+Artikolu 12b
---+Artikolu 12b 1.
---+Artikolu 12b 2.
---+Artikolu 12b 3.
---+Artikolu 12b 4.
---+Artikolu 12b 5.
---+Artikolu 12b 6.
---+Artikolu 12b 7.
---+Artikolu 12b 8.
---+Artikolu 12b 9.
---+Artikolu 12b 10.
---+Artikolu 12b 11.
---+Artikolu 12b 12.
---+Artikolu 12b 13.
---+Artikolu 12b 14.
---+Artikolu 12b 15.
---+Artikolu 12b 16.
---+Artikolu 12b 17.
---+Artikolu 12b 18.
---+Artikolu 12b 19.
---+Artikolu 12b 20.
---+Artikolu 12b 21.
|
Artikolu 12b
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 12b 1.
|
Il-gigafabbrika tal-IA għandha tkun fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru. Din għandha tkun appoġġata finanzjarjament minn sħubija bejn l-Unjoni u Stat Parteċipanti wieħed jew aktar, irrappreżentata mill-Impriża Konġunta, u Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA, li jista’ jinkludi fornitur wieħed jew aktar tal-infrastruttura tat-teknoloġija, irrappreżentata legalment minn Koordinatur tal-gigafabbriki tal-IA. Dik is-sħubija bejn l-Impriża Konġunta u l-Koordinatur tal-gigafabbrika tal-IA għandha tieħu l-forma ta’ Ftehim ta’ Hosting. Kull Stat Parteċipanti tas-sħubija tal-gigafabbrika tal-IA għandu jikkonkludi ftehim amministrattiv mal-Impriża Konġunta li jistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-pagament ta’ kontribuzzjonijiet, u r-rappurtar dwarhom, lill-applikanti stabbiliti f’dak l-Istat Parteċipanti. Dak il-ftehim għandu jinkludi l-ħin ta’ aċċess maqbul tal-Istat Parteċipanti, l-iskeda għall-aċċess, il-kundizzjonijiet ta’ ħlas, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u r-rekwiżiti ta’ awditjar.
|
|
Artikolu 12b 2.
|
Gigafabbriki tal-IA b’diversi siti għandhom jiġu operati minn Konsorzju wieħed ta’ gigafabbriki tal-IA u għandhom jiffunzjonaw bħala entità teknika integrata. Is-siti kostitwenti ta’ gigafabbrika tal-IA b’diversi siti għandhom ikunu interkonnessi b’networks b’veloċità għolja ħafna u b’wisa’ tal-banda għolja. F’gigafabbrika tal-IA f’pajjiż wieħed b’diversi siti, mill-inqas sit kostitwent wieħed għandu jissodisfa l-iskala ta’ gigafabbrika tal-IA. Konsorzju tal-gigafabbriki tal-IA f’diversi pajjiżi b’diversi siti għandu jkun magħmul minn mill-inqas entità ospitanti waħda għal kull Stat Membru ospitanti, u mill-inqas sit kostitwenti wieħed mill-Istati Membri parteċipanti għandu jissodisfa l-iskala ta’ gigafabbrika tal-IA. Kull entità ospitanti ta’ gigafabbrika tal-IA f’diversi pajjiżi b’diversi siti għandha tkun responsabbli in solidum vis-à-vis l-Unjoni għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni li tirċievi. Il-ftehim tal-Konsorzju ta’ gigafabbrika tal-IA f’diversi pajjiżi b’diversi siti għandu jispeċifika l-allokazzjonijiet tar-responsabbiltà bejn l-entitajiet ospitanti, kif ukoll ir-responsabbiltajiet tekniċi, operazzjonali, regolatorji u finanzjarji ta’ kull entità ospitanti.
|
|
Artikolu 12b 3.
|
Il-parteċipazzjoni f’Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA ta’ entitajiet legali minn Stati mhux Parteċipanti għandha tkun soġġetta għal restrizzjonijiet jew għal esklużjoni meta t-tali parteċipazzjoni titqies li tmur kontra l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni. F’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/694, (UE) 2021/695 u (UE) 2021/1153, is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-għażla ta’ Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA għandha tillimita l-parteċipazzjoni fil-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA għal entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Parteċipanti, jew għal entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi assoċjati speċifikati ta’ Orizzont Ewropa, tal-Programm Ewropa Diġitali u ta’ kwalunkwe programm ta’ finanzjament rilevanti sussegwenti tal-Unjoni, jew f’pajjiżi terzi parteċipanti oħrajn flimkien mal-Istati Parteċipanti li ma jmorrux kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Ir-restrizzjonijiet u l-esklużjonijiet imsemmijin f’dan il-paragrafu ma għandhomx, fil-prinċipju, japplikaw għall-entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi li ffirmaw Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-gigafabbriki tal-IA jew ftehim simili mal-Unjoni. Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-għażla ta’ Konsorzju ta’ gigafabbrika tal-IA tista’ tipprevedi li l-entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi oħra ikunu eliġibbli, dment li tali entitajiet legali jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli għal dawk l-entitajiet legali sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u sabiex jissalvagwardjaw l-informazzjoni kklassifikata. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma.
