+Artikolu 8 Obbligu tal-iffrankar tal-enerġija
---+Artikolu 8 1.
---+Artikolu 8 2.
---+Artikolu 8 3.
---+Artikolu 8 4.
---+Artikolu 8 5.
---+Artikolu 8 6.
---+Artikolu 8 7.
---+Artikolu 8 8.
---+Artikolu 8 9.
---+Artikolu 8 10.
---+Artikolu 8 11.
---+Artikolu 8 12.
---+Artikolu 8 13.
---+Artikolu 8 14.

Artikolu 8 Obbligu tal-iffrankar tal-enerġija

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 8 1.

L-Istati Membri għandhom jiksbu ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali tal-anqas ekwivalenti għal:

(a) 

iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 ta’ 1,5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija lil klijenti finali skont il-volum, b’medja tal-aktar tliet snin riċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2013. Il-bejgħ tal-enerġija, bil-volum, użata fit-trasport jista’ jiġi eskluż parzjalment jew għalkollox minn dak il-kalkolu;

(b) 

iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 ta’:

(i) 

0,8 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019;

(ii) 

1,3 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019;

(iii) 

1,5 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2027, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019;

(iv) 

1,9 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali mill-1 ta’ Jannar 2028 sal-31 ta’ Diċembru 2030, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.

B’deroga mill-punt (b)(i) tal-ewwel subparagrafu, Ċipru u Malta għandhom jiksbu ffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023, ekwivalenti għal 0,24 % tal-konsum tal-enerġija finali annwali, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.

B’deroga mil-punti (b)(ii), (iii) u (iv) tal-ewwel subparagrafu, Ċipru u Malta għandhom jiksbu ffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2030 ekwivalenti għal 0,45 % tal-FEC annwali, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif iqassmu f’fażijiet il-kwantità kkalkulata ta’ ffrankar ġdid fuq kull perjodu msemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, sakemm l-iffrankar kumulattiv totali meħtieġ fl-użu finali tal-enerġija jkun intlaħaq sal-aħħar ta’ kull perjodu ta’ obbligu.

L-Istati Membri għandhom ikomplu jiksbu ffrankar annwali ġdid, skont ir-rata tal-iffrankar prevista fil-punt (b)(iv) tal-ewwel subparagrafu għal perjodi ta’ għaxar snin wara l-2030.

Artikolu 8 2.
L-Istati Membri għandhom jiksbu l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi jistabbilixxu skema tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika kif imsemmi fl-Artikolu 9 jew billi jadottaw miżuri ta’ politika alternattivi kif imsemmi fl-Artikolu 10. L-Istati Membri jistgħu jikkombinaw skema tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika ma’ miżuri ta’ politika alternattivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iffrankar tal-enerġija miksub mill-miżuri ta’ politika msemmijin fl-Artikoli 9 u 10 u l-Artikolu 30(14) jiġi kkalkulat skont l-Anness V.
Artikolu 8 3.
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw skemi tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika, miżuri ta’ politika alternattivi, jew taħlita tat-tnejn, jew programmi jew miżuri ffinanzjati minn fond nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika, bħala prijorità fost, iżda mhux limitata għal, il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli, l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ politika implimentati skont dan l-Artikolu ma jkollhom l-ebda effett negattiv fuq dawk il-persuni. Meta applikabbli, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-finanzjament, inkluż il-finanzjament pubbliku, il-faċilitajiet ta’ finanzjament stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, u d-dħul mill-kwoti skont l-Artikolu 24(3), il-punt (b), biex jitneħħew l-effetti negattivi u tkun żgurata tranżizzjoni tal-enerġija ġusta u inklużiva.

