+Artikolu 4 Miri tal-effiċjenza enerġetika
---+Artikolu 4 1.
---+Artikolu 4 2.
---+Artikolu 4 3.
---+Artikolu 4 4.
---+Artikolu 4 5.
---+Artikolu 4 6.
---+Artikolu 4 7.
|
Artikolu 4 Miri tal-effiċjenza enerġetika
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 4 1.
|
L-Istati Membri għandhom kollettivament jiżguraw tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta’ mill-inqas 11,7 % fl-2030 meta mqabbel mal-projezzjonijiet tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2020 biex il-konsum tal-enerġija finali tal-Unjoni jammonta għal mhux aktar minn 763 Mtoe. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jikkontribwixxu kollettivament għall-mira indikattiva u tal-konsum tal-enerġija primarja tal-Unjoni li tammonta għal mhux aktar minn 992,5 Mtoe fl-2030.
|
|
Artikolu 4 2.
|
Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kontributi nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza enerġetika bbażati fuq il-konsum tal-enerġija finali biex kollettivament jissodisfaw il-mira vinkolanti tal-Unjoni tal-konsum finali tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu jagħmel sforzi biex jikkontribwixxi b’mod kollettiv għall-mira indikattiva tal-konsum primarju tal-enerġija tal-Unjoni msemmija f’dak il-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-kontributi lill-Kummissjoni, flimkien ma’ trajettorja indikattiva għal dawk il-kontributi, bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, u tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 l-Artikoli 7 sa 12 ta’ dak ir-Regolament. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jesprimu wkoll il-kontributi tagħhom f’termini ta’ livell assolut ta’ konsum tal-enerġija primarja fl-2030. Meta jistabbilixxu l-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom għall-effiċjenza enerġetika, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u jispjegaw kif, u abbażi ta’ liema data, ġew ikkalkulati l-kontributi. Għal dak l-għan, huma jistgħu jużaw il-formula stabbilita fl-Anness I għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu s-sehem tal-konsum tal-enerġija primarja u l-konsum tal-enerġija finali tas-setturi tal-użu finali tal-enerġija, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008, inkluż tal-industrija, residenzjali, tas-servizzi u tat-trasport, fil-kontributi nazzjonali tagħhom tal-effiċjenza enerġetika. L-Istati Membri għandhom jindikaw ukoll il-projezzjonijiet għall-konsum tal-enerġija fl-ICT.
|
|
Artikolu 4 3.
|
Meta jistabbilixxu l-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom tal-effiċjenza enerġetika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iqisu:
(a)
il-il-mira takonsum finali tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 ta’ mhux aktar minn 763 Mtoe u l-mira tal-konsum tal-enerġija primarja ta’ mhux aktar minn 992,5 Mtoe, kif provdut fil-paragrafu 1;
(b)
il-miżuri previsti f’din id-Direttiva;
(c)
miżuri oħra li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni;
(d)
kwalunkwe fattur rilevanti li jaffettwa l-isforzi tal-effiċjenza:
(i)
sforzi u azzjonijiet bikrija fl-effiċjenza enerġetika;
(ii)
id-distribuzzjoni ekwa tal-isforzi madwar l-Unjoni;
(iii)
l-intensità tal-enerġija tal-ekonomija;
(iv)
il-potenzjal pendenti tal-iffrankar tal-enerġija kosteffettiv;
(e)
ċirkostanzi nazzjonali oħra li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija, b’mod partikolari:
(i)
il-PDG u l-evoluzzjoni u l-previżjoni demografika;
(ii)
bidliet fl-importazzjonijiet u fl-esportazzjonijiet tal-enerġija, żviluppi fit-taħlita tal-enerġija u l-użu ta’ fjuwils sostenibbli ġodda;
(iii)
l-iżvilupp tas-sorsi kollha tal-enerġiji rinnovabbli, l-enerġija nukleari, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju;
(iv)
id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija;
(v)
il-livell ta’ ambizzjoni fil-pjanijiet nazzjonali ta’ dekarbonizzazzjoni jew tan-newtralità klimatika;
(vi)
potenzjal ekonomiku ta’ ffrankar tal-enerġija;
(vii)
il-kundizzjonijiet klimatiċi attwali u t-tbassir tat-tibdil fil-klima.
|
|
Artikolu 4 4.
|
Meta japplikaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3, Stat Membru għandu jiżgura li l-kontribut tiegħu f’Mtoe ma jkunx aktar minn 2,5 % ‘il fuq minn dak li kien ikun kieku rriżulta mill-formula stabbilita fl-Anness I.
|
|
Artikolu 4 5.
|
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta li l-kontribut kollettiv tal-Istati Membri jkun tal-anqas ugwali għall-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-konsum finali tal-enerġija stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li dan mhuwiex biżżejjed, bħala parti mill-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali aġġornati dwar l-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 jew sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2024, filwaqt li tqis ix-Xenarju ta’ Referenza tal-UE aġġornat tal-2020 skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lil kull Stat Membru kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut tal-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija abbażi ta’:
(a)
il-bqija tat-tnaqqis kollettiv tal-konsum finali tal-enerġija meħtieġ biex tintlaħaq il-mira vinkolanti tal-Unjoni stabbilita fil-paragrafu 1;
(b)
l-intensità relattiva tal-GHG għal kull unità tal-PDG fl-2019 fost l-Istati Membri kkonċernati;
(c)
il-PDG ta’ dawk l-Istati Membri fl-2019.
