+ANNESS I KRITERJI GĦALL-KARATTERIZZAZZJONI U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMPLESS GĦALL-ĦŻIN POTENZJALI U TAŻ-ŻONA TAL-MADWAR IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

ANNESS I KRITERJI GĦALL-KARATTERIZZAZZJONI U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMPLESS GĦALL-ĦŻIN POTENZJALI U TAŻ-ŻONA TAL-MADWAR IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

ANNESS I

KRITERJI GĦALL-KARATTERIZZAZZJONI U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMPLESS GĦALL-ĦŻIN POTENZJALI U TAŻ-ŻONA TAL-MADWAR IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

Il-karatterizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-kumpless tal-ħżin potenzjali u taż-żona tal-madwar imsemmija fl-Artikolu 4(3) għandhom jitwettqu fi tliet partijiet konformement mal-aħjar prattika fil-ħin tal-valutazzjoni u l-kriterji li ġejjin. Jistgħu jkunu permessi derogi minn wieħed jew aktar minn dawn il-kriterji mill-awtorità kompetenti dment li l-operatur juri li l-kapaċità tal-karatterizzazzjoni u l-valutazzjoni li jippermettu d-determinazzjonijiet taħt l-Artikolu 4 ma tiġix affettwata.

Parti 1:   Il-ġbir tad-data

Għandha tiġi akkumulata biżżejjed data biex jinbena mudell tal-art volumetriku u statiku tridimensjonali (3-D) għas-sit tal-ħżin u għall-kumpless tal-ħżin inkluża l-blata tal-wiċċ (caprock) u l-madwar, inklużi l-oqsma konnessi idrawlikament. Din id-data għandha tkopri mill-inqas il-karatteristiċi intrinsiċi tal-kumpless għall-ħżin li ġejjin:

(a) il-ġeoloġija u l-ġeofiżika;

(b) l-idroġeoloġija (b’mod partikolari l-eżistenza ta’ ilma ta’ taħt l-art intenzjonat għall-konsum);

(c) l-inġinerija tal-ġibjuni (inklużi kalkoli volumetriċi tal-volum tal-pori għall-injezzjoni tas-CO2 u l-kapaċità tal-ħżin, finali);

(d) il-ġeokimika (rati ta’ xoljiment, ir-rati tal-mineralizzazzjoni);

(e) il-ġeomekkanika (il-permeabbiltà, il-pressjoni tal-qsim);

(f) is-siżmiċità;

(g) il-preżenza u kundizzjoni ta’ passaġġi naturali jew magħmula mill-bniedem inklużi bjar u spiri li jistgħu jipprovdu passaġġi għat-tnixxijiet;

Il-karatteristiċi li ġejjin tal-viċinanza komplessiva għandhom jiġu ddokumentati:

(h) l-oqsma li jiċċirkondaw il-kumpless tal-ħżin li jistgħu jiġu affetwati mill-ħżin tas-CO2 fis-sit tal-ħżin;

(i) id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni fir-reġjun sovrastanti s-sit tal-ħżin;

(j) il-prossimità għal riżorsi naturali ta’ valur (inklużi b’mod partikolari ż-żoni tan-Natura 2000 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi ( 4 ) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ( 5 ), l-ilma ta’ taħt l-art li jista’ jinxtorob u l-idrokarboni);

(k) l-attivitajiet madwar il-kumpless għall-ħżin u l-interazzjonijiet possibbli ma’ dawn l-attivitajiet (eż. l-esplorazzjoni, il-produzzjoni u l-ħżin tal-idrokarboni, l-użu ġeotermali ta’ blat li jżomm fih ħafna ilma u l-użu tar-riżervi tal-ilma ta’ taħt l-art);

(l) il-prossimità għas-sors(i) potenzjali ta’ CO2 (inklużi stimi tal-massa totali potenzjali tas-CO2 ekonomikament disponibbli għall-ħżin) u n-networks adatti tat-trasport.

Parti 2:   Bini tal-mudell tal-art ġeoloġiku statiku tridimensjonali

Permezz tad-data miġbura fil-Parti 1, għandu jinbena mudell tal-art ġeoloġiku statiku tridimensjonali, jew sett ta’ dawn it-tip ta’ mudelli, tal-kumpless tal-ħżin kandidat inkluż il-blat tal-wiċċ (caprock) u ż-żoni u fluwidi konnessi idrawlikament bl-użu ta’ simulaturi kompjuterizzati tal-ġibjuni. Il-mudell(i) tal-art ġeoloġiku(ġeoloġiċi) statiku(statiċi) għandu(għandhom) jikkaratterizza(w) il-kumpless f’termini ta’:

(a) l-istruttura ġeoloġika tas-sifun fiżiku;

