3.2.1. Il-klassifikazzjoni xierqa żviluppata skont il-kriterji fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandha tiġi ppreżentata u ġġustifikata. Kwalunkwe fattur M li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandu jiġi ppreżentat u, jekk dan ma jkunx inkluż fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, għandu jiġi ġġustifikat.

Il-preżentazzjoni u l-ġustifikazzjoni japplikaw għan-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni.

3.2.2. Jekk l-informazzjoni tkun inadegwata sabiex jiġi deċiż jekk sustanza, jew fejn applikabbli, in-nanoforom tagħha għandhomx jiġu kklassifikati għal klassi jew kategorija partikolari tal-periklu, ir-reġistrant għandu jindika u jiġġustifika l-azzjoni jew d-deċiżjoni li jkun ħa bħala riżultat.

▼C1

3.3.   

Stadju 3

:

Identifikazzjoni tal-PNEC

3.3.1. Ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli, għandha tiġi stabbilita l-PNEC għal kull sfera ambjentali. Il-PNEC tista' tiġi kalkolata bl-applikazzjoni ta' fattur adatt ta' valutazzjoni lill-valuri ta' effett (eż. LC50 jew NOEC). Fattur ta' valutazzjoni jesprimi d-differenza bejn il-valuri ta' effetti derivati għal numru limitat ta' speċi mit-testijiet tal-laboratorji u l-PNEC għall-isfera ambjentali ( 33 ).

3.3.2. Jekk ma jkunx possibbli li tiġi derivata l-PNEC, allura dan għandu jiġi dikjarat b'mod ċar u ġustifikat bi sħiħ.

4.   STIMA PBT U vPvB

4.0.   Introduzzjoni

4.0.1. L-objettiv ta' l-istima PBT u vPvB għandu jkun id-determinazzjoni jekk is-sustanza tissodisfax il-kriterji mogħtija fl-Anness XIII u jekk iva, il-karatterizzazzjoni ta' l-emissjonijiet potenzjali tas-sustanza. Ma jistgħux jiġu mwettqa stima tal-periklu skond it-Taqsimiet 1 u 3 ta' dan l-Anness li jindirizza l-effetti kollha fuq perjodu twil u l-istima ta' espożizzjoni fuq perjodu twil tal-bnedmin u ta' l-ambjent konformement mat-Taqsima 5 (Stima ta' espożizzjoni), stadju 2 (Stima ta' Espożizzjoni), bi kredibbiltà suffiċjenti għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji PBT u vPvB fl-Anness XIII. Għalhekk, tkun meħtieġa stima PBT u vPvB separata.

▼M51

4.0.2. L-istima PBT u vPvB għandha tinkludi ż-żewġ stadji li ġejjin, li għandhom ikunu identifikati b'mod ċar bħala tali fil-Parti B, taqsima 8 tar-Rapport dwar is-Sigurtà Kimika. Il-valutazzjoni għandha tindirizza n-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni:



Pass 1

:

Tqabbil mal-Kriterji

Pass 2

:

Karatterizzazzjoni tal-Emissjonijiet

L-istima għandha tiġi wkoll sintetizzata fl-Iskeda tad-Dejta dwar is-Sikurezza taħt l-intestatura 12.

▼M10

4.1.    Pass nru 1: Tqabbil mal-kriterju

Din il-parti tal-valutazzjoni PBT u vPvB għandha tinkludi t-tqabbil tal-informazzjoni disponibbli mal-kriterji mogħtija fit-Taqsima 1 tal-Anness XIII u dikjarazzjoni dwar jekk is-sustanza tissodisfax il-kriterji jew le. Il-valutazzjoni għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-parti introduttorja tal-Anness XIII kif ukoll fit-Taqsimiet 2 u 3 ta' dak l-Anness.