|
|
Artikolu 12b 4.
|
Il-gigafabbriki tal-IA għandhom jintgħażlu abbażi ta’ akkwist konġunt bejn l-Impriża Konġunta u awtorità kontraenti waħda jew aktar mill-Istati Parteċipanti. Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA għandu jibbenefika minn impenn espliċitu mill-Istat Membru pprovdut lill-Impriża Konġunta biex jiffinanzja s-sehem tiegħu tal-gigafabbrika tal-IA li għandu jiġi stabbilit fi ħdan it-territorju ta’ dak l-Istat Membru, wara l-għażla tiegħu f’konformità mal-paragrafu 19. Dak l-impenn għandu jiġi pprovdut mill-Istat Membru qabel it-tnedija tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess.
|
|
Artikolu 12b 5.
|
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5 għandha tkopri sa 17 % tal-investimenti fin-nefqa kapitali (CAPEX) fl-infrastruttura ġenerali tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA. Inkella, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tieħu l-forma ta’ xiri garantit miftiehem minn qabel tal-ħin ta’ aċċess għall-gigafabbrika tal-IA, ekwivalenti fil-valur sa 17 % tal-CAPEX tal-infrastruttura ġenerali tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA. Stat Parteċipanti wieħed jew aktar għandu tal-anqas jilħaq il-kontribuzzjoni tal-Unjoni. L-investiment li jifdal u n-nefqa operazzjonali (OPEX) tal-gigafabbrika tal-IA għandhom ikunu koperti mill-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA. Fil-każ ta’ gigafabbriki tal-IA f’pajjiż wieħed b’diversi siti, il-kontribuzzjoni sħiħa tal-Unjoni, bid-drittijiet ta’ aċċess għall-komputazzjoni korrispondenti, tista’ tiġi allokata lill-akbar sit kostitwenti. Fil-każ ta’ gigafabbriki tal-IA f’diversi pajjiżi b’diversi siti, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi allokata lill-gigafabbriki tal-IA li jissodisfaw l-iskala meħtieġa u lil gigafabbrika tal-IA waħda għal kull Stat Membru parteċipanti.
|
|
Artikolu 12b 6.
|
Fabbrika tal-IA magħżula tista’ tikber b’mod sostanzjali sabiex issir gigafabbrika tal-IA. F’każ bħal dan, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni diġà pprovdut għal dik il-fabbrika tal-IA għandu jingħadd bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni lejn il-CAPEX tal-infrastruttura tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. L-istess dispożizzjonijiet japplikaw għall-Istati Parteċipanti. Il-fabbrika tal-IA msemmija fl-Artikolu 10 għandha tiġi emendata kif meħtieġ, meta dan ikun xieraq. L-investiment addizzjonali f’dik il-fabbrika tal-IA li ssir gigafabbrika tal-IA u l-OPEX tal-gigafabbrika tal-IA għandu jkun kopert mill-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA.
|
|
Artikolu 12b 7.
|
Stat Membru jista’ jipprovdi l-kontribuzzjonijiet tiegħu għal gigafabbrika tal-IA direttament permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament nazzjonali jew indirettament permezz ta’ sorsi oħra. Stat Membru għandu, bi ftehim amministrattiv mal-Impriża Konġunta, jgħaddi l-kontribuzzjonijiet rispettivi tiegħu, inkluż dawk imsemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u kwalunkwe kontribuzzjoni addizzjonali oħra, b’mod totali jew parzjali, permezz tal-Impriża Konġunta, li mbagħad għandha tamministra u tiżborża dawk il-fondi lill-gigafabbrika tal-IA maħtura f’isem dak l-Istat Membru. Il-kontribuzzjoni finanzjarja volontarja tista’ tikkonsisti, b’mod totali jew parzjali, f’fondi li Stat Membru jirċievi skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
4
) jew ir-Regolament (UE) 2021/1060 (
5
).
