+ANNESS IV

ANNESS IV




ANNESS IV

Rekwiżiti essenzjali għall-ekwipaġġ tal-ajru

1.   IT-TAĦRIĠ TAL-BDOTI

1.1.   Ġenerali

Persuna li tkun qed titħarreġ biex ittajjar inġenju tal-ajru trid tkun matura biżżejjed fl-edukazzjoni, fiżikament u mentalment biex tikseb, iżżomm u turi l-għarfien teoretiku u l-ħila prattika rilevanti.

1.2.   Għarfien teoretiku

Bdot irid jikseb u jżomm livell xieraq ta' għarfien fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru u li jkun proporzjonat mar-riskji marbuta ma' din it-tip ta' attività. Tali għarfien irid jinkludi mill-anqas dawn li ġejjin:

(a) 

il-liġi tal-ajru;

(b) 

għarfien ġenerali dwar l-inġenji tal-ajru;

(c) 

kwistjonijiet tekniċi relatati mal-kategorija tal-inġenju tal-ajru;

(d) 

prestazzjoni u ppjanar fit-titjir;

(e) 

prestazzjoni u limitazzjonijiet umani;

(f) 

meteoroloġija;

(g) 

navigazzjoni;

(h) 

proċeduri operazzjonali, inkluż il-ġestjoni tar-riżorsi;

(i) 

prinċipji tat-titjir;

(j) 

komunikazzjonijiet; u

(k) 

ħiliet mhux tekniċi, inkluż ir-rikonoxximent u l-ġestjoni ta' theddidiet u ta' żbalji.

1.3.   Dimostrazzjoni u manutenzjoni tal-għarfien teoretiku

1.3.1.

L-akkwist u ż-żamma tal-għarfien teoretiku jridu jintwerew permezz ta' valutazzjoni kontinwa waqt it-taħriġ, u fejn hu xieraq, permezz ta' eżamijiet.

1.3.2.

Irid jinżamm livell xieraq ta' kompetenza fl-għarfien teoretiku. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjonijiet, eżamijiet, testijiet jew kontrolli regolari. Il-frekwenza tal-eżamijiet, tat-testijiet jew tal-kontrolli jridu jkunu proporzjonati mal-livell ta' riskju marbut mal-attività.

1.4.   Ħila prattika

Bdot irid jakkwista u jżomm il-ħiliet prattiċi li huma xierqa għall-funzjonijiet tiegħu jew tagħha fuq l-inġenji tal-ajru. Dawn il-ħiliet iridu jkunu proporzjonati mar-riskji marbuta mat-tip ta' attività u jridu jkopru, jekk adattati għall-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru, dawn li ġejjin:

(a) 

l-attivitajiet qabel u waqt it-titjira, inkluż il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru, id-determinazzjoni tal-massa u tal-bilanċ, l-ispezzjoni u l-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, l-ippjanar tal-fjuwil/tal-enerġija, għarfien dwar it-temp, l-ippjanar tar-rotta, ir-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru u d-disponibbiltà ta' runway;

(b) 

l-operazzjonijiet tal-ajrudrom u x-xejriet tat-traffiku;

(c) 

il-prekawzjonijiet u l-proċeduri biex jiġu evitati l-kolliżjonijiet;

(d) 

il-kontroll tal-inġenju tal-ajru permezz ta' referenza viżiva esterna;

(e) 

il-manuvri tat-titjir, inkluż dawk f'sitwazzjonijiet kritiċi, u l-manuvri “upset” assoċjati, kif teknikament possibbli;

(f) 

it-tlugħ u l-inżul normali u f'riħ laterali;

(g) 

it-titjir b'referenza għall-istrumenti biss, skont kif adatt għat-tip ta' attività;

(h) 

il-proċeduri operazzjonali, inkluż il-ħiliet f'tim u l-ġestjoni tar-riżorsi, kif adatt għat-tip ta' operazzjoni, kemm jekk b'ekwipaġġ ta' persuna waħda jew aktar;

(i) 

in-navigazzjoni u l-implimentazzjoni ta' regoli tal-ajru u proċeduri relatati, bl-użu kif jixraq, ta' referenza viżiva jew ta' għajnuniet għan-navigazzjoni;

