1. Meta, waqt perjodu referenzjarju, il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha ma jibqgħux adegwati, fid-dawl ta’ ċirkostanzi jew kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza li nbidlu b’mod sinifikanti, u meta r-reviżjoni ta’ mira waħda jew aktar tkun meħtieġa u proporzjonata, il-Kummissjoni għandha tirrevedi dawk il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha. L-Artikolu 22 għandu japplika għal din id-deċiżjoni.
Meta, wara tali reviżjoni, il-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni adottati skont l-Artikolu 24(6) ma jibqgħux konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jirrevedu dawk il-pjanijiet fir-rigward tal-miri ta’ prestazzjoni kkonċernati. L-Artikoli 23, 24 u 25 għandhom japplikaw għar-reviżjoni ta’ dawk il-pjanijiet. Il-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(8) tista’ tkun limitata, għall-fini ta’ dan is-subparagrafu, għall-miri ta’ prestazzjoni u partijiet tal-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ prestazzjoni li huma direttament jew indirettament affettwati mir-reviżjoni.
Wara r-reviżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom iħejju abbozzi ġodda tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, li għalihom għandhom japplikaw l-Artikoli 23, 24 u 25. Il-Maniġer tan-Network għandu jfassal abbozz ġdid tal-Pjan ta’ Prestazzjoni tan-Network, li għalih għandu japplika l-Artikolu 26.