+Artikolu 7 Kontenut minimu riċiklat fl-imballaġġ tal-plastik
---+Artikolu 7 1
---+Artikolu 7 2
---+Artikolu 7 3
---+Artikolu 7 4
---+Artikolu 7 5
---+Artikolu 7 6
---+Artikolu 7 7
---+Artikolu 7 8
---+Artikolu 7 9
---+Artikolu 7 10
---+Artikolu 7 11
---+Artikolu 7 12
---+Artikolu 7 13
---+Artikolu 7 14
---+Artikolu 7 15

Artikolu 7 Kontenut minimu riċiklat fl-imballaġġ tal-plastik

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 7 1

1.   Sal-1 ta' Jannar 2030 jew 3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, skont liema tiġi l-aħħar, kwalunkwe parti tal-plastik tal-imballaġġ imqiegħed fis-suq għandu jkun fiha l-perċentwal minimu li ġej ta' kontenut riċiklat irkuprat mill-iskart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur, għal kull tip u format ta' imballaġġ kif imsemmi fit-Tabella 1 tal-Anness II, ikkalkulat bħala medja għal kull impjant tal-manifattura u sena:

(a)

30 % għall-imballaġġ għall-kuntatt sensittiv magħmula mill-polietilentereftalat (PET) bħala l-komponent ewlieni, ħlief il-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss;

(b)

10 % għall-imballaġġ sensittiv għall-kuntatt magħmul minn materjali tal-plastik għajr il-PET, ħlief il-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss;

(c)

30 % għall-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss;

(d)

35 % għall-imballaġġ tal-plastik għajr dak imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 7 2

2.   Sal-1 ta' Jannar 2040, kwalunkwe parti tal-plastik tal-imballaġġ imqiegħed fis-suq, għandu jkun fiha l-perċentwal minimu li ġej ta' kontenut riċiklat irkuprat mill-iskart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur, għal kull tip u format ta' imballaġġ kif imsemmi fit-Tabella 1 tal-Anness II, ikkalkulat bħala medja għal kull impjant tal-manifattura u sena:

(a)

50 % għall-imballaġġ sensittiv għall-kuntatt magħmul mill-PET bħala l-komponent ewlieni, ħlief il-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss;

(b)

25 % għall-imballaġġ sensittiv għall-kuntatt magħmul minn materjali tal-plastik għajr il-PET, ħlief il-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss;

(c)

65 % għal fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss;

(d)

65 % għall-imballaġġ tal-plastik għajr dak imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 7 3

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-kontenut riċiklat għandu jiġi rkuprat mill-iskart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur li:

(a)

jkun inġabar fl-Unjoni skont dan ir-Regolament jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi 2008/98/KE u (UE) 2019/904, kif rilevanti, jew li jkun inġabar f'pajjiż terz f'konformità mal-istandards għall-ġbir separat biex jiġi promoss riċiklaġġ ta' kwalità għolja ekwivalenti għal dawk imsemmija f'dan ir-Regolament, u d-Direttivi 2008/98/KE u (UE) 2019/904, kif rilevanti; u

(b)

fejn applikabbli, ikun ġie riċiklat f'installazzjoni li tinsab fl-Unjoni li għaliha tapplika d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (62), jew li jkun ġie riċiklat f'installazzjoni li tinsab f'pajjiż terz li għalih japplikaw ir-regoli dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art assoċjati mal-operazzjonijiet ta' riċiklaġġ, u dawk ir-regoli jkunu ekwivalenti għal dawk li jikkonċernaw il-limiti tal-emissjonijiet u l-livelli ta' prestazzjoni ambjentali stabbiliti f'konformità mad-Direttiva 2010/75/UE li huma applikabbli għal installazzjoni li tinsab fl-Unjoni li twettaq l-istess attività; dik il-kundizzjoni għandha tapplika biss fil-każ fejn dawk il-limiti u livelli jkunu applikabbli għall-installazzjoni li tinsab fl-Unjoni u li twettaq l-istess attività bħal installazzjoni analoga li tinsab f’pajjiż terz.