(j) 

l-operazzjonijiet mhux normali u ta' emerġenza, inkluż is-simulazzjonijiet ta' funzjonament ħażin tat-tagħmir tal-inġenji tal-ajru;

(k) 

il-konformità mas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u mal-proċeduri ta' komunikazzjoni;

(l) 

it-tip ta' inġenju tal-ajru jew aspetti speċifiċi tal-klassi;

(m) 

it-taħriġ addizzjonali fil-ħiliet prattiċi li jistgħu jkunu meħtieġa biex jitnaqqsu r-riskji marbuta ma' attivitajiet speċifiċi; u

(n) 

ħiliet mhux tekniċi, inkluż ir-rikonoxximent u l-ġestjoni ta' theddidiet u ta' żbalji bl-użu ta' metodoloġija ta' valutazzjoni xierqa flimkien mal-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tekniċi.

1.5.   Dimostrazzjoni u żamma ta' ħila prattika

1.5.1.

Bdot irid juri l-kapaċità li jesegwixxi l-proċeduri u l-manuvri b'livell ta' kompetenza adattat skont il-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru, billi:

(a) 

jopera l-inġenju tal-ajru fil-limiti tiegħu;

(b) 

jeżerċita ġudizzju tajjeb u ħila fit-titjir;

(c) 

japplika għarfien ajrunawtiku;

(d) 

iżomm il-kontroll tal-inġenju tal-ajru f'kull ħin b'mod li l-eżitu b'suċċess ta' proċedura jew ta' manuvra jkun żgurat; u

(e) 

ħiliet mhux tekniċi, inkluż ir-rikonoxximent u l-ġestjoni ta' theddidiet u ta' żbalji bl-użu ta' metodoloġija ta' valutazzjoni xierqa flimkien mal-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tekniċi.

1.5.2.

Irid jinżamm livell xieraq ta' kompetenza fil-ħiliet prattiċi. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjonijiet, eżamijiet, testijiet jew kontrolli regolari. Il-frekwenza tal-eżamijiet, tat-testijiet jew tal-kontrolli jridu jkunu proporzjonati mal-livell ta' riskju marbut mal-attività.

1.6.   Profiċjenza fil-lingwi

Bdot irid ikollu profiċjenza fil-lingwi sa livell xieraq għall-funzjonijiet eżerċitati fuq l-inġenju tal-ajru. Tali profiċjenza għandha tinkludi:

(a) 

l-abbiltà li jifhem id-dokumenti ta' informazzjoni dwar it-temp;

(b) 

l-użu ta' mapep ajrunawtiċi waqt ir-rotta, ta' ċarts tat-tluq u tal-approċċ u ta' dokumenti ta' informazzjoni ajrunawtika marbuta magħhom; u

(c) 

l-abbiltà li jikkomunika ma' ekwipaġġ tat-titjira ieħor u mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru matul il-fażijiet kollha tat-titjira, inkluż il-preparazzjoni għat-titjira, bil-lingwa użata għall-komunikazzjonijiet bir-radju involuti fit-titjira.

1.7.   Apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir

Meta apparat ta' taħriġ ta' simulazzjoni tat-titjir (FSTD) jintuża għat-taħriġ, jew biex jintwera li tkun inkisbet jew inżammet ħila prattika, dan l-FSTD irid jilħaq livell partikolari ta' prestazzjoni f'dawk l-oqsma, li huma rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-azzjoni kkonċernata. B'mod partikolari, ir-replikazzjoni tal-konfigurazzjoni, il-kwalitajiet tal-immaniġġjar, il-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru, u l-prestazzjoni tas-sistemi jridu jirrappreżentaw b'mod adegwat lill-inġenju tal-ajru.

1.8.   Kors ta' taħriġ

1.8.1.

It-taħriġ irid isir permezz ta' kors ta' taħriġ.

1.8.2.

Kors ta' taħriġ irid jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

irid jiġi żviluppat sillabu għal kull tip ta' kors; u

(b) 

il-kors ta' taħriġ irid ikun imqassam bejn għarfien teoretiku u struzzjoni prattika fit-titjir (inkluż taħriġ sintetiku), jekk applikabbli.

1.9.   Għalliema

1.9.1.   Tagħlim teoretiku

It-tagħlim teoretiku jrid jingħata minn għalliema kwalifikati kif jixraq. Huma jridu:

(a) 

ikollhom għarfien xieraq fil-qasam li qed jingħata t-tagħlim dwaru; u

(b) 

ikunu kapaċi jużaw it-tekniki ta' struzzjoni adattati.

