+Artikolu 5 Rekwiżiti għas-sustanzi f'imballaġġ
---+Artikolu 5 1
---+Artikolu 5 2
---+Artikolu 5 3
---+Artikolu 5 4
---+Artikolu 5 5
---+Artikolu 5 6
---+Artikolu 5 7
---+Artikolu 5 8
---+Artikolu 5 9

Artikolu 5 Rekwiżiti għas-sustanzi f'imballaġġ

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 5 1

1.   L-imballaġġ imqiegħed fis-suq għandu jiġi mmanifatturat b'tali mod li l-preżenza u l-konċentrazzjoni tas-sustanzi ta' tħassib bħala l-kostitwenti tal-materjal tal-imballaġġ jew ta' kwalunkwe wieħed mill-komponenti tal-imballaġġ jiġu mminimizzati, inkluż fir-rigward tal-preżenza tagħhom fl-emissjonijiet u kwalunkwe eżitu tal-immaniġġar tal-iskart, bħall-materja prima sekondarja, l-irmied jew materjal ieħor għar-rimi finali, u għall-impatt negattiv fuq l-ambjent minħabba l-mikroplastik.

Artikolu 5 2

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-preżenza ta' sustanzi ta' tħassib fl-imballaġġ u fil-komponenti tal-imballaġġ u għandha tieħu, fejn xieraq, il-miżuri ta' segwitu rilevanti.

Sal-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, għandha tħejji rapport dwar il-preżenza ta' sustanzi ta' tħassib fl-imballaġġ u l-komponenti tal-imballaġġ, biex tiddetermina sa liema punt jaffettwaw b'mod negattiv l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali jew jimpattaw is-sigurtà kimika. Dak ir-rapport jista' jelenka s-sustanzi ta' tħassib preżenti fl-imballaġġ u fil-komponenti tal-imballaġġ u jindika sa liema punt dawn jistgħu jippreżentaw riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 65 ta' dan ir-Regolament fejn tispjega s-sejbiet tagħha u għandha tqis miżuri ta' segwitu xierqa, inkluż:

(a)

għal sustanzi ta' tħassib f'materjali tal-imballaġġ li jaffettwaw primarjament is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, l-użu tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 biex jiġu adottati restrizzjonijiet ġodda;

(b)

għal sustanzi ta' tħassib li jaffettwaw b'mod negattiv l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali fl-imballaġġ li fih ikunu preżenti, l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet bħala parti mill-kriterji tad-disinn għar-riċiklaġġ f'konformità mal-Artikolu 6(4) ta' dan ir-Regolament.

Jekk Stat Membru jqis li sustanza taffettwa b'mod negattiv l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali fl-imballaġġ li fih tkun preżenti, huwa għandu, sal-31 ta' Diċembru 2025, jipprovdi tali informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u, fejn disponibbli, jirreferi għall-valutazzjonijiet tar-riskju rilevanti jew għal data rilevanti oħra.

Artikolu 5 3

3.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tqis ir-restrizzjoni, skont l-Artikolu 6(4), il-punt (a), tal-użu ta' sustanzi ta' tħassib li potenzjalment jaffettwaw b'mod negattiv l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali fl-imballaġġ li fih huma preżenti, għal raġunijiet differenti minn dawk relatati primarjament mas-sigurtà kimika ta' dawk is-sustanzi. Ma' tali talbiet, l-Istati Membri għandhom jagħtu rapport li jiddokumenta l-identità u l-użi tas-sustanzi u deskrizzjoni ta' kif l-użu tas-sustanzi fl-imballaġġ ixekkel ir-riċiklaġġ, għal raġunijiet differenti minn dawk relatati primarjament mas-sigurtà kimika. Il-Kummissjoni għandha tevalwa t-talba u tippreżenta r-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 65.

Artikolu 5 4

4.   Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet dwar is-sustanzi kimiċi stabbiliti fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew, meta applikabbli, għar-restrizzjonijiet u għall-miżuri speċifiċi fuq il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004, it-total tal-konċentrazzjonijiet taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-merkurju u tal-kromu eżavalenti li jirriżultaw mis-sustanzi preżenti fl-imballaġġ jew fil-komponenti tal-imballaġġ ma għandhiex taqbeż il-100 mg/kg.