|
|
Artikolu 12b 8.
|
Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jalloka parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja li jirċievi skont ir-Regolament (UE) 2021/241 (‘allokazzjonijiet tal-RRF’) biex jiffinanzja, b’mod totali jew parzjali, il-kontribuzzjoni finanzjarja volontarja tiegħu għal gigafabbrika tal-IA f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, inkluż biex ikopri l-kontribuzzjoni tiegħu f’każijiet meta gigafabbrika tal-IA ma tintgħażilx għall-finanzjament tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jużaw l-allokazzjonijiet tal-RRF li jifdal tagħhom biex jiffinanzjaw il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom għall-fabbriki tal-IA, is-supercomputers jew il-kompjuters kwantistiċi, jew investiment ieħor fl-IA, teknoloġija kwantistika jew fl-HPC marbuta mal-objettivi tal-Impriża Konġunta u identifikati mill-Istat Membru fl-RRP tiegħu. L-Istati Membri għandhom jgħaddu tali kontribuzzjonijiet permezz tal-Impriża Konġunta f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. Mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni u t-trasferiment sħiħ u irrevokabbli tal-allokazzjonijiet magħżula tal-RRF lill-EuroHPC sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026, l-Istat Membru għandu jitqies li jkun issodisfa l-iskadenza stretta stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/241.
|
|
Artikolu 12b 9.
|
Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jalloka parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja li jirċievi skont ir-Regolament (UE) 2021/241 jew (UE) 2021/1060 jew taħt programm ta’ finanzjament ieħor biex jiffinanzja l-akkwist u l-operat ta’ infrastrutturi tas-servizzi u tad-data ġodda, avvanzati u tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tal-IA, tal-HPC jew tal-computing kwantistiku fit-territorju tiegħu. Tali Stat Membru jista’, bi ftehim amministrattiv mal-Impriża Konġunta, jgħaddi tali investimenti permezz tal-Impriża Konġunta, li mbagħad għandha tiġġestixxi u tiżborża dawk il-fondi lill-investiment identifikat f’ismu. Mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni u t-trasferiment sħiħ u irrevokabbli tal-allokazzjonijiet magħżula tal-RRF lill-EuroHPC sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026 , l-Istat Membru għandu jitqies li jkun issodisfa l-iskadenza stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/241. Fuq talba mill-Istat Membru kkonċernat, infrastruttura tal-ogħla livell tekniku u avvanzata kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata s-Siġill EuroHPC għall-IA u l-Infrastruttura tal-Kompjuters mill-Impriża Konġunta, dment li tikseb livell ta’ prestazzjoni li jkun mill-inqas ekwivalenti għal kwalunkwe wieħed mis-supercomputers tal-EuroHPC stabbiliti, inkluż il-fabbriki tal-IA. L-Impriża Konġunta għandha tiffedera u tikkollega l-infrastrutturi li jkunu ngħataw is-Siġill EuroHPC għall-IA u l-Infrastruttura tal-Kompjuters mal-IA tal-EuroHPC, l-infrastrutturi tal-computing jew kwantistiċi, kif adegwat. L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jipprovdi lill-Impriża Konġunta b’ħin ta’ aċċess għall-infrastrutturi ffinanzjati f’konformità ma’ dan il-paragrafu. Tali kontribuzzjonijiet ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1). Tali ħin ta’ aċċess magħmul disponibbli mill-Istat Membru għandu jiġi ġestit mill-Impriża Konġunta bħala parti mill-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni.
|
|
Artikolu 12b 10.
|
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu lill-Impriża Konġunta b’ħin ta’ aċċess għal wieħed jew aktar mis-supercomputers tal-EuroHPC, mill-fabbriki tal-IA jew mill-gigafabbriki tal-IA tagħhom permezz ta’ arranġament amministrattiv, li għandu jiddefinixxi s-sehem tal-ħin ta’ aċċess mogħti u t-tul tiegħu. Tali ħin ta’ aċċess għandu jsir il-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni u għandu jintuża primarjament biex jingħata aċċess lil startups u SMEs għall-attivitajiet ta’ riċerka jew innovazzjoni tagħhom. Dan ma għandux jitqies bħala kontribuzzjoni in natura mill-Istati Membri.
|
|
Artikolu 12b 11.
