+ANNESS IX MODULU GĦALL-KONTIJIET TAL-EKOSISTEMA

ANNESS IX MODULU GĦALL-KONTIJIET TAL-EKOSISTEMA




ANNESS IX

MODULU GĦALL-KONTIJIET TAL-EKOSISTEMA

Taqsima 1

OBJETTIVI

Il-kontijiet tal-ekosistema jippreżentaw data dwar il-firxa u l-kundizzjoni tal-assi tal-ekosistema u s-servizzi li jipprovdu lis-soċjetà u lill-ekonomija. Id-data hija konformi mal-SEEA EA u kompatibbli mad-data rrapportata fl-ESA 2010.

Il-kontijiet tal-ekosistema jużaw l-informazzjoni eżistenti, fejn possibbli, inkluż mill-osservazzjoni tad-Dinja, mir-rapportar ambjentali u minn sorsi oħrajn ta' data.

Taqsima 2

KOPERTURA

Il-kontijiet tal-ekosistema jirreġistraw il-firxa tal-ekosistemi, il-kundizzjoni tal-ekosistemi, u l-flussi tas-servizzi tal-ekosistema.

Il-firxa tal-ekosistema hija d-daqs tal-ekosistemi f'żona. Il-kontijiet tal-firxa tal-ekosistema jkopru l-ekosistemi terrestri (inkluż l-ilma ħelu) u tal-baħar fit-territorju nazzjonali.

Il-kundizzjoni tal-ekosistema hija l-kwalità ta' ekosistema mkejla f'termini tal-karatteristiċi abijotiċi, bijotiċi u tal-pajsaġġ tagħha, skont it-tipi ta' ekosistemi.

Is-servizzi tal-ekosistema huma l-benefiċċji li l-ekosistemi jipprovdu għal attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet umani oħrajn. Dawn jinkludu (i) il-proviżjonament, (ii) ir-regolazzjoni u l-manutenzjoni, u (iii) is-servizzi kulturali. Il-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema jirreġistraw il-provvista u l-użu reali tas-servizzi tal-ekosistema pprovduti mill-ekosistemi fit-territorju nazzjonali.

Il-kontijiet tematiċi huma l-kontijiet li jorganizzaw data skont temi ta' politika speċifiċi bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-oċeani u ż-żoni urbani.

Taqsima 3

LISTA TA' KARATTERISTIĊI

L-Istati Membri għandhom jipproduċu l-kontijiet tal-ekosistema skont il-karatteristiċi li ġejjin.

1. 

Kontijiet tal-firxa tal-ekosistema li jirreġistraw iż-żona u l-bidla fiż-żona għal kull tip ta' ekosistema fit-territorju nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kontijiet tal-firxa tal-ekosistema f'eluf ta' ettari.

2. 

Bħala komponent tal-kontijiet tal-firxa tal-ekosistema, matriċi ta' konverżjoni li tirreġistra l-konverżjonijiet bejn it-tipi ta' ekosistemi bejn żewġ punti ta' żmien, f'ettari.

3. 

Kontijiet tal-kundizzjoni tal-ekosistema li jirreġistraw il-karatteristiċi tal-ekosistema kif ġej:

(a) 

għall-insedjamenti u għal żoni artifiċjali oħrajn:

— 
iż-żoni ekoloġiċi fl-ibliet u fl-ibliet żgħar u fis-subborgi kontigwi għandhom jiġu rrapportati f'perċentwal taż-żona totali, ikkalkolati għaż-żona kollha tal-ibliet u tal-ibliet żgħar u tas-subborgi kontigwi, inkluż it-tipi kollha ta' ekosistemi f'dik iż-żona;
— 
il-konċentrazzjoni ta' materja partikolata, b'dijametru sa 2,5 μm fl-ibliet, għandha tiġi rrapportata f'μg/m3 bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta' rapportar.
(b) 

għar-raba':