Għall-fini tal-kisba tal-iffrankar tal-enerġija meħtieġa skont il-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944, l-Istati Membri għandhom, għall-fini tat-tfassil ta’ dawn il-miżuri ta’ politika, jikkunsidraw u jippromwovu r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u tal-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini fil-kontribut għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ politika.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jiksbu sehem tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali fost il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli, persuni f’unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali. Dan is-sehem għandu tal-anqas ikun daqs il-proporzjon tal-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku kif ivvalutat fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima tagħhom stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2018/1999. Fil-valutazzjoni tagħhom tas-sehem tal-faqar enerġetiku fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-indikaturi li ġejjin:

(a) 

l-inabbiltà li d-dar tinżamm sħuna kif xieraq (Eurostat, SILC [ilc_mdes01]);

(b) 

l-arretrati fuq il-kontijiet tal-utilità (Eurostat, SILC, [ilc_mdes07]);

(c) 

il-popolazzjoni totali ta’ nies li jgħixu f’abitazzjoni b’saqaf iqattar, ħitan, art jew pedamenti umdi jew tmermir fl-oqfsa tat-twieqi jew fl-art (Eurostat, SILC [ilc_mdho01]);

(d) 

ir-rata tar-riskju ta’ faqar (stħarriġ ta’ Eurostat, SILC u ECHP [ilc_li02]) (punt ta’ limitu: 60 % tal-introjtu medjan ekwivalizzat wara t-trasferimenti soċjali).

Jekk Stat Membru ma nnotifikax is-sehem ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku kif ivvalutat fil-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima tiegħu, is-sehem tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali fost il-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku, il-klijenti vulnerabbli, persuni f’unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u, meta applikabbli, il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, għandu jkun tal-anqas daqs is-sehem medju aritmetiku tal-indikaturi msemmija fit-tielet subparagrafu għas-sena 2019 jew, jekk mhux disponibbli għall-2019, għall-estrapolazzjoni lineari tal-valuri tagħhom għall-aħħar tliet snin disponibbli.

Artikolu 8 4.
L-Istati Membri għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-indikaturi applikati, is-sehem medju aritmetiku u l-eżitu tal-miżuri ta’ politika stabbiliti skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fl-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, fil-pjanijiet nazzjonali integrati sussegwenti tagħhom għall-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 ta’ dak ir-Regolament, u fir-rapporti ta’ progress nazzjonali għall-enerġija u l-klima relatati ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 8 5.
L-Istati Membri jistgħu jgħoddu l-iffrankar tal-enerġija miksub mill-miżuri ta’ politika, kemm dawk introdotti sal-31 ta’ Diċembru 2020 u anki dawk introdotti wara dik id-data, diment li dawk il-miżuri jwasslu għal azzjonijiet individwali ġodda imwettqa wara l-31 ta’ Diċembru 2020. L-iffrankar tal-enerġija miksub tul kwalunkwe perjodu ta’ obbligu ma jgħoddx għall-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija għall-perjodi ta’ obbligu preċedenti stabbiliti fil-paragrafu 1.
Artikolu 8 6.

Sakemm l-Istati Membri jwettqu mill-inqas l-obbligu tagħhom ta’ ffrankar kumulattiv fl-użu finali tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) (i), huma jistgħu jikkalkulaw l-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija msemmi f’dak il-punt b’wieħed jew aktar mill-mezzi li ġejjin:

(a) 

japplikaw rata ta’ ffrankar annwali fuq il-bejgħ tal-enerġija lil klijenti finali jew fuq il-konsum tal-enerġija finali, b’medja tal-aktar tliet snin reċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019;

(b) 

jeskludu, għalkollox jew parzjalment, l-enerġija użata fit-trasport mix-xenarju bażi tal-kalkolu;

(c) 

jużaw xi waħda mill-alternattivi msemmijin fil-paragrafu 8.

Artikolu 8 7.

Meta l-Istati Membri jużaw xi wieħed mill-possibbiltajiet previsti fil-paragrafu 6 rigward l-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b)(i), dawn għandhom jistabbilixxu:

(a) 

ir-rata ta’ ffrankar annwali tagħhom li ser tiġi applikata fil-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali, li għandha tiżgura li l-ammont finali tal-iffrankar tal-enerġija nett tagħhom ma jkunx anqas minn dak meħtieġ skont dak il-punt;

(b) 

ix-xenarju bażi tal-kalkolu tagħhom stess, li jista’ jeskludi, parzjalment jew għalkollox, l-enerġija użata fit-trasport.

