+ANNESS I Qafas ġenerali komuni għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

ANNESS I Qafas ġenerali komuni għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija




ANNESS I

Qafas ġenerali komuni għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

(imsemmi fl-Artikolu 4)

1. Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-użu kkalkulat jew immetrat tal-enerġija u jirrifletti l-użu tipiku ta’ enerġija għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-misħun domestiku, għall-ventilazzjoni, għat-tidwil integrat u għal sistemi tekniċi oħra użati fil-bini. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu tipiku tal-enerġija jkun rappreżentattiv tal-kundizzjonijiet operattivi attwali għal kull tipoloġija rilevanti u jirrifletti l-imġiba tipika tal-utenti. Fejn possibbli, l-użu tipiku tal-enerġija u l-imġiba tipika tal-utenti għandhom ikunu bbażati fuq l-istatistika nazzjonali disponibbli, il-kodiċijiet tal-bini u d-data mmetrata.

Meta l-użu tal-enerġija mmetrat ikun il-bażi għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, il-metodoloġija tal-kalkolu għandha tkun kapaċi tidentifika l-influwenza tal-imġiba tal-okkupanti u tal-klima lokali, li ma għandhiex tiġi riflessa fir-riżultat tal-kalkolu. L-użu tal-enerġija mmetrat għall-finijiet tal-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandu jeħtieġ qari ta’ mill-inqas kull xahar u għandu jiddistingwi bejn il-vetturi tal-enerġija.

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-konsum tal-enerġija mmetrata bil-miter f’kundizzjonijiet operattivi tipiċi biex jivverifikaw il-korrettezza tal-użu tal-enerġija kkalkulat u jippermettu t-tqabbil bejn ir-rendiment ikkalkulat u dak reali. Il-konsum tal-enerġija mmetrata għall-finijiet ta’ verifika u tqabbil jista’ jkun ibbażat fuq qari ta’ kull xahar.

Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini għandu jkun espress b’indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja għal kull unità ta’ erja tal-art ta’ referenza kull sena, f’kWh/(m2.y) għall-fini kemm taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija kif ukoll tal-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini għandha tkun trasparenti u miftuħa għall-innovazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-metodoloġija tal-kalkolu nazzjonali tagħhom abbażi tal-Anness A tal-istandards Ewropej ewlenin dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, jiġifieri EN ISO 52000-1, EN ISO 52003-1, EN ISO 52010-1, EN ISO 52016-1, EN ISO 52018-1, EN ISO 52120-1, EN 16798-1 u EN 17423 jew dokumenti li joħodlu postu. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi kodifika legali ta’ dawk l-istandards.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-bini jiġi fornut minn sistemi tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali, il-benefiċċji ta’ tali provvista jiġu rikonoxxuti u kkunsidrati fil-metodoloġija tal-kalkolu b’mod partikolari s-sehem tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ fatturi tal-enerġija primarja ċċertifikati jew rikonoxxuti individwalment.

2. Il-ħtiġijiet tal-enerġija u tal-użu tal-enerġija għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-misħun domestiku, għall-ventilazzjoni, għat-tidwil integrat u għal sistemi tekniċi oħra tal-bini għandhom jiġu kkalkulati bl-użu ta’ intervalli ta’ kalkolu tal-ħin kull xahar, fis-siegħa jew inqas minn siegħa sabiex jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet differenti li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-tħaddim u r-rendiment tas-sistema u l-kundizzjonijiet ta’ ġewwa, u biex ikunu ottimizzati l-livelli tas-saħħa, tal-kwalità tal-arja interna, inkluż livelli ta’ kumdità, definiti mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew dak reġjonali.

Fejn regolamenti speċifiċi għall-prodott għal prodotti relatati mal-enerġija adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE jkunu jinkludu rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni dwar il-prodott għall-fini tal-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont din id-Direttiva, il-metodi ta’ kalkolu nazzjonali ma għandhomx jirrikjedu informazzjoni addizzjonali.