— 
il-ħażna tal-karbonju organiku fil-ħamrija, fil-ħamrija ta' fuq għandha tiġi rrapportata f'tunnellata/ha, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta' rapportar;
(c) 

għall-mergħa:

— 
il-ħażna tal-karbonju organiku fil-ħamrija, fil-ħamrija ta' fuq għandha tiġi rrapportata f'tunnellata/ha, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta' rapportar;
(d) 

għar-raba' u għall-mergħat flimkien:

— 
l-indiċi komuni tal-għasafar tar-raba' għandu jiġi rrapportat bħala indiċi aggregat nazzjonali għall-perjodu ta' rapportar;
(e) 

għall-foresti u l-imsaġar:

— 
l-injam mejjet għandu jiġi rrapportat f'm3/ha, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta' rapportar;
— 
id-densità tal-kopertura tas-siġar għandha tiġi rrapportata f'perċentwal, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta' rapportar;
— 
indiċi tal-għasafar komuni tal-foresti; l-indiċi tal-għasafar tal-foresti jiddeskrivi x-xejriet fl-abbundanza ta' għasafar komuni tal-foresti fil-firxiet Ewropej tagħhom maż-żmien; huwa indiċi kompost maħluq minn data ta' osservazzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar karatteristiċi għall-ħabitats tal-foresti fl-Ewropa; l-indiċi huwa bbażat fuq lista speċifika ta' speċijiet f'kull Stat Membru;
(f) 

għall-bajjiet kostali, għad-duni u għall-artijiet mistagħdra:

— 
is-sehem ta' kopertura ta' żoni artifiċjali impermeabbli, preżenti f'żona kostali li tinkludi bajjiet kostali, duni u artijiet mistagħdra tat-tip ta' ekosistema għandu jiġi rrapportat f'perċentwal bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta' rapportar.

L-ibliet, l-ibliet żgħar u s-subborgi huma unitajiet amministrattivi lokali, ikkategorizzati skont il-grad ta' tipoloġija tal-urbanizzazzjoni stipulata fir-Regolament (UE) 2017/2391 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ).

4. 

Kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema li jirreġistraw il-provvista u l-użu tas-servizzi tal-ekosistema fit-tabelli tal-provvista u tal-użu. It-tabella tal-provvista għandha tirreġistra l-provvista ta' servizzi tal-ekosistema minn ekosistemi għal sistemi soċjoekonomiċi. It-tabella tal-użu għandha tirreġistra l-użu tas-servizzi tal-ekosistema skont it-tip ta' użu kif definit fit-Taqsima 5.

It-tabelli tal-provvista u tal-użu għandhom jiġu rrapportati fl-unitajiet fiżiċi li ġejjin.

(a) 

Is-servizzi ta' proviżjonament

— 
Il-provvista tal-għelejjel hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għat-tkabbir tal-pjanti kif approssimat mill-ammont ta' għelejjel maħsuda għal użi differenti. Dan jinkludi l-produzzjoni tal-ikel u tal-fibra, l-għalf u l-enerġija, u l-bijomassa għall-mergħa, kif stipulat fl-Anness III, it-Tabella A, it-Taqsimiet 1.1 u 1.2.
— 
Id-dakkir huwa definit bħala l-kontribut tal-ekosistema minn dakkara selvaġġi għall-produzzjoni tal-għelejjel imsemmija fl-ewwel inċiż. Il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f'tunnellati ta' għelejjel li jiddependu mid-dakkara li jistgħu jiġu attribwiti għad-dakkara selvaġġi, skont it-tip ta' għelejjel għat-tipi ewlenin ta' għelejjel li jiddependu mid-dakkara li jinkludu siġar tal-frott, frott artab, tadam, żrieragħ taż-żejt u “oħrajn”.
— 
Il-provvista tal-injam hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għat-tkabbir tas-siġar u ta' bijomassa oħra tal-injam u għandha tiġi rrapportata bħala inkrement nett kif definit fl-Anness VII u mkejla skont il-qoxra tas-siġra, f'eluf ta' m3.
(b) 