|
Il-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għal waħda jew aktar mill-fabbriki tal-IA jew il-gigafabbriki tal-IA tal-EuroHPC tal-Istati Membri jista’ jintuża biex jingħata aċċess liberu għal dawk il-proġetti Ewropej li jiżviluppaw mudelli tal-IA fil-fruntiera miftuħa li huma xprunaturi ewlenin tal-innovazzjoni, li ser jintgħażlu permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa madwar l-Unjoni kollha organizzata mill-Impriża Konġunta. Tali mudelli miftuħa għandhom ikunu disponibbli b’mod wiesa’ għall-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Ewropa kif ukoll għall-komunitajiet xjentifiċi u tan-negozju Ewropej. L-Istati Membri jistgħu jikkumplimentaw dak l-isforz billi jipprovdu lill-Impriża Konġunta ħin ta’ aċċess addizzjonali għal tali proġetti b’valur miżjud tal-Unjoni. Tali ħin ta’ aċċess ma għandux jitqies bħala kontribuzzjonijiet in natura mill-Istati Membri.
|
|
Artikolu 12b 12.
|
L-Impriża Konġunta għandha tkun is-sid tal-parti tal-infrastruttura tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni lill-CAPEX, imsemmija fil-paragrafi 5 u 6, għal durata ta’ mill-inqas ħames snin mill-bidu tal-operazzjonijiet tal-gigafabbrika tal-IA, kif speċifikata aktar fil-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA. Alternattivament, meta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni tieħu l-forma ta’ xiri garantit miftiehem minn qabel tal-ħin ta’ aċċess għal gigafabbrika tal-IA msemmija fil-paragrafu 5, id-durata għandha tkun ta’ mill-inqas ħames snin kif speċifikata aktar fil-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA. Fi kwalunkwe każ, id-durata għandha tiġi estiża fil-każ ta’ titjib sostanzjali tal-infrastruttura tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA. Mingħajr preġudizzju għall-istralċ tal-Impriża Konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, is-sjieda għandha tiġi ttrasferita f’konformità mal-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA jew tiġi estiża għal perjodu miftiehem skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA. Fil-każ ta’ trasferiment tas-sjieda lill-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA, il-valur residwu tal-infrastruttura tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA għandu jiġi kkonvertit f’ħin ta’ aċċess ekwivalenti għall-Unjoni. Meta ma jsir l-ebda trasferiment tas-sjieda lill-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA skont il-Ftehim dwar il-Hosting, u tittieħed deċiżjoni biex tiġi dekummissjonata, il-kostijiet rilevanti għandhom jiġġarrbu mill-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA.
|
|
Artikolu 12b 13.
|
Il-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni u tal-Istati Parteċipanti għal gigafabbrika tal-IA għandhom ikunu direttament proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivi tagħhom għall-CAPEX tal-infrastruttura tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA, jew għax-xiri garantit tal-ħin ta’ aċċess miftiehem minn qabel għall-gigafabbrika tal-IA.
|
|
Artikolu 12b 14.
|
Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta għandu jiddetermina:
(a)
il-kundizzjonijiet tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għal gigafabbriki tal-IA;
(b)
ir-regoli speċifiċi għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal gigafabbriki tal-IA li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għall-proġetti u għall-attivitajiet meqjusin bħala strateġiċi għall-Unjoni;
(c)
ir-regoli speċifiċi għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal gigafabbriki tal-IA li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għall-proġetti u għall-attivitajiet marbutin mas-sigurtà.
|
|
Artikolu 12b 15.
|
Meta jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni skont il-paragrafu 14, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiżgura li l-aċċess:
(a)
jingħata lill-utenti li jirrisjedu, li jkunu stabbiliti jew li jinsabu fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm Ewropa Diġitali, lil Orizzont Ewropa jew lill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;
(b)
ikun mingħajr ħlas: għall-utenti minn entitajiet regolati bid-dritt pubbliku; għall-utenti industrijali għall-applikazzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ffinanzjati minn Orizzont Ewropa, mill-Programm Ewropa Diġitali, jew mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u dawk mogħtijin Siġill ta’ Eċċellenza taħt Orizzont Ewropa jew il-Programm Ewropa Diġitali; u għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni privati tal-SMEs u tal-iscaleups, meta xieraq;
(c)
jinkludi r-riżorsi tal-computing riżervati speċifikament għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata d-disponibbiltà garantita u l-prijorità tal-iskedar.
|
|
Artikolu 12b 16.