1.9.2.   Struzzjoni fit-titjir u fis-simulazzjoni tat-titjir

Struzzjoni fit-titjir u fis-simulazzjoni tat-titjir trid tiġi mogħtija minn għalliema kwalifikati kif jixraq, li jkollhom il-kwalifiki li ġejjin:

(a) 

ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' għarfien teoretiku u l-esperjenza xierqa għat-tagħlim li jkun qed jingħata;

(b) 

jkunu kapaċi jużaw it-tekniki ta' struzzjoni adattati;

(c) 

ikunu pprattikaw tekniki ta' struzzjoni f'dawk il-manuvri u fil-proċeduri tat-titjir li fihom huwa ppjanat li jipprovdu struzzjoni fit-titjir;

(d) 

ikunu wrew l-abbiltà li jgħallmu f'dawk l-oqsma li fihom tkun ser tingħata l-istruzzjoni fit-titjir, inkluż l-istruzzjoni għal qabel it-titjira, wara t-titjira, u fuq l-art; u

(e) 

jirċievu regolarment taħriġ ta' aġġornament biex jiġi żgurat li l-istandards tal-kapaċità tal-għalliema jinżamm aġġornat.

L-għalliema tat-titjir li jħarrġu fl-inġenju tal-ajru jridu wkoll ikunu awtorizzati li jagħmluha ta' bdot fil-kmand tal-inġenju tal-ajru li fuqu jkun qed jingħata t-tagħlim, ħlief fil-każ ta' taħriġ fuq tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru.

1.10.   Eżaminaturi

Persuni responsabbli mill-valutazzjoni tal-ħila ta' bdoti jridu:

(a) 

jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' għalliema tat-titjir jew ta' simulazzjoni tat-titjir; u

(b) 

ikunu kapaċi jivvalutaw il-prestazzjoni ta' bdot u jwettqu testijiet u kontrolli tat-titjir.

2.   REKWIŻITI TAL-ESPERJENZA - IL-BDOTI

Persuna li taġixxi bħala membru tal-ekwipaġġ, għalliem jew eżaminatur fuq titjira trid tikseb u żżomm esperjenza suffiċjenti għall-funzjonijiet li jkunu qed jiġu eżerċitati, sakemm l-atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi ta' dan ir-Regolament ma jipprevedux li l-kompetenza trid tintwera skont il-punt 1.5.

3.   STAT MEDIKU TAJJEB - IL-BDOTI

3.1.   Kriterji mediċi

3.1.1.

Il-bdoti kollha jridu perjodikament juru stat mediku tajjeb biex jesegwixxu l-funzjonijiet tagħhom b'mod sodisfaċenti, b'kunsiderazzjoni għat-tip ta' attività. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjoni xierqa bbażata fuq l-aħjar prattika ajrumedika, b'kunsiderazzjoni għat-tip ta' attività u l-possibbiltà ta' deterjorazzjoni mentali u fiżika minħabba l-età.

Stat mediku tajjeb, li jinkludi s-saħħa fiżika u mentali, ifisser li ma jkunx hemm problemi ta' mard jew diżabbiltà, li jirrendu l-bdot inkapaċi:

(a) 

li jesegwixxi l-kompiti meħtieġa biex jopera inġenju tal-ajru;

(b) 

li jesegwixxi doveri assenjati f'kwalunke ħin; jew

(c) 

milli jagħraf korrettament l-ambjent tiegħu jew tagħha.

3.1.2.

Meta l-istat mediku tajjeb ma jintweriex b'mod sħiħ, jistgħu jiġu implimentati miżuri ta' mitigazzjoni li jipprovdu sikurezza ekwivalenti fit-titjir.

3.2.   Eżaminaturi ajrumediċi

Eżaminatur ajrumediku jrid:

(a) 

ikun kwalifikat u jkollu liċenzja fil-prattika tal-mediċina;

(b) 

ikun irċieva taħriġ fil-mediċina tal-avjazzjoni u taħriġ ta' aġġornament regolari fil-mediċina tal-avjazzjoni biex ikun żgurat li l-istandards ta' valutazzjoni jinżammu aġġornati; u

(c) 

jkun kiseb għarfien prattiku u esperjenza fir-rigward tal-kondizzjonijiet li fihom il-bdoti jaqdu dmirijiethom.