Servizzi ta' regolazzjoni u manutenzjoni

— 
Il-filtrazzjoni tal-arja hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għall-filtrazzjoni ta' sustanzi niġġiesa li jinġarru fl-arja permezz tad-depożizzjoni, l-użu, l-iffissar u l-ħżin ta' sustanzi niġġiesa mill-komponenti tal-ekosistema (b'mod partikolari s-siġar). Din ittaffi l-effetti dannużi tas-sustanzi niġġiesa. Il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f'tunnellati ta' materja partikolata adsorbita.
— 
Ir-regolazzjoni globali tal-klima hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għat-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet ta' gassijiet serra fl-atmosfera permezz tat-tneħħija (sekwestru nett) tal-karbonju mill-atmosfera u ż-żamma (ħżin) tal-karbonju fl-ekosistemi. Il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f'termini ta' tunnellati ta' sekwestru nett tal-karbonju u tunnellati tal-karbonju organiku maħżun f'ekosistemi terrestri, inkluż stokk 'il fuq mill-art u 'l isfel mill-art.
— 
Ir-regolazzjoni lokali tal-klima hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għar-regolazzjoni tal-kundizzjonijiet atmosferiċi ambjentali fiż-żoni urbani permezz ta' veġetazzjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies u tappoġġa l-produzzjoni ekonomika. Din għandha tiġi espressa u rrapportata bħala t-tnaqqis tat-temperatura fl-ibliet, minħabba l-effett tal-veġetazzjoni urbana, fi gradi Celsius f'jiem li jaqbżu l-25 grad Celsius.
(c) 

Servizzi kulturali

— 
Is-servizzi relatati mat-turiżmu bbażati fuq in-natura huma definiti bħala l-kontribut tal-ekosistema, b'mod partikolari permezz tal-karatteristiċi bijofiżiċi u l-kwalitajiet tal-ekosistemi, li jippermettu lin-nies jużaw u jgawdu l-ambjent permezz ta' interazzjonijiet diretti, in situ, fiżiċi u esperjenzali mal-ambjent. Dawk il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f'numru ta' ljieli f'lukandi, f'hostels, f'postijiet għall-kampeġġ, eċċ. li jistgħu jiġu attribwiti għal żjarat fl-ekosistemi.
5. 

Il-kontijiet tal-ekosistema għandhom jużaw it-tabella li ġejja tat-tipi ta' ekosistemi:



Kategorija

Tip ta' ekosistema

1

Insedjamenti u żoni artifiċjali oħrajn

2

Raba'

3

Mergħat (bwar, mergħat seminaturali u naturali)

4

Foresti u msaġar

5

Xagħri u arbuxelli

6

Ekosistemi b'veġetazzjoni skarsa

7

Artijiet mistagħdra interni

8

Xmajjar u kanali

9

Lagi u ġibjuni

10

Il-bokki tal-baħar u l-ilmijiet ta' tranżizzjoni

11

Bajjiet kostali, għaram u artijiet mistagħdra

12

Ekosistemi tal-baħar (l-ilmijiet kostali, pjattaforma u oċean miftuħ)

Taqsima 4

L-EWWEL SENA TA' REFERENZA, IL-FREKWENZA U L-ISKADENZI GĦAT-TRAŻMISSJONI

1. L-istatistika għandha tiġi kkompilata u trażmessa:

— 
kull tliet snin għall-firxa tal-ekosistema u l-kontijiet tal-kundizzjoni tal-ekosistema; id-data għandha tirreferi għal medja rappreżentattiva għas-sena ta' referenza, u għall-matriċi ta' konverżjoni għall-bidla fit-3 snin bejn is-sentejn ta' referenza;
— 
fuq bażi annwali, dment li l-Kummissjoni (il-Eurostat) tagħmel disponibbli għodod ta' mmudellar għall-kalkolu tas-servizzi tal-ekosistema għall-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema; f'każ ta' nuqqas ta' tali għodod, kull 3 snin għall-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema.