▼M51

4.2.    Pass Nru 2: Karatterizzazzjoni tal-Emissjonijiet

Jekk is-sustanza tissodisfa l-kriterji jew titqies daqslikieku hija PBT jew vPvB fid-dossier tar-reġistrazzjoni, għandha ssir karatterizzazzjoni tal-emissjonijiet li tkun tinkludi l-partijiet rilevanti tal-istima tal-esponiment kif deskritt fit-taqsima 5. B'mod partikulari, għandha tinkludi stima tal-ammonti tas-sustanza rilaxxata lejn il-kompartamenti ambjentali differenti matul l-attivitajiet kollha li jwettaq il-manifattur jew l-importatur u l-użi kollha identifikati, kif ukoll identifikazzjoni tar-rotot li aktarx permezz tagħhom il-bniedem u l-ambjent ikunu esposti għas-sustanza. L-istima għandha tindirizza n-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni.

▼C1

5.   STIMA TA' ESPOŻIZZJONI

5.0.   Introduzzjoni

▼M51

L-għan tal-istima tal-esponiment għandu jkun li ssir stima kwantitattiva jew kwalitattiva tad-doża/konċentrazzjoni tas-sustanza li għaliha l-bniedem u l-ambjent ikunu jew jistgħu jkunu esposti. L-istima għandha tikkunsidra l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza li tirriżulta mill-manifattura u użi identifikati, u għandha tkopri kwalunkwe esponiment li jista' jkun relatat mal-perikli identifikati fit-taqsimiet 1 sa 4. Il-valutazzjoni għandha tindirizza n-nanoforom kollha koperti mir-reġistrazzjoni. L-istima tal-esponiment għandha tikkonsisti miż-żewġ stadji li ġejjin, li għandhom jiġu identifikati b'mod ċar fir-Rapport dwar is-Sigurtà Kimika:

▼C1

Stadju 1

:

Il-ġenerazzjoni ta' xenarju jew xenarji ta' espożizzjoni jew l-identifikazzjoni ta' kategoriji relevanti ta' użu u espożizzjoni

Stadju 2

:

Stima ta' Espożizzjoni.

Fejn meħtieġ u skond l-Artikolu 31, ix-xenarju ta' espożizzjoni għandu jkun ukoll inkluż f'anness ma' l-Iskeda ta' Data ta' Sigurtà.

5.1.   

Stadju 1

:

Żvilupp ta' xenarji ta' espożizzjoni

5.1.1. Għandhom jiġu ġenerati xenarji ta' espożizzjoni kif deskritt fit-Taqsimijiet 0.7 u 0.8. Ix-xenarji ta' espożizzjoni huma l-qalba tal-proċess għat-twettiq ta' valutazzjoni ta' sigurta' kimika. Il-proċess ta' valutazzjoni ta' sigurtà kimika jista' jkun iterattiv. L-ewwel valutazzjoni tkun ibbażata fuq l-informazzjoni minima meħtieġa u dik kollha disponnibli dwar il-periklu u fuq l-istima ta' espożizzjoni li tikkorrispondi mal-presunzjonijiet inizjali dwar il-kondizzjonijiet operattivi u l-miżuri ta' maniġġar tar-riskji (xenarju ta' espożizzjoni inizjali). Jekk il-presunzjonijiet inizjali jwasslu għal karatterizzazzjoni ta' riskju li tindika li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mhumiex kontrollati b'mod adegwat, ikun meħtieġ li jitwettaq proċess iterattiv bl-emendament ta' fattur jew ta' numru ta' fatturi fl-istima tal-periklu jew ta' espożizzjoni bil-għan li jintwera kontroll adegwat. Ir-rifinitura ta' l-istima tal-periklu tista' tkun teħtieġ ġenerazzjoni ta' informazzjoni addizzjonali dwar il-periklu. Ir-rifinitura ta' stima ta' espożizzjoni tista' tinvolvi l-alterazzjoni adegwata tal-kondizzjonijiet operattivi jew ta' miżuri ta' mmaniġġar tar-riskji fix-xenarju ta' espożizzjoni jew stima aktar preċiża ta' espożizzjoni. Ix-xenarju ta' espożizzjoni, li jirriżulta mill-iterazzjoni finali (xenarju finali ta' espożizzjoni), għandu jiġi inkluż fir-Rapport tas-Sigurtà Kimika u mehmuż ma' l-iskeda ta' data ta' sigurtà skond l-Artikolu 31.