(b) il-karatteristiċi ġeomekkaniċi, ġeokimiċi u tal-fluss tal-piż sovrastmat tal-ġibjun (il-blata tal-wiċċ, is-siġilli, l-orizzonti porużi u permeabbli) u l-formazzjonijiet tal-madwar;

(c) il-karatterizzazzjoni tas-sistema tal-ksur u l-preżenza ta’ kwalunkwe passaġġ magħmul mill-bniedem;

(d) l-estensjoni mill-medda u mill-għoli tal-kumpless tal-ħżin;

(e) il-volum tal-ispazju tal-pori (inkluża d-distribuzzjoni tal-porożità);

(f) id-distribuzzjoni bażi tal-fluwidi;

(g) kwalunkwe karatteristiċi oħra rilevanti.

L-inċertezza assoċjata ma’ kull wieħed mill-parametri użati biex jinbena l-mudell għandha tiġi valutata billi jiġu żviluppati firxa ta’ xenarji għal kull parametru u billi jiġu kkalkulati l-limiti adegwati ta’ fiduċja. Kwalunkwe inċertezza assoċjata mal-mudell innifsu għandha wkoll tiġi valutata.

Parti 3:   Karatterizzazzjoni tal-komportament dinamiku tal-ħżin, karatterizzazzjoni tas-sensittività, l-istima tar-riskju

Il-karatterizzazzjoni u l-istima għandhom ikuni bbażati fuq l-immudellar dinamiku, li jikkonsisti varjetà ta’ simulazzjonijiet tal-mument tal-injezzjoni tas-CO2 fis-sit tal-ħżin bl-użu tal-mudell tal-art ġeoloġiku statiku tridimensjonali fis-simulatur kompjuterizzat tal-kumpless tal-ħżin mibni taħt il-Parti 2.

Parti 3.1: Karatterizzazzjoni tal-komportament dinamiku tal-ħżin

Għandhom jitqiesu mill-anqas il-fatturi li ġejjin:

(a) ir-rati possibbli ta’ injezzjoni u l-karatteristiċi ta’ nixxigħat tas-CO2;

(b) l-effikaċja tal-immudellar tal-proċess akkoppjat (eż. l-mod kif effetti uniċi varji fis-simulatur(i) jinteraġixxu);

(c) il-proċessi reattivi (jiġifieri l-mod kif ir-reazzjonijiet tas-CO2 injettat mal-minerali in situ jirriżultaw fil-mudell);

(d) is-simulatur tal-ġibjun użat (simulazzjonijiet multipli jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jivvalidaw ċerti sejbiet);

(e) is-simulazzjonijiet fil-qosor u fit-tul (biex jiġi stabbilit l-eżitu u l-komportament tas-CO2 matul id-deċennji u l-millenja inkluża r-rata ta’ dissoluzzjoni tas-CO2 fl-ilma).

L-immudellar dinamiku għandu jipprovdi tagħrif dwar:

(f) il-pressjoni u t-temperatura tal-formazzjoni tal-ħżin bħala funzjoni tar-rata ta’ injezzjoni u l-ammont ta’ injezzjoni kumulattiv tul iż-żmien;

(g) il-wisa’ u l-għoli tas-CO2 vs. iż-żmien;

(h) in-natura tal-fluss tas-CO2 fil-ġibjun inkluż il-komportament tal-fażi;

(i) il-mekkaniżmi tal-ġbir u r-rati tas-CO2 (inklużi punti ta’ tnixxija u siġilli laterali u vertikali);

(j) is-sistemi sekondarji ta’ ġbir fil-kumpless kollu tal-ħżin;

(k) il-kapaċità tal-ħżin u l-gradjenti tal-pressjoni fis-sit tal-ħżin;

(l) ir-riskju ta’ qsim tal-formazzjoni(jiet) tal-ħżin u tal-ġebla tal-wiċċ;

(m) ir-riskju tad-dħul tas-CO2 fil-ġebla tal-wiċċ;

(n) ir-riskju ta’ tnixxija mis-sit għall-ħżin (eż. minn ġo bjar abbandunati jew mhux issiġillatti b’mod xieraq);

(o) ir-rata tal-migrazzjoni (f’ġibjuni miftuħa);

(p) ir-rati tal-issiġillar tal-qsim;

(q) il-bdil fil-kimika fil-likwidi tal-formazzjoni(ijiet) u r-reazzjonijiet sussegwenti tal-formazzjoni(jiet) (eż. bidla fil-pH, fil-formazzjoni minerali) u inklużjoni ta’ mmudellar reattiv biex jiġu valutati l-effetti;

(r) l-ispostament tal-likwidi tal-formazzjoni.

(s) aktar siżmiċità u elevazzjoni fil-livell tal-wiċċ.

