+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-8 Programm ta’ Azzjoni ambjentali tal-Unjoni Ewropea adottat bid-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jirrikjedi li l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet ikkonċernati, japplikaw standards għoljin ta’ trasparenza, parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja b’mod effettiv f’konformità mal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.

(2)

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, irratifikata mill-Komunità Ewropea fis-17 ta’ Frar 2005 mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE (5), tirrikonoxxi li ż-żieda fl-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali u t-tixrid ta’ tali informazzjoni jikkontribwixxu għal sensibilizzazzjoni akbar dwar kwistjonijiet ambjentali, skambju liberu ta’ fehmiet, parteċipazzjoni aktar effettiva mill-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali u, fl-aħħar mill-aħħar, għal ambjent aħjar. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tirrikonoxxi d-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data personali u/jew fajls relatati ma’ persuna fiżika, meta dik il-persuna ma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-iżvelar tal-informazzjoni lill-pubbliku, fejn tali kunfidenzjalità hija prevista fil-liġi nazzjonali. Meta il-liġi tal-Unjoni tirrikjedi li l-informazzjoni kummerċjali jew industrijali tinżamm kunfidenzjali biex jiġi protett interess ekonomiku leġittimu, jenħtieġ li dik il-kunfidenzjalità tiġi ssalvagwardjata.

(3)

Ir-Regolamenti (UE) 2016/679 (6) u (UE) 2018/1725 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, rispettivament, fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom fil-qafas ta’ dan ir-Regolament u dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom skont dawk ir-Regolamenti.

(4)

Fit-2 ta’ Diċembru 2005, il-Komunità Ewropea rratifikat il-Protokoll tal-UNECE dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (“il-Protokoll”) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/61/KE (8).

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), stabbilixxa Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti sabiex jiġi implimentat il-Protokoll.

(6)

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 166/2006, ippubblikat fit-13 ta’ Diċembru 2017, ikkonkluda li l-obbligi tar-rapportar jenħtieġ li jiġu ssimplifikati billi jiġu esplorati aktar sinerġiji ma’ liġi ambjentali relatata oħra tal-Unjoni dwar it-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali, inklużi b’mod partikolari d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (11). Ir-rapport enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu esplorati għażliet għal informazzjoni kuntestwali addizzjonali biex id-data rrapportata ssir aktar effettiva.

(7)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 intitolata “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: ‘Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija’”, tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni dwar tniġġis żero, enerġija, dekarbonizzazzjoni u ekonomija ċirkolari, u tippromwovi l-użu effettiv tal-informazzjoni rrapportata fil-qafas usa’ ta’ monitoraġġ u prospettiva ta’ tniġġis żero u taħt il-qafas ta’ monitoraġġ previst fit-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali.

(8)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 166/2006, ippubblikat fit-13 ta’ Diċembru 2017, f’Ġunju 2021, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (“l-Aġenzija”), żviluppat Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali (“il-Portal”) biex jissostitwixxi r-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti, bl-għan ittejjeb is-sinerġiji mar-rapportar imwettaq skont id-Direttiva 2010/75/UE.

(9)

Jenħtieġ li l-Portal jipprovdi lill-pubbliku b’aċċess online mingħajr ħlas għal sett ta’ data iktar integrat u koerenti dwar il-pressjonijiet ambjentali ewlenin iġġenerati minn installazzjonijiet industrijali peress li tali data tikkostitwixxi għodda kosteffettiva għat-twettiq ta’ paraguni u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jinkoraġġixxi prestazzjoni ambjentali aħjar, jittraċċa x-xejriet, juri l-progress fit-tnaqqis tat-tniġġis, fl-installazzjonijiet ta’ valutazzjoni komparattiva, fil-monitoraġġ tal-konformità mal-ftehimiet internazzjonali rilevanti, fl-istabbiliment tal-prijoritajiet u fl-evalwazzjoni tal-progress miksub permezz tal-politiki u l-programmi ambjentali tal-Unjoni u nazzjonali.

(10)

Jenħtieġ li l-Portal jippreżenta d-data inkluża fih f’forom aggregati u mhux aggregati ħalli jippermetti lill-utenti jwettqu tfittxijiet immirati kif ukoll jipprovdi mezzi elettroniċi ta’ estrazzjoni faċli tad-data, anki fil-forma ta’ settijiet ta’ data fuq il-bażi ta’ mistoqsijiet.

(11)

Ir-rekwiżiti tar-rapportar jenħtieġ li japplikaw fil-“livell tal-installazzjoni” sabiex jiġu implimentati sinerġiji bejn il-Portal u l-bażijiet tad-data dwar il-pressjonijiet ambjentali minn installazzjonijiet industrijali, inklużi dawk koperti mid-Direttiva 2010/75/UE, u biex tiġi żgurata l-koerenza mal-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u biex tiġi appoġġjata tali implimentazzjoni.