Ix-xenarju ta' espożizzjoni finali għandu jiġu preżentat taħt l-intestatura relevanti tar-rapport ta' sigurtà kimika u inkluż f'anness ma' l-iskeda ta' data ta' sigurtà, bl-użu ta' titolu qasir adatt li jagħti deskrizzjoni ġenerali qasira ta' l-użu, konsistenti ma' dawk mogħtija fl-Anness VI Taqsima 3.5. Ix-xenarji ta' espożizzjoni għandhom ikopru kwalunkwe manifattura fil-Komunità u l-użi identifikati kollha.

B'mod partikolari, xenarju ta' espożizzjoni jinkludi, fejn relevanti, deskrizzjoni ta':

Kondizzjonijiet operattivi
— 
il-proċessi involuti, inkluża l-forma fiżika li fiha s-sustanza tiġi manifatturata, proċessata u/jew użata;
— 
l-attivitajiet ta' ħaddiema relatati mal-proċessi u d-durata u l-frekwenza ta' l-espożizzjoni tagħhom għas-sustanza;
— 
l-attivitajiet ta' konsumaturi u d-durata u l-frekwenza ta' l-espożizzjoni għas-sustanza;
— 
it-tul ta' żmien u l-frekwenza ta' emissjonijiet tas-sustanza għal kompartimenti ambjentali differenti u s-sistemi ta' trattament ta' drenaġġ u d-dilwizzjoni fil-kompartiment ambjentali riċeventi.
Miżuri ta' maniġġar tar-riskji
— 
il-miżuri ta' maniġġar tar-riskji sabiex titnaqqas jew tiġi evitata l-espożizzjoni diretta u indiretta għas-sustanza tal-bnedmin (inklużi ħaddiema u konsumaturi) u tal-kompartimenti ambjentali differenti.
— 
il-miżuri ta' ġestjoni ta' l-iskart sabiex titnaqqas u tiġi evitata espożizzjoni tal-bnedmin u ta' l-ambjent għas-sustanza matul il-produzzjoni ta' l-iskart, ir-rimi u/jew ir-reċiklaġġ.

5.1.2. Fejn manifattur, importatur jew utent “downstream” japplika għal applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal użu speċifiku, għandhom jiġu żviluppati xenarji ta' espożizzjoni biss għal dak l-użu u l-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja sussegwenti.

5.2.   

Stadju 2

:

Stima ta' espożizzjoni

5.2.1. L-espożizzjoni għandha tiġi stmata għal kull xenarju ta' espożizzjoni żviluppat u għandha tiġi preżentata taħt l-intestatura relevanti tar-rapport ta' sigurtà kimika u fejn meħtieġ u skond l-Artikolu 31, f'sommarju f'anness ma' l-Iskeda ta' Data ta' Sigurtà. L-istima ta' espożizzjoni tinkludi tliet elementi: (1) stima ta' emissjoni; (2) stima tad-destin kimiku u tal-passaġġi kimiċi; u (3) stima ta' livelli ta' espożizzjoni.

5.2.2. L-istima ta' emissjoni għandha tikkonsidra l-emissjonijiet matul il-partijiet kollha relevanti fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza li jirriżultaw mill-manifattura ta' kull wieħed mill-użi identifikati. L-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li jirriżultaw mill-manifattura tas-sustanza jkopru, fejn relevanti, l-istadju ta' l-iskart. L-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li jirriżultaw mill-użi identifikati jkopru, fejn relevanti, il-ħajja ta' servizz ta' oġġetti u l-istadju ta' l-iskart. L-istima ta' emissjoni għandha ssir taħt il-presunzjoni li l-miżuri ta' maniġġar tar-riskju u kondizzjonijiet operattivi deskritti fix-xenarju ta' espożizzjoni ġew implementati. ►M51  Fejn ir-reġistrazzjoni tkopri n-nanoforom, l-istima tal-emissjonijiet għal dawn, fejn rilevanti, għandha tqis sitwazzjonijiet fejn huma ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness XI, taqsima 3.2, punt (c). ◄

▼M51

5.2.3. Għandha ssir karatterizzazzjoni ta' proċessi possibbli ta' degradazzjoni, trasformazzjoni jew reazzjoni, u għandha ssir ukoll stima tad-distribuzzjoni u d-destin ambjentali.