3.3.   Ċentri ajrumediċi

Iċ-ċentri ajrumediċi jridu jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ikollhom il-mezzi kollha meħtieġa għall-ambitu ta' responsabbiltajiet marbuta mal-privileġġi tagħhom. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: faċilitajiet, persunal, tagħmir, għodda u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri;

(b) 

kif adatt għat-tip ta' attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, jimplimentaw u jżommu sistema ta' ġestjoni sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, jiġġestixxu r-riskji tas-sikurezza u jimmiraw għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c) 

jistabbilixxu arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, skont il-ħtieġa, biex jiżguraw konformità kontinwa ma' dawk ir-rekwiżiti.

4.   MEMBRI TAL-EKWIPAĠĠ TAL-KABINA

4.1.   Ġenerali

Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina jridu:

(a) 

ikunu mħarrġa u kkontrollati fuq bażi regolari biex jilħqu u jżommu livell adegwat ta' kompetenza biex jaqdu d-dmirijiet ta' sikurezza assenjati lilhom; u

(b) 

jiġu vvalutati perjodikament għal stat mediku tajjeb biex jaqdu b'mod sikur id-dmirijiet ta' sikurezza assenjati lilhom. Il-konformità trid tintwera permezz ta' valutazzjoni adattata bbażata fuq l-aħjar prattika ajrumedika.

4.2.   Kors ta' taħriġ

4.2.1.

Jekk adatt għat-tip ta' operazzjoni jew privileġġi, it-taħriġ irid isir permezz ta' kors ta' taħriġ.

4.2.2.

Kors ta' taħriġ irid jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

irid jiġi żviluppat sillabu għal kull tip ta' kors; u

(b) 

il-kors ta' taħriġ irid ikun imqassam bejn għarfien teoretiku u tagħlim prattiku (inkluż taħriġ sintetiku), jekk applikabbli.

4.3.   Għalliema tal-Ekwipaġġ tal-Kabina

It-tagħlim irid jingħata minn għalliema kwalifikati kif jixraq. Dawk l-għalliema jridu:

(a) 

jkollhom għarfien xieraq fil-qasam li qed jingħata t-tagħlim dwaru;

(b) 

jkunu kapaċi jużaw it-tekniki ta' struzzjoni adattati; u

(c) 

jirċievu regolarment taħriġ ta' aġġornament biex jiġi żgurat li l-istandards tal-kapaċità tal-għalliema jinżamm aġġornat.

4.4.   Eżaminaturi tal-Ekwipaġġ tal-Kabina

Il-persuni responsabbli għall-eżaminar tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina jridu:

(a) 

jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' għalliema tal-ekwipaġġ tal-kabina; u

(b) 

jkunu kapaċi jivvalutaw il-prestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina u jwettqu l-eżamijiet.

5.   ORGANIZZAZZJONIJIET TAT-TAĦRIĠ

Organizzazzjoni tat-taħriġ li tipprovdi taħriġ għall-bdoti jew għall-ekwipaġġ tal-kabina trid tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

ikollha l-mezzi kollha neċessarji għall-ambitu tar-responsabbiltajiet assoċjati mal-attività tagħha. Dawk il-mezzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn li ġejjin: faċilitajiet, persunal, tagħmir, għodda u materjal, dokumentazzjoni tal-kompiti, responsabbiltajiet u proċeduri, aċċess għal data rilevanti u żamma ta' reġistri;

(b) 

kif adatta għat-tip ta' taħriġ mogħti u d-daqs tal-organizzazzjoni, l-organizzazzjoni trid timplimenta u żżomm sistema ta' ġestjoni sabiex tiżgura konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'dan l-Anness, tiġġestixxi r-riskji tas-sikurezza, inkluż riskji marbuta mad-deterjorazzjoni fl-istandard tat-taħriġ, u timmira għal titjib kontinwu ta' din is-sistema; u

(c) 

tistabbilixxi arranġamenti ma' organizzazzjonijiet rilevanti oħra, skont il-ħtieġa, biex tiżgura konformità kontinwa ma' dawk ir-rekwiżiti.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 02.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018R1139
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.