|
Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jimmonitorja s-sehem tal-ħin ta’ aċċess tal-Unjoni għat-tipi differenti ta’ utenti msemmijin fil-paragrafu 15, il-punt (a). Fil-każijiet li jkun hemm żbilanċ sinifikanti fl-ishma tal-ħin ta’ aċċess bejn it-tipi differenti ta’ utenti meta mqabblin mad-domanda, il-Bord tat-Tmexxija għandu huwa għandu jieħu azzjoni korrettiva xierqa sabiex jindirizza dak l-iżbilanċ.
|
|
Artikolu 12b 17.
|
Il-kontribuzzjonijiet mill-Unjoni u mill-Istati Parteċipanti għandhom ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi strateġiċi tal-Unjoni. Il-kundizzjonijiet speċifiċi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu stipulati fi Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA ddedikat. Il-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbrika tal-IA għandu jkun irregolat bid-dritt tal-Unjoni, issupplimentat, għal kwalunkwe kwistjoni mhux koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħrajn tal-Unjoni, bid-dritt tal-Istat Membru fejn tkun tinsab l-entità tal-hosting. Il-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA għandu:
(a)
jistabbilixxi fid-dettall l-istruttura tas-sjieda u tal-governanza tal-gigafabbrika tal-IA;
(b)
jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw l-iskrutinju u l-kontroll effettivi u proporzjonati tal-gigafabbrika tal-IA mill-Unjoni għas-salvagwardja tal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew tas-sigurtà tal-Unjoni;
(c)
jispeċifika l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, tal-Istati Parteċipanti u tas-sħab pubbliċi jew privati tal-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA, inkluż il-ħin ta’ aċċess garantit għall-gigafabbrika tal-IA msemmi fil-paragrafu 13, kif xieraq, u d-durata tiegħu;
(d)
jispeċifika, jekk ikun xieraq, kwalunkwe interess ieħor tal-Unjoni li jirriżulta minn kwalunkwe investiment tal-Unjoni regolat bi ftehimiet ta’ investiment speċifiċi bejn il-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA u InvestEU;
(e)
jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-utenti mhux tal-Unjoni tal-gigafabbrika tal-IA, li għandhom jikkonformaw mal-istess kundizzjonijiet bħall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà speċifikati fil-paragrafu 3;
(f)
jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dettaljati għall-aċċess għall-utenti tal-Unjoni tal-gigafabbrika tal-IA u l-arranġamenti ta’ rendikont tal-ħinijiet ta’ aċċess għas-servizzi tal-gigafabbrika tal-IA;
(g)
jistabbilixxi l-kwalità tas-servizz offrut lill-utenti tal-Impriża Konġunta meta joperaw il-gigafabbrika tal-IA, kif deskritt fil-ftehim dwar il-livell ta’ servizz inkluż fil-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA;
(h)
jistabbilixxi l-arranġamenti għall-akkwist, l-operat u l-użu tad-data u tal-infrastruttura tal-computing tal-gigafabbrika tal-IA, inkluż ir-rekwiżiti tal-utenti mis-settur pubbliku, meta jkun xieraq, u meta l-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA jinkludi fornitur wieħed jew aktar tal-infrastruttura tat-teknoloġija, jinkludi l-forniment ta’ salvagwardji msaħħin kontra kunflitti ta’ interess li jikkonċernaw lil dawk il-fornituri;
(i)
jelenka l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tas-sjieda msemmija fil-paragrafu 12, meta jkun xieraq;
(j)
jagħti d-dettalji dwar l-estensjoni tas-sjieda jew tal-ħin ta’ aċċess mixtri, garantit u miftiehem minn qabel u l-kundizzjonijiet tat-tneħħija gradwali għall-gigafabbrika tal-IA, meta xieraq;
(k)
jelenka l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà għall-operat tal-gigafabbrika tal-IA, meta xieraq;
(l)
jispeċifika l-obbligu tal-entità tal-hosting tal-gigafabbrika tal-IA li sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena tippreżenta lill-Bord ta’ Tmexxija rapport tal-awditjar u data dwar l-użu tal-ħin ta’ aċċess fis-sena kontabilistika preċedenti;
(m)
ikun fih klawżola ta’ arbitraġġ, skont it-tifsira tal-Artikolu 272 TFUE, li tagħti ġuriżdizzjoni fuq kull materja koperta mill-Ftehim ta’ Hosting lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
|
|
Artikolu 12b 18.