Artikolu 8 8.

Soġġett għall-paragrafu 9, kull Stat Membru jista’:

(a) 

iwettaq il-kalkolu meħtieġ taħt il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), billi juża valuri ta’ 1 % fl-2014 u fl-2015, 1,25 % fl-2016 u fl-2017, u ta’ 1,5 % fl-2018, l-2019 u l-2020;

(b) 

jeskludi mill-kalkolu l-bejgħ kollu jew parti mill-bejgħ tal-enerġija użata, bil-volum, rigward il-perjodu ta’ obbligu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jew l-enerġija finali kkunsmata, rigward il-perjodu ta’ obbligu msemmi fil-punt (b) (i) ta’ dak is-subparagrafu, mill-attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE;

(c) 

jgħodd, mal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b)(i), l-iffrankar tal-enerġija miksub fis-setturi tat-trasformazzjoni, tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni tal-enerġija, inkluż l-infrastruttura tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali effiċjenti, bl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25(4), fil-punt (a) tal-Artikolu 26(7), u l-Artikolu 27(1), (5) sa (9) u (11). L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ politika maħsuba tagħhom skont dan il-punt għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 u sal-31 ta’ Diċembru 2030 bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12. L-impatt ta’ dawk il-miżuri għandu jiġi kkalkulat skont l-Anness V u jiġi inkluż f’dawk il-pjanijiet;

(d) 

jgħodd mal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija, l-iffrankar tal-enerġija miksub minn azzjonijiet individwali ġodda li jkunu ġew implimentati mill-31 ta’ Diċembru 2008 u li baqa’ jkollhom impatt fl-2020 rigward il-perjodu ta’ obbligu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u wara l-2020 rigward il-perjodu msemmi fil-punt (b) (i) ta’ dak is-subparagrafu, u li jista’ jiġi mkejjel u verifikat;

(e) 

jgħodd, mal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija, l-iffrankar tal-enerġija miksub minn miżuri ta’ politika, diment li jkun jista’ jintwera li dawk il-miżuri jwasslu għal azzjonijiet individwali mwettqa mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u li jiksbu ffrankar wara l-31 ta’ Diċembru 2020;

(f) 

jeskludi mill-kalkolu tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) (i), 30 % tal-ammont verifikabbli ta’ enerġija ġġenerata fuq jew fil-bini għal użu proprju permezz ta’ miżuri ta’ politika li jippromwovu installazzjonijiet ġodda ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli;

(g) 

jgħodd mal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b)(i), l-iffrankar tal-enerġija li jaqbeż l-iffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perjodu ta’ obbligu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020, diment li dak l-iffrankar jinkiseb minn azzjonijiet individwali mwettqa skont il-miżuri ta’ politika msemmijin fl-Artikoli 9 u 10, notifikati mill-Istati Membri fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom għall-effiċjenza enerġetika u rrappurtati fir-rapporti ta’ progress tagħhom skont l-Artikolu 26.

Artikolu 8 9.

L-Istati Membri għandhom japplikaw u jikkalkulaw l-effett tal-għażliet li saru skont il-paragrafu 8 għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) (i) separatament:

(a) 

għall-kalkolu tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perjodu ta’ obbligu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-Istati Membri jistgħu jużaw l-għażliet elenkati fil-paragrafu 8, il-punti (a) sa (d). L-għażliet kollha li jsiru skont il-paragrafu 8 meħudin flimkien għandhom jammontaw għal mhux aktar minn 25 % tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a);

(b) 

għall-kalkolu tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija għall-perjodu ta’ obbligu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) (i), l-Istati Membri jistgħu jużaw l-għażliet elenkati fil-paragrafu 8, il-punti (b) sa (g), diment li l-azzjonijiet individwali msemmija fil-paragrafu 8, il-punt (d), jibqa’ jkollhom impatt li jista’ jiġi verifikat u mkejjel wara l-31 ta’ Diċembru 2020. L-għażliet kollha li jsiru skont il-paragrafu 8 meħudin flimkien ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis ta’ aktar minn 35 % tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija kkalkulat skont il-paragrafi 6 u 7.