Il-kalkolu tal-enerġija primarja għandu jkun ibbażat fuq fatturi aġġornati regolarment u li jħarsu ’l quddiem tal-enerġija primarja, (li jiddistingwi bejn mhux rinnovabbli, rinnovabbli u totali) jew fatturi ta’ ponderazzjoni għal kull vettur tal-enerġija, li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet nazzjonali u jqis it-taħlita enerġetika mistennija abbażi tal-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima tagħhom. Dawk il-fatturi tal-enerġija primarja jew fatturi ta’ ponderazzjoni jistgħu jkunu bbażati fuq informazzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-fatturi tal-enerġija primarja jew fatturi ta’ ponderazzjoni jistgħu jiġu stabbliti fuq bażi annwali, staġonali, ta’ kull xahar, ta’ kuljum jew fis-siegħa jew fuq informazzjoni aktar speċifika li titqiegħed għad-dispożizzjoni għal sistemi distrettwali individwali.

Il-fatturi tal-enerġija primarja jew il-fatturi ta’ ponderazzjoni għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri. L-għażliet magħmula u s-sorsi tad-data għandhom jiġu rrapportati skont EN 17423 jew kwalunkwe dokument ta’ li jeħodlu postu. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu fattur medju tal-enerġija primarja tal-Unjoni għall-elettriku stabbilit skont id-Direttiva (UE) 2023/1791 minflok fattur tal-enerġija primarja li jirrifletti t-taħlita tal-elettriku fil-pajjiż.

3. Bil-għan li jiġi espress r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu indikaturi numeriċi addizzjonali tal-użu ta’ enerġija primarja totali, mhux rinnovabbli u rinnovabbli, u emissjonijiet ta’ gass serra operattivi prodotti fi kgCO2eq/(m2.y).

4. Il-metodoloġija għandha tiġi stabbilita filwaqt li mill-anqas jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

(a) 

il-karatteristiċi termali attwali li ġejjin tal-bini inkluż it-taqsimiet interni tiegħu:

(i) 

kapaċità termali;

(ii) 

insulazzjoni;

(iii) 

tisħin passiv;

(iv) 

elementi tat-tkessiħ;

(v) 

pontijiet termali;

(b) 

installazzjonijiet tat-tisħin u provvista tal-ilma sħun domestiku, inkluż il-karatteristiċi ta’ insulazzjoni tagħhom;

(c) 

il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ ħżin ta’ enerġija installati fuq il-post;

(d) 

installazzjonijiet tal-arja kundizzjonata;

(e) 

ventilazzjoni naturali u mekkanika li tista’ tinkludi ssikkar tal-arja, u l-irkupru tas-sħana;

(f) 

installazzjonijiet ta’ tidwil fissi (l-aktar fis-settur mhux residenzjali);

(g) 

id-disinn, pożizzjonament u orjentazzjoni tal-bini, inkluż il-klima ta’ barra;

(h) 

sistemi solari passivi u protezzjoni solari;

(i) 

kundizzjonijiet klimatiċi interni, inkluż il-klima interna ddisinjata;

(j) 

tagħbijiet interni;

(k) 

sistemi tal-awtomatizzazzjoni u l-kontroll tal-bini u l-kapaċitajiet tagħhom li jimmonitorjaw, jikkontrollaw u jottimizzaw ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.

5. Għandha titqies l-influwenza pożittiva tal-aspetti li ġejjin:

(a) 

kundizzjonijiet ta’ esponiment solari lokali, sistemi solari attivi u sistemi oħra ta’ tisħin u elettriku bbażati fuq enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b) 

elettriku ġġenerat mill-koġenerazzjoni;

(c) 

sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali jew ta’ blokka;

(d) 

tidwil naturali.

(e) 

sistemi ta’ ħżin ta’ elettriku;

(f) 

sistemi ta’ enerġija termali.

6. Għall-finijiet tal-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, il-bini għandu jiġi kklassifikat kif xieraq fil-kategoriji li ġejjin:

(a) 

djar ta’ diversi tipi għal familja waħda;

(b) 

blokki ta’ appartamenti;

(c) 

uffiċċji;

(d) 

bini tal-edukazzjoni;

(e) 

sptarijiet;

(f) 

lukandi u ristoranti;

(g) 

faċilitajiet sportivi;

(h) 

bini għal servizzi bl-ingrossa u bl-imnut;

(i) 

tipi oħra ta’ binjiet li jużaw l-enerġija.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 24.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L1275
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.