|
Il-gigafabbrika tal-IA għandha tinkludi korp ta’ governanza pubblika magħmul minn rappreżentanti mill-Kummissjoni u mill-Istati Parteċipanti li jipprovdu finanzjament pubbliku lill-gigafabbrika tal-IA speċifika. Il-kompożizzjoni u l-arranġamenti ta’ ħidma ta’ tali korp ta’ governanza pubblika għandhom jiġu speċifikati f il-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA. Mingħajr preġudizzju għall-ġestjoni u għall-awtonomija operazzjonali tal-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA, l-elementi li ġejjin għandhom jeħtieġu approvazzjoni espliċita minn qabel mill-korp ta’ governanza pubblika maħtur:
(a)
kwalunkwe ftehim ta’ aċċess propost ma’ entitajiet minn pajjiżi terzi li jistgħu jqajmu tħassib dwar l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni;
(b)
bidliet sostanzjali fl-istruttura jew fil-kontroll legali u finanzjarju tal-gigafabbrika tal-IA li jkollhom impatt fuq l-interessi tal-Unjoni jew fuq dawk tal-Istati Parteċipanti, bħal bidla fis-sjieda finali jew fil-kontroll tagħha, kwalunkwe rilokazzjoni ta’ assi kritiċi barra mill-Unjoni jew deċiżjoni kbira dwar ristrutturar finanzjarju;
(c)
bidla sinifikanti fl-iskop strateġiku tal-gigafabbrika tal-IA.
|
|
Artikolu 12b 19.
|
Wara sejħa għal espressjoni ta’ interess, il-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA għandu jintgħażel mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta permezz ta’ proċess ġust u trasparenti, bl-appoġġ ta’ bord ta’ esperti indipendenti u ta’ istituzzjoni finanzjarja akkreditata maħtura mill-Bord ta’ Tmexxija biex twettaq evalwazzjoni, fuq il-bażi, fost l-oħrajn, tal-kriterji li ġejjin:
(a)
evalwazzjoni teknika:
(i)
l-objettivi u l-kwalità teknika tal-proposta;
(ii)
il-kwalità tal-pjan ta’ ħidma;
(iii)
il-kwalità tal-infrastruttura fiżika, tal-IT u tan-networking;
(iv)
il-kwalità tas-servizz, inkluż is-sigurtà u l-affidabbiltà;
(v)
is-sostenibbiltà u l-effiċjenza enerġetika;
(vi)
l-esperjenza u l-għarfien prattiku tal-konsorzju fl-istabbiliment ta’ faċilitajiet simili fuq skala kbira;
(b)
l-impatt potenzjali:
(i)
l-impatt fuq l-ekosistema Ewropea tal-IA, inkluż il-kompetittività u r-riżerva ta’ talent tagħha;
(ii)
il-valur miżjud tal-Unjoni, inkluż il-kontribut għall-awtonomija strateġika u s-sovranità teknoloġika;
(c)
il-fattibbiltà finanzjarja:
(i)
l-impenn ta’ investiment tal-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA;
(ii)
il-kwalità u l-vijabbiltà finanzjarja tal-mudell ta’ negozju propost, inkluż diliġenza dovuta li għandha titwettaq mill-istituzzjoni finanzjarja akkreditata maħtura.
|
|
Artikolu 12b 20.
|
Meta l-Konsorzju ma jkunx jinkludi fornitur wieħed jew aktar tal-infrastruttura tat-teknoloġija, il-fornituri tal-gigafabbrika tal-IA għandhom jintgħażlu mill-Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA fuq il-bażi ta’ speċifikazzjonijiet ġusti u trasparenti tal-offerta li għandhom iqisu l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tas-sistema, u b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-utenti mis-settur pubbliku, ipprovduti mill-Impriża Konġunta fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess u speċifikati aktar fil-Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbrika tal-IA. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq kriterji ġusti, miftuħa u trasparenti, u għandha tiżgura wkoll il-valur miżjud tal-Unjoni u tindirizza s-sigurtà u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista. L-offerenti magħżula għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà speċifikati fil-paragrafu 3.
|
|
Artikolu 12b 21.
|
L-Impriża Konġunta tista’ tistabbilixxi kuntratti qafas għall-forniment ta’ komponenti essenzjali u ta’ domanda għolja, bħal proċessuri avvanzati tal-IA. Il-konsorzji ta’ gigafabbriki tal-IA jistgħu jużaw il-kuntratti qafas imsemmija f’dan il-paragrafu għall-akkwist tagħhom.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 20.01.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32021R1173
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|