Parti 3.2: Il-karatterizzazzjoni tas-sensittività

Is-simulazzjonijiet multipli għandhom isiru biex tiġi identifikata s-sensittività tal-istima għal assunzjonijiet magħmula dwar parametri partikolari. Is-simulazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq parametri li jinbidlu fil-mudell(i) tal-art ġeoloġiku(ġeoloġiċi) statiku(statiċi), u funzjonijiet ta’ rati u ta’ assunzjonijiet li jinbidlu fl-eżerċizzju dinamiku ta’ mmudellar. Kwalunkwe sensittività sinifikanti għandha titqies fl-istima tar-riskju.

Parti 3.3: L-istima tar-riskju

L-istima tar-riskju għandha tinkludi, inter alia, dan li ġej:

3.3 1.   Il-karatterizzazzjoni tal-periklu

Il-karatterizzazzjoni tal-periklu għandha ssir billi jiġi kkaratterizzat il-potenzjal tat-tnixxija mill-kumpless tal-ħżin, kif stabbilit permezz tal-immudellar dinamiku u l-karatterizzazzjoni tas-sikurezza deskritti aktar ‘il fuq. Dan għandu jinkludi l-konsiderazzjoni ta’ inter alia:

(a) il-passaġġi ta’ tnixxija potenzjali;

(b) il-kobor potenzjali ta’ avvenimenti ta’ tnixxija għal passaġġi ta’ tnixxija identifikati (ir-rati tal-fluss);

(c) il-parametri kritiċi li jaffetwaw it-tnixxija potenzjali (eż. l-pressjoni massima tal-ġibjun, ir-rata massima ta’ injezzjoni, it-temperatura, is-sensittività għal assunzjonijiet varji fil- mudell(i) tal-Art ġeoloġiku (ġeoloġiċi) statiku(statiċi) eċċ.);

(d) l-effetti sekondarji tal-ħżin tas-CO2 inklużi likwidi tal-formazzjoni spostati u sustanzi ġodda maħluqa mill-ħżin tas-CO2;

(e) kwalunkwe fattur ieħor li jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent (per eżempju strutturi fiżiċi assoċjati mal-proġett).

Il-karatterizzazzjoni tal-periklu għandha tkopri l-firxa sħiħa ta’ kondizzjonijiet potenzjali tal-operat biex tiġi ttestjata s-sigurtà tal-kumpless tal-ħżin.

3.3.2.

L-istima tal-esponiment — ibbażata fuq il-karatteristiċi tal-ambjent u d-distribuzzjoni u l-attivitajiet tal-popolazzjoni tal-bniedem fuq il-kumpless tal-ħżin, u l-komportament u l-eżitu potenzjali tas-CO2 li jnixxi minn passaġġi potenzjali identifikati taħt Parti 3.3.1;

3.3.3.

L-istima tal-effetti — ibbażata fuq is-sensittività ta’ speċji, komunitajiet jew ambjenti naturali partikolari konnessa ma’ avvenimenti ta’ tnixxija potenzjali identifikati taħt Parti 3.3.1. Fejn ikun rilevanti għandha tinkludi l-effetti tal-esponiment għal konċentrazzjonijiet għolja ta’ CO2 fil-biosfera (fgar; hypercapnia) u pH imnaqqas f’dawk l-ambjenti minħabba tnixxija ta’ CO2). Għandha tinkludi wkoll stima tal-effetti ta’ sustanzi oħra li jistgħu jkunu preżenti fi tnixxijiet minn nixxiegħat ta’ CO2 (jew impurezzi preżenti fin-nixxiegħa tal-injezzjoni jew sustanzi ġodda ffurmati permezz tal-ħżin tas-CO2). Dawn l-effetti għandhom jitqiesu fuq firxa ta’ skali abbażi taż-żmien u l-post, u konnessi ma’ firxa ta’ kobor differenti ta’ avvenimenti ta’ tnixxija.

3.3.4.

Il-karatterizzazzjoni tar-riskju — din għandha tikkonsisti minn valutazzjoni tas-sikurezza u tal-integrità tas-sit fiż-żmien qasir jew fit-tul, inkluża stima tar-riskju ta’ tnixxija taħt il-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, u tal-agħar impatti ambjentali u għas-saħħa. Il-karatterizzazzjoni tar-riskju għandha titwettaq fuq bażi tal-istima tal-periklu, tal-esponiment u tal-effetti. Għandha tinkludi stima tas-sorsi ta’ inċertezza identifikati matul il-passi ta’ karatterizzazzjoni u valutazzjoni tas-sit tal-ħżin u fejn ikun vijabbli, deskrizzjoni tal-possibbiltajiet biex titnaqqas l-inċertezza.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 24.12.2018 00:00:00 -Doknr: CELEX:32009L0031
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.