Artikolu 19
Miżuri ta’ ġestjoni
1. Fi żmien 18-il xahar mill-inklużjoni ta' speċi aljena invażiva fil-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni effettivi għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li fl-Istati Membri nstab li nxterdu ħafna fit-territorju tagħhom, biex jiġu minimizzati kemm jista' jkun l-impatti tagħhom fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, u, fejn japplika, is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija.
Dawk il-miżuri ta' ġestjoni għandhom ikunu proporzjonati għall-impatt fuq l-ambjent u adatti għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati Membri, ikunu bbażati fuq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u jinkludu wkoll, sakemm ikun fattibbli, il-miżuri ta' restawr imsemmija fl-Artikolu 20. Għandhom ikunu prijoritizzati abbażi tal-evalwazzjoni tar-riskju u l-kosteffettività tagħhom.
2. Il-miżuri ta’ ġestjoni għandhom jikkonsistu f’azzjonijiet fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi kemm letali jew mhux letali mmirati lejn il-qerda, il-kontroll ta’ popolazzjoni jew il-konteniment ta’ popolazzjoni ta’ speċi aljena invażiva. Fejn ikun xieraq, il-miżuri ta' ġestjoni għandhom jinkludu azzjonijiet applikati fl-ekosistema riċevitura bl-għan li jkabbru r-reżiljenza tagħha għal invażjonijiet attwali jew futuri. L-użu kummerċjali ta' speċijiet aljeni invażivi diġà stabbiliti jista' jitħalla temporanjament bħala parti mill-miżuri ta' ġestjoni mmirati għall-qerda, il-kontroll tal-popolazzjoni jew il-konteniment tagħhom, taħt ġustifikazzjoni stretta u dment li l-kontrolli xierqa kollha jkunu fis-seħħ biex jevitaw aktar tixrid.
3. Meta japplikaw miżuri ta' ġestjoni u jagħżlu l-metodi li jkollhom jiġu użati, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont kif dovut tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, speċjalment speċijiet mhux fil-mira u l-ħabitats tagħhom, u għandhom jiżguraw li l-annimali li jkunu fil-mira jiġu protetti minn kull uġigħ, tensjoni u tbatija evitabbli matul il-proċess, mingħajr ma jipperikolaw l-effettività tal-miżuri ta' ġestjoni.
4. Is-sistema ta' sorveljanza prevista fl-Artikolu 14 għandha titfassal u tintuża biex tissorvelja l-effettività tal-qerda, il-kontroll tal-popolazzjoni jew il-miżuri ta' konteniment fit-tnaqqis tal-impatti fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, u, fejn applikabbli, fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija. Il-monitoraġġ għandu jivvaluta wkoll l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira, skont il-ħtieġa.
5. Fejn ikun hemm riskju sinifikanti li xi speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni ser tinxtered fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri fejn tkun preżenti dik l-ispeċi għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni maqbula b'mod konġunt. Fejn pajjiżi terzi jistgħu jkunu affettwati wkoll mit-tixrid, l-Istat Membru affettwat għandu jistinka biex jinforma lill-pajjiżi terzi kkonċernati.