Artikolu 7 4

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal dawn li ġejjin:

(a)

l-imballaġġ immedjat kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (23), tad-Direttiva 2001/83/KE u fl-Artikolu 4, il-punt (25), tar-Regolament (UE) 2019/6;

(b)

l-imballaġġ tal-plastik sensittiv għall-kuntatt tal-apparati mediċi, apparati maħsuba esklużivament għall-użu fir-riċerka u apparat ta' investigazzjoni koperti mir-Regolament (UE) 2017/745;

(c)

l-imballaġġ tal-plastik sensittiv għall-kuntatt tal-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro koperti bir-Regolament (UE) 2017/746;

(d)

l-imballaġġ ta' barra kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (24), tad-Direttiva 2001/83/KE u fl-Artikolu 4, il-punt (26), tar-Regolament (UE) 2019/6 f'każijiet fejn imballaġġ bħal dan ikun meħtieġ biex tintlaħaq konformità ma' rekwiżiti speċifiċi biex tiġi ppreżervata l-kwalità tal-prodott mediċinali;

(e)

l-imballaġġ tal-plastik kompostabbli;

(f)

l-imballaġġ użat għat-trasport ta' oġġetti perikolużi f’konformità mad-Direttiva 2008/68/KE;

(g)

l-imballaġġ tal-plastik sensittiv għall-kuntatt għall-ikel li huwa maħsub biss għat-trabi u t-tfal żgħar, l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali u l-imballaġġ għax-xorb u l-ikel li tipikament jintużaw għal tfal żgħar imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) Nru 609/2013;

(h)

l-imballaġġ ta' provvisti, komponenti u komponenti tal-imballaġġ immedjat għall-manifattura ta' prodotti mediċinali koperti mid-Direttiva 2001/83/KE u prodotti mediċinali veterinarji koperti mir-Regolament (UE) 2019/6, meta tali imballaġġ jeħtieġ li jkun konformi mal-istandards tal-kwalità tal-prodott mediċinali.

Artikolu 7 5

5.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

l-imballaġġ tal-plastik li huwa maħsub li jiġi f'kuntatt mal-ikel fejn il-kwantità ta' kontenut riċiklat ikun ta' theddida għas-saħħa tal-bniedem u jirriżulta f'nuqqas ta' konformità tal-prodotti fl-imballaġġ mar-Regolament (KE) Nru 1935/2004;

(b)

kwalunkwe parti tal-plastik li tirrappreżenta anqas minn 5 % tal-piż totali tal-unità sħiħa tal-imballaġġ.

Artikolu 7 6

6.   Il-konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandha tintwera mill-manifatturi jew importaturi fl-informazzjoni teknika dwar l-imballaġġ imsemmija fl-Anness VII.

Artikolu 7 7

7.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa mill-produtturi sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tar-responsabbiltà estiża tal-produttur kif stabbiliti fl-Artikolu 45 jistgħu jiġu modulati abbażi tal-perċentwal tal-kontenut riċiklat użat fl-imballaġġ. Kwalunkwe modulazzjoni bħal din għandha tqis il-kriterji ta' sostenibbiltà tat-teknoloġiji tar-riċiklaġġ u l-kostijiet ambjentali għall-finijiet tal-kontenut riċiklat.

Artikolu 7 8

8.   Sal-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-perċentwal tal-kontenut riċiklat irkuprat mill-iskart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur riċiklat u miġbur fl-Unjoni f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll il-format għad-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness VII. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-użu tal-materja prima sekondarja li tirriżulta li tkun ta' kwalità suffiċjenti meta mqabbla mal-materja oriġinali li tista' tintuża biex tissostitwixxi l-materja prima primarja. Il-metodoloġija ta' verifika tista' tinkludi l-obbligu li jitwettqu awditi indipendenti minn parti terza fuq il-manifatturi tal-kontenut riċiklat fl-Unjoni u tal-imballaġġ tal-plastik imqiegħed fis-suq bħala unità tal-bejgħ separata minn prodotti oħra, biex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u fl-att delegat adottat skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu.

Meta tadotta l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-teknoloġiji ta' riċiklaġġ disponibbli, filwaqt li tqis il-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tagħhom, inkluż il-kwalità tal-output, id-disponibbiltà tal-iskart, l-enerġija meħtieġa u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u impatti ambjentali rilevanti oħra.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 65(2).

Artikolu 7 9

9.   Sal-31 ta' Diċembru 2026, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 8, it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 64 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament bi kriterji ta' sostenibbiltà għat-teknoloġiji tar-riċiklaġġ tal-plastik.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-kontenut riċiklat għandu jiġi rkuprat mill-iskart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur, li jkun ġie riċiklat:

(a)

f'installazzjonijiet li jinsabu fl-Unjoni li jużaw teknoloġiji tar-riċiklaġġ li jissodisfaw tali kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti skont dan il-paragrafu; jew

(b)

f'installazzjonijiet li jkunu jinsabu f' pajjiż terz li jużaw teknoloġiji tar-riċiklaġġ f'konformità ma' standards ekwivalenti għall-kriterji ta' sostenibbiltà żviluppati skont l-atti delegati.