Fejn ir-reġistrazzjoni tkopri n-nanoforom, għandha tiġi inkluża karatterizzazzjoni tar-rata ta' taħlil, tal-aggregazzjoni tal-partikoli, tal-agglomerazzjoni u tal-bidliet fil-kimika tas-superfiċje tal-partikoli.

▼C1

5.2.4. Għandha ssir stima tal-livelli ta' espożizzjoni għall-popolazzjonijiet umani kollha (ħaddiema, konsumaturi u bnedmin li jistgħu jkunu suġġetti għal espożizzjoni indiretta permezz ta' l-ambjent) u għall-isferi ambjentali li għalihom l-espożizzjoni għas-sustanza tkun magħrufa jew raġonevolment prevista. Kull rotta relevanti ta' espożizzjoni tal-bniedem (inalatorja, orali, dermali jew kombinati permezz tar-rotot u sorsi kollha relevanti ta' espożizzjoni) għandha tiġi indirizzata. Tali stimi għandhom jieħdu kont ta' varjazzjonijiet spazjali u temporali fil-karatteristiċi ta' l-espożizzjoni. B'mod partikolari, l-istima ta' espożizzjoni għandha tieħu kont ta':

— 
data ta' espożizzjoni rappreżentattiva, imkejla adegwatament,
— 
kwalunkwe impurità u addittiv ewlenin fis-sustanza,
— 
il-kwantità li fiha s-sustanza tkun prodotta u/jew importata,
— 
il-kwantità għal kull użu identifikat,
— 
il-maniġġar tar-riskji implementat jew rakkommandat, inkluż il-grad ta' konteniment,
— 
it-tul ta' żmien u l-frekwenza ta' espożizzjoni skond il-kondizzjonijiet operattivi,
— 
l-attivitajiet ta' ħaddiema relatati mal-proċessi u t-tul ta' żmien u l-frekwenza ta' l-espożizzjoni tagħhom għas-sustanza,
— 
l-attivitajiet ta' konsumaturi u t-tul ta' żmien u l-frekwenza ta' l-espożizzjoni għas-sustanza,
— 
it-tul ta' żmien u l-frekwenza ta' emissjonijiet tas-sustanza għal kompartimenti ambjentali differenti u d-dilwizzjoni fil-kompartiment ambjentali riċeventi,
— 
il-proprjetajiet fiżikokimiċi tas-sustanza,
— 
prodotti ta' trasformazzjoni u/jew degradazzjoni,
— 
ir-rotot probabbli ta' espożizzjoni tal-bnedmin u l-potenzjal ta' assorbiment mill-bnedmin,
— 
il-passaġġi probabbli lejn l-ambjent u d-distribuzzjoni u degradazzjoni u/jew trasformazzjoni ambjentali (ara wkoll it-Taqsima 3, Stadju 1),
— 
l-iskala (ġeografika) ta' espożizzjoni,
— 
ir-rilaxx jew il-migrazzjoni, dipendenti mill-matriċi, tas-sustanza.

5.2.5 Fejn tkun disponibbli data rappreżentattiva ta' espożizzjoni mkejla adegwatament, għandha tingħata lilha konsiderazzjoni speċjali meta ssir l-istima ta' espożizzjoni. Jistgħu jiġu wżati mudelli adegwati għall-istima tal-livelli ta' espożizzjoni. Tista' tiġi kunsidrata wkoll data relevanti ta' monitoraġġ minn sustanzi b'linji analogi ta' użu u ta' espożizzjoni jew bi proprjetajiet analogi.

6.   KARATTERIZZAZZJONI TAR-RISKJI

6.1. Il-karatterizzazzjoni tar-riskji għandha titwettaq għal kull xenarju ta' espożizzjoni u għandha tiġi preżentata taħt l-intestatura relevanti fir-Rapport ta' Sigurtà Kimika.