2. L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 24 xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

3. Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utent għal settijiet ta' data kompluti u fil-ħin, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tipproduċi estimi għat-totali tal-UE, hekk kif tkun disponibbli data suffiċjenti skont il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha, kull fejn possibbli, tipproduċi u tippubblika estimi għad-data li ma tkunx ġiet trażmessa mill-Istati Membri fl-iskadenza speċifikata fil-punt 2.

4. L-ewwel sena ta' referenza hija l-2024. Għall-matriċi ta' konverżjoni, l-ewwel sena ta' referenza hija l-2027.

5. Fl-ewwel trażmissjoni tad-data, l-Istati Membri għandhom jinkludu data mill-2024 għall-kontijiet tal-firxa u tal-kundizzjoni u għat-tabelli tal-provvista u tal-użu tas-servizzi tal-ekosistema f'unitajiet fiżiċi. Għall-matriċi ta' konverżjoni, id-data għandha turi l-bidliet bejn l-2024 u l-2027.

6. F'kull trażmissjoni sussegwenti tad-data lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu data dwar il-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema, il-firxa u l-kundizzjoni għas-snin n-3 u n, fejn n hija s-sena ta' referenza. L-Istati Membri għandhom jerġgħu jissottomettu d-data mill-2024 'il quddiem kull meta d-data tiġi riveduta. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kwalunkwe data disponibbli għas-snin li jiġu qabel l-2024.

Taqsima 5

TABELLI TA' RAPPORTAR

1. Kontijiet tal-firxa tal-ekosistema: għat-tipi kollha ta' ekosistemi msemmija fit-Taqsima 3, id-data fl-ewwel trażmissjoni għandha tiġi rrapportata għall-ewwel sena ta' referenza. Għat-trażmissjonijiet tad-data sussegwenti kollha, id-data għandha tiġi rrapportata kif ġej:

— 
il-firxa fis-sena ta' referenza preċedenti;
— 
iż-żidiet;
— 
it-tnaqqis;
— 
il-firxa fis-sena ta' referenza attwali.

Il-matriċi ta' konverżjoni għandha tirrapporta l-konverżjonijiet bejn it-tipi kollha ta' ekosistemi msemmija fit-Taqsima 3 bejn is-sena ta' referenza preċedenti u attwali.

2. Kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema: għas-servizzi tal-ekosistema msemmija fit-Taqsima 3, id-data għandha tiġi rrapportata fit-tabelli tal-provvista u tal-użu kif ġej:

(a) 

tabella tal-provvista li tirreġistra l-provvista annwali tas-servizzi kif imsemmi fit-Taqsima 3 mit-tipi kollha ta' ekosistemi kif imsemmi fit-Taqsima 3, ħlief il-Kategoriji 10 u 12;

(b) 

uża t-tabella li tirreġistra l-użu tas-servizzi tal-ekosistema skont id-diżaggregazzjoni li ġejja:

— 
konsum intermedju tal-industrija;
— 
konsum finali tal-gvern;
— 
konsum finali tal-unitajiet domestiċi;
— 
formazzjoni grossa tal-kapital;
— 
esportazzjonijiet.

3. Stat Membru ma għandux ikun obbligat jirrapporta data jekk iż-żona totali tal-art tiegħu ma taqbiżx iż-0,3  % taż-żona totali tal-art tal-Unjoni.

Taqsima 6

DURATA TA' ŻMIEN MASSIMU TAL-PERJODI TRANŻITORJI

Għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, id-durata ta' żmien massimu tal-perjodu tranżizzjonali hija ta' sentejn mill-iskadenza għall-ewwel trażmissjoni.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.01.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32011R0691
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.