Artikolu 5 5

5.   Mit-12 ta’ Awwissu 2026, l-imballaġġ li jiġi f'kuntatt mal-ikel ma għandux jitqiegħed fis-suq jekk ikun fih sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS) f'konċentrazzjoni ugwali għall-valuri ta' limitu li ġejjin jew ogħla, sal-punt li t-tqegħid fis-suq tal-imballaġġ li jkun fih din il-konċentrazzjoni ta' PFAS ma jkunx ipprojbit skont att legali ieħor tal-Unjoni:

(a)

25 ppb għal kwalunkwe PFAS kif imkejjel b'analiżi tal-PFAS fil-mira (PFAS polimeriċi esklużi mill-kwantifikazzjoni);

(b)

250 ppb għat-total tal-PFAS imkejjel bħala t-total tal-analiżi tal-PFAS fil-mira, fejn applikabbli b'degradazzjoni preċedenti tal-prekursuri (PFAS polimeriċi esklużi mill-kwantifikazzjoni); u

(c)

50 ppm għall-PFASs (inkluż il-PFAS polimeriċi); jekk il-fluworu totali jaqbeż il-50 mg/kg il-manifattur, l-importatur jew l-utent downstream, kif definit rispettivament fl-Artikolu 3, il-punti (9), (11) u (13), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu, fuq talba, jipprovdi lill-manifattur jew lill-importatur kif definiti rispettivament fl-Artikolu 3(1), il-punti (13) u (17) ta’ dan ir-Regolament prova tal-kwantità tal-fluworu mkejjel bħala kontenut ta' PFAS jew mhux PFAS sabiex dawk ifasslu d-dokumentazzjoni teknika kif imsemmija fl-Anness VII ta’ dan ir-Regolament.

“PFAS” tfisser kwalunkwe sustanza li jkun fiha mill-inqas atomu wieħed tal-karbonju ta' metil (CF3-) jew ta' metilen (-CF2-) kompletament fluworurat (mingħajr ebda H/Cl/Br/I mehmuż miegħu), ħlief sustanzi li fihom biss l-elementi strutturali li ġejjin: CF3-X jew X-CF2-X', fejn X = -OR jew -NRR' u X' = metil (-CH3), metilen (-CH2-), grupp aromatiku, grupp tal-karbonil (-C(O)-), -OR'', -SR'' jew –NR''R'''; u fejn R/R'/R''/R''' hija idroġenu (-H), metil (-CH3), metilen (-CH2-), grupp aromatiku jew grupp tal-karbonil (-C(O)-).

Sat-12 Lúnasa 2030, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni biex tivvaluta l-ħtieġa li temenda jew tħassar dan il-paragrafu sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet ma' restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet dwar l-użu tal-PFAS stabbiliti f'konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1907/2006 jew (UE) 2019/1021.

Artikolu 5 6

6.   Il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu għandha tintwera fid-dokumentazzjoni teknika mfassla f'konformità mal-Anness VII.

Artikolu 5 7

7.   Sabiex jitqies il-progress xjentifiku u tekniku, il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 64 biex temenda dan ir-Regolament sabiex tbaxxi t-total tal-konċentrazzjonijiet taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-merkurju u tal-kromu eżavalenti li jirriżultaw mis-sustanzi preżenti fl-imballaġġ jew fil-komponenti tal-imballaġġ imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5 8

8.   Sabiex jitqies il-progress xjentifiku u tekniku, il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 64, biex tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom it-total tal-konċentrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-materjali riċiklati jew għaċ-ċirkwiti tal-prodotti li jkunu f'katina magħluqa jew kontrollata, kif ukoll biex tiddetermina t-tipi jew il-formati tal-imballaġġ, abbażi tal-kategoriji tal-imballaġġ elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness II ta' dan ir-Regolament, li għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti stabbiliti f'dak il-paragrafu. Atti delegati bħal dawn għandhom ikunu ġustifikati abbażi ta' analiżi skont il-każ, limitati fiż-żmien, jipprevedu rekwiżiti xierqa tal-immarkar u tal-informazzjoni, u jinkludu rekwiżiti għar-rapportar regolari sabiex jiġi żgurat li l-eżenzjoni tiġi rieżaminata regolarment. Atti delegati adottati f'konformità ma' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati biss biex jemendaw id-derogi stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2001/171/KE u 2009/292/KE.

Artikolu 5 9

9.   Sat-12 Lúnasa 2030, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni biex tivvaluta jekk dan l-Artikolu u l-kriterji tad-disinn għar-riċiklaġġ stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 6(4) ikkontribwewx biżżejjed biex jimminimizzaw il-preżenza u l-konċentrazzjoni ta' sustanzi ta' tħassib bħala kostitwenti tal-materjali tal-imballaġġ.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.01.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R0040
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.