(12)

Sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Protokoll, ir-rekwiżiti tar-rapportar previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw għall-attivitajiet kollha elenkati fl-Anness I tal-Protokoll u, sabiex jiġu sodisfatti dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar, jenħtieġ li tiġi indikata l-faċilità li għaliha tappartjeni l-installazzjoni, jew parti minnha. Barra minn hekk, u bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji mal-liġi ambjentali relatata tal-Unjoni li taffettwa l-installazzjonijiet industrijali, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun allinjat ukoll mal-attivitajiet industrijali skont l-Annessi I u Ia tad-Direttiva 2010/75/UE u ma’ ċerti attivitajiet magħżula koperti mid-Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(13)

Sabiex tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni ambjentali tal-installazzjonijiet industrijali, id-data li għandha tiġi inkluża fil-Portal jenħtieġ li tkopri, ’il fuq mil-livelli limitu kwantitattivi applikabbli elenkati fl-Anness II, ir-rilaxx fl-ambjent ta’ ċerti inkwinanti, it-trasferimenti barra mis-sit tal-ilma mormi li jkun fih dawk l-inkwinanti u t-trasferimenti barra mis-sit tal-iskart.

(14)

Jenħtieġ li l-Portal jinkludi wkoll data dwar l-użu tal-ilma, tal-enerġija u tal-materja prima rilevanti mill-installazzjonijiet ikkonċernati, biex ikun jista’ jsir monitoraġġ tal-progress lejn ekonomija ċirkolari u effiċjenti ħafna fir-riżorsi Id-data li għandha tiġi inkluża fil-Portal jenħtieġ li tkopri l-materja prima rilevanti li tintuża fil-proċess tal-produzzjoni u li jkollha effett jew impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Id-determinazzjoni ta’ x’għandu jitqies bħala materja prima rilevanti għandha tkun ibbażata fuq ix-xogħol li sar fil-proċess li wassal għat-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) skont id-Direttiva 2010/75/UE.

(15)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tar-rapportar mill-operaturi lill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-lista ta’ materja prima rilevanti li għandha tiġi rrapportata mill-operaturi wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu s-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(16)

L-operaturi tal-installazzjonijiet jenħtieġ li jirrapportaw informazzjoni dwar il-volum tal-produzzjoni u s-sigħat ta’ tħaddim tal-installazzjoni kkonċernata sabiex tkun possibbli l-kuntestwalizzazzjoni tad-data rrapportata dwar ir-rilaxxi ta’ inkwinanti, it-trasferimenti barra mis-sit tal-ilma mormi li fih dawk l-inkwinanti u t-trasferimenti barra mis-sit tal-iskart. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni, fejn applikabbli, tiġi ttrattata f’konformità mad-dispożizzjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Il-benefiċċju ġenerali tal-Portal għall-aċċess għal informazzjoni ambjentali dwar installazzjonijiet industrijali jenħtieġ li jiġi massimizzat billi jiġu inklużi informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni b’mod konformi mad-Direttiva 2010/75/UE kif ukoll flussi ta’ informazzjoni oħra li jirriżultaw mil-liġi ambjentali tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-art u l-liġi tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart, inkluż ir-rapportar skont id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u d-Direttiva 2010/75/UE. Barra minn hekk, sabiex jiġi mmassimizzat il-valur tal-Portal għall-utenti, jenħtieġ li dan jitfassal biex jiffaċilita l-integrazzjoni futura ma’ flussi rilevanti oħra ta’ data ambjentali.

(18)

Għall-finijiet taċ-ċertezza ġuridika, l-operaturi jew l-Istati Membri jenħtieġ li jindikaw jekk id-data dwar ir-rilaxx tal-inkwinanti, it-trasferimenti barra mis-sit tal-ilma mormi li fih dawk l-inkwinanti u t-trasferimenti barra mis-sit tal-iskart ikunu taħt il-livelli limitu tar-rapportar.

(19)

Sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data rrapportata u biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tagħha, jixraq li jiġu armonizzati l-metodi ta’ kwantifikazzjoni li għandhom jintużaw mill-operaturi meta jirrapportaw ir-rilaxx tal-inkwinanti, it-trasferimenti barra mis-sit tal-ilma mormi li fih dawk l-inkwinanti u t-trasferimenti barra mis-sit tal-iskart u l-użu tar-riżorsi. Peress li l-kejl huwa l-aktar metodu ta’ kwantifikazzjoni preċiż, l-operaturi jenħtieġ li jużaw il-kejl għall-finijiet ta’ kwantifikazzjoni. Meta l-kejl ma jkunx fattibbli, l-operaturi jenħtieġ li jużaw il-kalkolu. L-istima jenħtieġ li tintuża biss bħala l-aħħar għażla.

(20)

Peress li l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-bhejjem u tal-akkwakultura jistgħu ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jikkwantifikaw b’mod akkurat ir-rilaxx intenzjonat ta’ inkwinanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu intitolati li jikkwantifikaw tali rilaxxi f’isimhom.