6.2. Il-karatterizzazzjoni tar-riskji għandha tikkonsidra l-popolazzjonijiet tal-bniedem (esposti bħal ħaddiema, konsumaturi jew indirettament permezz ta' l-ambjent u jekk relevanti kombinazzjoni tagħhom) u l-isferi ambjentali li għalihom l-espożizzjoni għas-sustanza tkun magħrufa jew raġonevolment prevista, taħt il-presunzjoni li l-immaniġġar tar-riskji deskritt fix-xenarji ta' espożizzjoni fit-Taqsima preċedenti ġew implementanti. Barra minn hekk, ir-riskju ambjentali ġenerali kawżat mis-sustanza għandu jiġi rivedut billi jiġu integrati r-riżultati għar-rilaxxi, emissjonijiet u telf ġenerali mis-sorsi kollha lill-kompartimenti ambjentali kollha.

6.3. Il-karatterizzazzjoni tar-riskji tikkonsisti fi:

— 
tqabbil ta' l-espożizzjoni ta' kull popolazzjoni umana magħrufa li tkun jew li probabbli tkun esposta mad-DNEL adegwat;
— 
tqabbil tal-konċentrazzjonijiet ambjentali previsti f'kull sfera ambjentali mal-PNECs; u
— 
stima tal-probabbiltà u s-severità ta' avveniment li jseħħ minħabba l-proprjetajiet fiżikokimiċi tas-sustanza.

6.4. Għal kwalunkwe xenarju ta' espożizzjoni, ir-riskju għall-bnedmin u għall-ambjent jista' jiġi kunsidrat bħala kontrollat b'mod adegwat, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza li tirriżulta mill-manifattura jew mill-użi identifikati, jekk:

— 
il-livelli ta' espożizzjoni stmati fit-Taqsima 6.2 ma jaqbżux id-DNEL jew il-PNEC adegwati, kif determinat fit-Taqsimiet 1 u 3, rispettivament, u;
— 
il-probabbiltà u s-severità ta' avveniment li jseħħ minħabba l-proprjetajiet fiżikokimiċi tas-sustanza kif determinat fit-Taqsima 2 ikunu negliġibbli.

6.5. Għal dawk l-effetti fuq il-bnedmin u dawk l-isferi ambjentali li għalihom ma kienx possibbli li jiġu determinati DNEL jew PNEC, għandha titwettaq stima kwalitattiva tal-probabbiltà li jiġu evitati effetti meta jiġi implementat ix-xenarju ta' espożizzjoni.

Għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji PBT u vPvB, il-manifattur jew l-importatur għandu juża l-informazzjoni kif miksuba fit-Taqsima 5, Stadju 2 waqt li jimplementa fuq is-sit tiegħu, u jirrakkomanda lil utenti downstream, miżuri ta' maniġġar tar-riskji li jimminimizzaw l-espożizzjonijiet u l-emissjonijiet għal bnedmin u l-ambjent, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza li tirriżulta mill-manifattura jew użi identifikati.

7.   FORMAT TAR-RAPPORT TA' SIGURTÀ KIMIKA

Ir-Rapport ta' Sigurtà Kimika għandu jinkludi l-intestaturi li ġejjin:

FORMAT TAR-RAPPORT TA' SIGURTÀ KIMIKA

PARTI A

1.   SOMMARJU TA' MIŻURI TA' MANIĠĠAR TAR-RISKJI

2.   DIKJARAZZJONI LI L-MIŻURI TA' MANIĠĠAR TAR-RISKJI HUMA IMPLEMENTATI

3.   DIKJARAZZJONI LI ĠEW KOMUNIKATI MIŻURI TA' MANIĠĠAR TAR-RISKJI

PARTI B

1.   IDENTITÀ TAS-SUSTANZA U L-PROPRJETAJIET FIŻIĊI U KIMIĊI

2.   MANIFATTURA U UŻI

2.1. Manifattura

2.2. Użi identifikati

2.3. Użi li aħjar ma jsirux

3.   KLASSIFIKAZZJONI U TIKKETTAR

4.   PROPRJETAJIET TAD-DESTIN AMBJENTALI

4.1. Degradazzjoni

4.2. Distribuzzjoni ambjentali

4.3. Bijo-akkumulazzjoni

4.4. Avvelenament Sekondarju

5.   STIMA TAL-PERIKLU GĦAS-SAĦĦA TAL-BNIEDEM

5.1.   Tossikinetiċi (assorbiment, metaboliżmu, distribuzzjoni u eliminazzjoni)

5.2.   Tossiċità akuta

5.3.   Irritazzjoni

▼M10 —————

▼C1

5.4.   Korrużività

5.5.   Sensitizzazzjoni

▼M10 —————

▼C1

5.6.   Tossiċità ta' dożi ripetuti

▼M10

5.7.   Mutaġeniċità fiċ-ċelloli ġerminali

▼C1

5.8.   Karċinoġeniċità

5.9.   Tossiċità għar-riproduzzjoni

▼M10 —————

▼C1

5.10.   Effetti oħra

5.11.   Derivazzjoni tad-DNEL(s)

6.   STIMA TAL-PERIKLI GĦAS-SAĦĦA TAL-BNIEDEM TAL-PROPRJETAJIET FIŻIKOKIMIĊI

6.1. Splussività

6.2. Fjammabbiltà

6.3. Potenzjal ossidizzanti

7.   STIMA TAL-PERIKLI GĦALL-AMBJENT

7.1. Kompartiment Akkwatiku (inkluż is-sediment)

7.2. Kompartiment Terrestri

7.3. Kompartiment Atmosferiku

7.4. Attività Mikrobijoloġika f'Sistemi ta' Trattament tad-Drenaġġ

8.   STIMA PBT U vPvB

9.   STIMA TA' L-ESPOŻIZZJONI

9.1.   [Titolu ta' Xenarju ta' Espożizzjoni 1]

9.1.1. Xenarju ta' Espożizzjoni

9.1.2. Estimazzjoni ta' l-Espożizzjoni

9.2.   [Titolu ta' Xenarju ta' Espożizzjoni 2]

9.2.1. Xenarju ta' Espożizzjoni

9.2.2. Estimazzjoni ta' l-Espożizzjoni

[eċċ.]

10.   KARATTERIZZAZZJONI TAR-RISKJI

10.1.   [Titolu ta' Xenarju ta' Espożizzjoni 1]

10.1.1.   Saħħa tal-Bniedem

10.1.1.1. Ħaddiema

10.1.1.2. Konsumaturi

10.1.1.3. Espożizzjoni indiretta għall-bnedmin mill-ambjent

10.1.2.   Ambjent

10.1.2.1. Kompartiment Akkwatiku (inkluż is-Sediment)

10.1.2.2. Kompartiment Terrestri

10.1.2.3. Kompartiment Atmosferiku

10.1.2.4. Attività Mikrobijoloġika f'Sistemi ta' Trattament tad-Drenaġġ

10.2.   [Titolu ta' Xenarju ta' Espożizzjoni 2]

10.2.1.   Saħħa tal-Bniedem

10.2.1.1. Ħaddiema

10.2.1.2. Konsumaturi

10.2.1.3. Espożizzjoni indiretta għall-bnedmin mill-ambjent

10.2.2.   Ambjent

10.2.2.1. Kompartiment Akkwatiku (inkluż is-Sediment)

10.2.2.2. Kompartiment Terrestri

10.2.2.3. Kompartiment Atmosferiku

10.2.2.4. Attività Mikrobijoloġika f'Sistemi ta' Trattament tad-Drenaġġ

[eċċ.]

10.x.   Espożizzjoni ġenerali (kombinata għas-sorsi kollha relevanti ta' emissjonijiet/rilaxx)

10.x.1.   Saħħa tal-bniedem (kombinata għar-rotot kollha ta' espożizzjoni)

10.x.1.1

10.x.2.   Ambjent (kombinat għas-sorsi kollha ta' emissjoni)

10.x.2.1

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32006R1907
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.