Irrispettivament minn jekk l-Istati Membri jeskludux għalkollox jew parzjalment l-enerġija użata fit-trasport mix-xenarju bażi tal-kalkolu tagħhom jew jużawx xi alternattiva minn fost dawk elenkati fil-paragrafu 8, dawn għandhom jiżguraw li l-ammont nett ikkalkulat ta’ ffrankar ġdid jinkiseb fil-konsum tal-enerġija finali tul il-perjodu ta’ obbligu msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) (i) mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023 ma jkunx inqas mill-ammont miksub mill-applikazzjoni tar-rata ta’ ffrankar annwali msemmija f’dak il-punt.

Artikolu 8 10.
L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fl-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, fil-pjanijiet nazzjonali integrati sussegwenti tagħhom għall-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u f’konformità mal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/1999, u fir-rapporti ta’ progress rispettivi, il-kalkolu tal-ammont tal-iffrankar tal-enerġija li jrid jinkiseb tul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 u għandhom, jekk ikun rilevanti, jispjegaw kif ġew stabbiliti r-rata ta’ ffrankar annwali u x-xenarju bażi tal-kalkolu u kif, u sa liema punt, l-għażliet imsemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu ġew applikati.
Artikolu 8 11.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont tal-iffrankar tal-enerġija meħtieġ imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, deskrizzjoni tal-miżuri ta’ politika li jridu jiġu implimentati biex jinkiseb l-ammont totali meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali, u l-metodoloġiji tal-kalkolu tagħhom skont l-Anness V għal din id-Direttiva, bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, u bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999. L-Istati Membri għandhom jużaw il-mudell tar-rappurtar mogħti lill-Istati Membri mill-Kummissjoni.
Artikolu 8 12.
Meta, abbażi tal-valutazzjoni tar-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1999, jew tal-abbozz jew l-aġġornament finali tal-aħħar pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima ppreżentat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999, jew tal-valutazzjoni tal-abbozz u tal-verżjoni finali sussegwenti tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ politika tagħhom ma jiżgurawx il-kisba tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali sa tmiem il-perjodu ta’ obbligu, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1999 għall-Istati Membri li l-miżuri ta’ politika tagħhom jidhrilha li mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija tagħhom.
Artikolu 8 13.
Meta Stat Membru ma jkunx kiseb l-iffrankar tal-enerġija kumulattiv meħtieġ fl-użu finali sa tmiem kull perjodu ta’ obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, dan għandu jikseb l-iffrankar tal-enerġija pendenti flimkien mal-iffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali meħtieġ sa tmiem il-perjodu ta’ obbligu ta’ wara.

Alternattivament, meta Stat Membru jkun kiseb iffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali ogħla mil-livell meħtieġ sa tmiem kull perjodu ta’ obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, huwa għandu jkun intitolat li jġorr l-ammont eliġibbli ta’ mhux aktar minn 10 % ta’ tali eċċess fil-perjodu ta’ obbligu li jmiss mingħajr ma jiżdied l-impenn fil-mira.

Artikolu 8 14.

Bħala parti mill-aġġornamenti tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, ir-rapporti ta’ progress nazzjonali rilevanti tagħhom dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, u l-pjanijiet nazzjonali integrati sussegwenti tagħhom dwar l-enerġija u l-klima nnotifikati skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 7 sa 12 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom juru, inkluż, fejn xieraq, b’evidenza u kalkoli:

(a) 

li meta kien hemm duplikazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ politika jew ta’ azzjonijiet individwali, dan l-iffrankar tal-enerġija ma ngħaddx darbtejn;

(b) 

kif l-iffrankar tal-enerġija miksub skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, jikkontribwixxi għall-kisba tal-kontribut nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 4;

(c) 

li l-miżuri ta’ politika huma stabbiliti biex jissodisfaw l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija tagħhom, imfassla skont dan l-Artikolu, u li dawk il-miżuri ta’ politika huma eliġibbli u xierqa biex jiżguraw il-kisba tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali sa tmien kull perjodu ta’ obbligu.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 05.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023L1791
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.