(21)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament rigward ir-rapportar mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi t-tip u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta u l-iskadenzi tar-rapportar. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(22)

Minħabba l-importanza li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom aċċess rapidu għall-informazzjoni ambjentali, huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħmlu d-data disponibbli għall-pubbliku malajr kemm ikun teknikament fattibbli. Għal dak il-għan, filwaqt li l-iskadenza preċiża tar-rapportar għandha tiġi stabbilita f’att ta’ implimentazzjoni, jenħtieġ li ma tkunx aktar tard minn 11-il xahar mit-tmiem tas-sena tar-rapportar ikkonċernata.

(23)

Fejn xieraq, il-Portal jenħtieġ li jiffaċilita wkoll l-aċċess għal informazzjoni dwar ir-rilaxx ta’ inkwinanti minn sorsi diffużi sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jqiegħdu f’kuntest aħjar ir-rilaxx ta’ inkwinanti u jagħżlu l-aktar soluzzjoni effettiva għat-tnaqqis tat-tniġġis.

(24)

Id-data rrapportata mill-Istati Membri u l-operaturi jenħtieġ li tkun ta’ kwalità għolja b’mod partikolari fir-rigward tal-akkuratezza, il-kompletezza, il-konsistenza u l-kredibbiltà tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-kwalità tad-data pprovduta mill-operaturi.

(25)

L-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali rrapportata mill-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunx ristrett u jenħtieġ li l-eċċezzjonijiet minn dik ir-regola jkunu possibbli biss f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) jew mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), kif xieraq.

(26)

Il-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li tiġi żgurata f’kwalunkwe żvilupp ulterjuri tal-Portal billi jiġu pprovduti opportunitajiet bikrija u effettivi biex jiġu ppreżentati kummenti, informazzjoni, analiżi u opinjonijiet għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’dak ir-rigward.

(27)

Sabiex ittejjeb l-utilità u l-impatt tal-Portal, il-Kummissjoni, appoġġata mill-Aġenzija, jenħtieġ li tiżviluppa gwida li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolamen b’attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma kinux parti mir-Regolament (KE) Nru 166/2006, u l-effetti potenzjali fuq is-setturi mhux koperti minn dak ir-Regolament.

(28)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ taġġorna l-lista ta’ attivitajiet industrijali jew agrikoli li fir-rigward tagħhom japplikaw ir-rekwiżiti tar-rapportar, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex temenda dan ir-Regolament għall-fini tal-allinjament tal-Anness I mal-emendi għall-Protokoll.

(29)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE biex temenda l-Anness II ta’ dan ir-Regolament biex jiġu ddeterminati l-livelli limitu tar-rapportar, biex jiżdiedu inkwinanti li huma soġġetti għal miżuri regolatorji speċifiċi skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-ilma u tal-arja u dwar is-sustanzi kimiċi, inklużi r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u d-Direttivi 2000/60/KE (19), 2004/107/KE (20), 2006/118/KE (21), 2008/50/KE (22), 2008/105/KE (23) u (UE) 2020/2184 (24) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u biex jiġu riflessi l-bidliet li saru fil-Protokoll fir-rigward tal-inkwinanti li għandhom jiġu rrapportati jew il-livelli limitu tar-rapportar tagħhom. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2025, tadotta att delegat li jirrevedi l-lista ta’ sustanzi u l-limiti stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament, inkluż, fost oħrajn, valutazzjoni tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-limiti ta’ rapportar għas-sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS) u sustanzi rilevanti oħra.

(30)

Meta tadotta atti delegati, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (25). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(31)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tiegħu u jenħtieġ li jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

(32)

Peress li r-Regolament (KE) Nru 166/2006 hemm bżonn li jiġi mmodifikat sostanzjalment, jenħtieġ li jitħassar u jiġi sostitwit b’dan ir-Regolament għal raġunijiet ta’ ċertezza ġuridika, ċarezza u trasparenza.

(33)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jittejjeb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali permezz tal-ħolqien ta’ bażi tad-data elettronika integrata u koerenti mal-Unjoni kollha u li jippermetti l-monitoraġġ tat-tniġġis industrijali sabiex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tiegħu, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri peress li l-ħtieġa għal data komparabbli fl-Istati Membri kollha titlob livell għoli ta’ armonizzazzjoni, iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(34)

Ir-rekwiżiti tar-rapportar stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw mis-sena tar-rapportar 2027 sabiex l-Istati Membri u l-operaturi jkollhom biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri meħtieġa.

(35)

Sabiex tiġi żgurata kemm il-kontinwità tad-data kif ukoll iċ-ċertezza ġuridika, ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 jenħtieġ li jkompli japplika għas-sena tar-rapportar 2026,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.05.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1244
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.