Artikolu 7 10

10.   Sal-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-valutazzjoni, il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni, inkluż permezz ta' awditu minn parti terza, l-ekwivalenza tar-regoli applikati f'każijiet fejn il-kontenut riċiklat irkuprat mill-iskart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur jiġi riċiklat jew miġbur f'pajjiż terz. Il-valutazzjoni għandha tqis l-istandards tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, inkluż l-istandards biex jiġi żgurat li r-riċiklaġġ jitwettaq b'mod ambjentalment korrett, u l-istandards dwar riċiklaġġ ta' kwalità għolja, bħal dawk dwar l-effiċjenza fir-riżorsi u l-istandards tal-kwalità għas-setturi tar-riċiklaġġ. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 65(2).

Artikolu 7 11

11.   Sal-1 ta' Jannar 2029 jew erba’ u għoxrin xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 8, skont liema tiġi l-aħħar, il-kalkolu u l-verifika tal-perċentwal tal-kontenut riċiklat li jinsab fl-imballaġġ skont il-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fl-att ta' implimentazzjoni adottat f’konformità mal-paragrafu 8.

Artikolu 7 12

12.   Sal-1 ta' Jannar 2028, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa għal derogi mill-perċentwali minimi ta' kontenut riċiklat stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (d), għall-imballaġġ tal-plastik speċifiku, jew ir-reviżjoni tal-lista ta’ eċċezzjonijiet fil-paragrafu 4 għall-imballaġġ tal-plastik speċifiku.

Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, meta t-teknoloġiji tar-riċiklaġġ xierqa għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik ma jkunux awtorizzati skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni jew ma jkunux disponibbli biżżejjed fil-prattika, filwaqt li jitqies kwalunkwe rekwiżit relatat mas-sikurezza, speċjalment fir-rigward tal-imballaġġ tal-plastik sensittiv għall-kuntatt, inkluż l-imballaġġ tal-ikel, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 64 biex temenda dan ir-Regolament sabiex:

(a)

tipprevedi derogi mill-kamp ta' applikazzjoni, iż-żmien jew il-livell tal-perċentwal minimu stabbilit fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (d) ta' dan l-Artikolu, għall-imballaġġ tal-plastik speċifiku; u

(b)

kif xieraq, temenda l-lista ta’ eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7 13

13.   Meta n-nuqqas ta' disponibbiltà jew prezzijiet eċċessivi ta' plastik riċiklat speċifiku jagħmel il-konformità mal-perċentwali minimi ta' kontenut riċiklat stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu eċċessivament diffiċli, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat f'konformità mal-Artikolu 64 biex temenda dawk il-paragrafi billi taġġusta l-perċentwali minimi kif xieraq. Fl-evalwazzjoni ta' jekk tali aġġustament huwiex xieraq, il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talbiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom jiġu akkumpanjati minn informazzjoni u data rilevanti dwar is-sitwazzjoni tas-suq għall-iskart tal-plastik ta' wara l-użu mill-konsumatur u l-aħjar evidenza disponibbli dwar ir-riskji relatati għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel jew tal-ambjent. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali att delegat biss f'każijiet eċċezzjonali fejn ikun hemm effetti negattivi serji għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel jew għall-ambjent.

Artikolu 7 14

14.   Sat-12 ta’ Frar 2032, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tat-teknoloġija tal-ogħla livell u l-esperjenza prattika miksuba mill-operaturi ekonomiċi u mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-perċentwali minimi ta' kontenut riċiklat sal-2030 stipulati fil-paragrafu 1, u li jevalwa sa liema punt dawk il-perċentwali jwasslu għal soluzzjonijiet li jrawmu imballaġġ sostenibbli li jkunu effettivi u faċli biex jiġu implimentati, il-fattibbiltà tal-kisba tal-perċentwali minimi għall-2040 abbażi tal-esperjenza fil-kisba tal-perċentwali minimi għall-2030 u ċ-ċirkostanzi li qed jevolvu, ir-rilevanza taż-żamma tal-eċċezzjonijiet u tad-derogi stabbiliti f'dan l-Artikolu, u l-ħtieġa jew il-pertinenza tal-istabbiliment ta' perċentwali minimi ġodda ta' kontenut riċiklat. Dak ir-rapport għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva li temenda dan l-Artikolu, b'mod partikolari l-perċentwali minimi ta' kontenut riċiklat għall-2040.

Artikolu 7 15

15.   Sat-12 ta’ Frar 2032, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina s-sitwazzjoni fir-rigward tal-użu tal-materjali tal-imballaġġ riċiklati fl-imballaġġ għajr il-plastik u, abbażi ta' dak, tivvaluta l-adegwatezza li jiġi stabbiliti miżuri, jew jiġu ffissati miri, għaż-żieda fl-użu tal-kontenut riċiklat f'imballaġġ ieħor bħal dan, u fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.01.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025R0040
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.