5. Meta, wara li tkun wettqet l-eżami dettaljat, il-Kummissjoni ssib li l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni adottat jissodisfa dawk il-kriterji u l-kundizzjonijiet moqrija flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tapprovah. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).
Meta l-Kummissjoni ssib li l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni adottat ma jissodisfax dawk il-kriterji u l-kundizzjonijiet, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni, li jitlob lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni li jikkonforma ma’ dawk il-kriterji u l-kundizzjonijiet, u, fejn rilevanti, jistabbilixxi l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu minn dak l-Istat Membru. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(3).
L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri li jkun ħa skont dik id-deċiżjoni, kif ukoll informazzjoni li turi li dawk il-miżuri huma konformi ma’ dik id-deċiżjoni.
Meta l-Kummissjoni ssib li dawk il-miżuri huma suffiċjenti biex tiġi żgurata l-konformità mad-deċiżjoni tagħha, hija għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat b’dan u tadotta att ta’ implimentazzjoni l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).
Meta l-Kummissjoni ssib li dawk il-miżuri mhumiex biżżejjed biex jiżguraw il-konformità mad-deċiżjoni, hija għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat.
Il-Kummissjoni għandha tieħu, fejn xieraq, azzjoni biex tindirizza n-nonkonformità, inkluż permezz ta’ azzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.