Qabel ma tapplika l-formula fl-Anness I għall-mekkaniżmu stabbilit f’dan il-paragrafu u sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni għandha taġġorna x-Xenarju ta’ Referenza tal-UE tal-2020 abbażi tal-aħħar data tal-Eurostat irrappurtata mill-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 4(2)(b) u l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999. Minkejja l-Artikolu 37 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri li jixtiequ jaġġornaw il-kontributi nazzjonali indikattivi tagħhom tal-effiċjenza enerġetika skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, bl-użu tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE aġġornat tal-2020, għandhom jinnotifikaw il-kontribut nazzjonali indikattiv aġġornat tagħhom tal-effiċjenza enerġetika sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar 2024. Meta Stat Membru jkun jixtieq jaġġorna l-kontribut nazzjonali indikattiv tiegħu tal-effiċjenza enerġetika, huwa għandu jiżgura li l-kontribut tiegħu f’Mtoe ma jkunx aktar minn 2.5 % ogħla minn dak li kien ikun kieku rriżulta mill-formula stabbilita fl-Anness I bl-użu tax-Xenarju ta’ Referenza tal-UE aġġornat tal-2020. L-Istati Membri li lilhom ikun ġie ppreżentat kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut tal-effiċjenza enerġetika mill-Kummissjoni għandhom jaġġornaw il-kontributi indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika tagħhom skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, bil-kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut tal-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija flimkien ma’ aġġornament tat-trajettorja indikattiva tagħhom għal dawk il-kontributi u, meta applikabbli, il-miżuri addizzjonali tagħhom, bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999. Il-Kummissjoni għandha, f’konformità ma’ dak ir-Regolament, tirrikjedi li l-Istati Membri, mingħajr dewmien, jippreżentaw il-kontribut indikattiv ikkoreġut tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u, meta applikabbli, il-miżuri addizzjonali tagħhom biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit f’dan il-paragrafu. Meta Stat Membru jkun innotifika kontribut nazzjonali indikattiv għall-konsum finali tal-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija f’Mtoe daqs jew anqas minn dak skont il-formula stabbilit fl-Anness I, il-Kummissjoni ma għandhiex temenda dak il-kontribut. Meta tapplika l-mekkaniżmu stabbilit f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jkun fadal l-ebda differenza bejn is-somma tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri kollha u l-mira vinkolanti tal-Unjoni stabbilita fil-paragrafu 1.
|
|
Artikolu 4 6.
|
Meta l-Kummissjoni tikkonkludi, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 29(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/1999, li ma sarx biżżejjed progress biex jintlaħqu l-kontributi tal-effiċjenza enerġetika, l-Istati Membri li jaqbżu t-trajettorji indikattivi tagħhom għall-konsum finali tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiżguraw li jiġu implimentati miżuri addizzjonali fi żmien sena mid-data tal-irċevuta tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni biex ikun żgurat li jissokta l-perkors it-tajjeb biex jiksbu l-kontributi tagħhom tal-effiċjenza enerġetika. Għalkemm ma għandhomx ikunu limitati għalihom, dawk il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu tal-anqas waħda mill-miżuri li ġejjin:
(a)
il-miżuri nazzjonali li jipprovdu ffrankar tal-enerġija addizzjonali, inkluż b’assistenza aktar b’saħħitha għall-iżvilupp tal-proġetti li jimplimentaw miżuri ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika;
(b)
iż-żieda tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva;
(c)
l-aġġustament tal-obbligu għas-settur pubbliku;
(d)
l-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja volontarja lill-fond nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika msemmi fl-Artikolu 30 ta’ din id-Direttiva jew strument ta’ finanzjament ieħor maħsub għall-effiċjenza enerġetika, meta l-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għandhom ikunu daqs l-investimenti meħtieġa biex tintlaħaq it-trajettorja indikattiva.
Meta l-konsum finali tal-enerġija ta’ Stat Membru jkun ‘il fuq mit-trajettorja indikattiva tiegħu għall-konsum finali tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan għandu jinkludi fir-rapport ta’ progress nazzjonali integrat tiegħu għall-enerġija u l-klima ippreżentat skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1999 spjegazzjoni dwar il-miżuri li ser jieħu biex ikopri d-diskrepanza sabiex jiżgura li jilħaq il-kontributi nazzjonali tiegħu tal-effiċjenza enerġetika u l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija li mistenni jinkiseb. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri nazzjonali msemmija f’dan il-paragrafu humiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni. Jekk il-miżuri nazzjonali jitqiesu insuffiċjenti, il-Kummissjoni għandha, skont kif ikun xieraq, tipproponi miżuri u teżerċita s-setgħat tagħha fil-livell tal-Unjoni biex tiżgura, b’mod partikolari, li jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030.
|
|
Artikolu 4 7.
|
Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull bidla metodoloġika fid-data rrapportata skont ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008, fil-metodoloġija tal-kalkolu tal-bilanċ tal-enerġija, u fil-mudelli tal-enerġija għall-użu Ewropew tal-enerġija u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi aġġustamenti tekniċi fil-kalkolu tal-miri tal-Unjoni għall-2030 bil-ħsieb li jinżamm il-livell ta’ ambizzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 05.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023L1791
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|