+Artikolu 78 Infrastruttura ġdida tal-gass naturali u tal-idroġenu
---+Artikolu 78 1
---+Artikolu 78 2
---+Artikolu 78 3
---+Artikolu 78 4
---+Artikolu 78 5
---+Artikolu 78 6
---+Artikolu 78 7
---+Artikolu 78 8
---+Artikolu 78 9
---+Artikolu 78 10
---+Artikolu 78 11

Artikolu 78 Infrastruttura ġdida tal-gass naturali u tal-idroġenu

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 78 1

1.   Meta jintalab, infrastruttura maġġuri ġdida tal-gass naturali, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet tal-LNG u tal-ħażna tal-gass naturali, tista’ tiġi eżentata għal perijodu stabbilit, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra l-Artikolu 34(5) u (6), u mill-applikazzjoni tal-Artikolu 31(1), l-Artikolu 32, l-Artikolu 33, l-Artikolu 60, l-Artikolu 78(7) u (9) u l-Artikolu 79(1) tad-Direttiva (UE) 2024/1788.

Meta jintalab, infrastruttura maġġuri ġdida tal-idroġenu, jiġifieri interkonnetturi, terminals tal-idroġenu u faċilitajiet tal-ħażna tal-idroġenu taħt l-art, tista’ tiġi eżentata għal perijodu stabbilit, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra l-Artikolu 34(5) u (6), u mill-applikazzjoni tal-Artikoli 35, 36, 37 u 68 tad-Direttiva (UE) 2024/1788.

Kwalunkwe tali eżenzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-investiment jeħtieġ isaħħaħ il-kompetizzjoni fil-provvista tal-gass naturali jew tal-idroġenu u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista;

(b)

l-investiment jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni u l-kisba tal-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija u ġie deċiż bl-applikazzjoni tal-prinċipju l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel;

(c)

il-livell tar-riskju relatat mal-investiment jeħtieġ ikun tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

(d)

l-infrastruttura għandha tkun il-proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika li hija separata, għall-inqas mil-lat ta’ forma ġuridika tagħha, mill-operaturi tas-sistemi li fis-sistemi tagħhom tkun se tinbena dik l-infrastruttura;

(e)

l-imposti jiġu imposti fuq l-utenti ta’ dik l-infrastruttura;

(f)

l-eżenzjoni jeħtieġ ma tkunx detrimentali għall-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti li aktarx jiġu affettwati mill-investiment, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern integrat għall-gass naturali jew għall-idroġenu, għall-funzjonament tajjeb tas-sistemi regolati kkonċernati, għad-dekarbonizzazzjoni, jew għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni;

(g)

l-infrastruttura ma tkunx irċeviet assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal xogħol fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40).

Il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu għandhom jiġu vvalutati filwaqt li jitqies il-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iqisu s-sitwazzjoni fi Stati Membri oħra affettwati u jibbilanċjaw l-effetti negattivi possibbli mal-effetti ta’ benefiċċju għat-territorju tiegħu.

Artikolu 78 2

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità tal-infrastrutturi eżistenti u għal modifiki ta’ tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ provvista ta’ gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju.

Artikolu 78 3

3.   L-awtorità regolatorja tista’, skont il-każ, tiddeċiedi fuq l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, l-awtorità regolatorja, jew, meta xieraq, awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat, għandhom jikkonsultaw:

(a)

lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri li s-swieq tagħhom aktarx jiġu affettwati mill-infrastruttura l-ġdida; kif ukoll

(b)

lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, meta l-infrastruttura kkonċernata tkun konnessa man-network tal-Unjoni fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, u toriġina minn jew tintemm f’pajjiż terz wieħed jew aktar.

Meta l-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonsultati ma jwieġbux għall-konsultazzjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli jew sa skadenza stabbilita li ma taqbiżx it-tliet xhur, l-awtorità regolatorja kkonċernata tista’ tadotta d-deċiżjoni meħtieġa.

Artikolu 78 4

4.   Meta l-infrastruttura kkonċernata tkun tinsab fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-ACER tista’ tippreżenta opinjoni konsultattiva lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati fi żmien xahrejn mid-data meta t-talba għal eżenzjoni tasal għand l-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji. Tali opinjoni konsultattiva tista’ tintuża bħala bażi għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet regolatorji.

Meta l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati kollha jaqblu fuq it-talba għal eżenzjoni fi żmien sitt xhur mid-data meta tasal għand l-aħħar waħda mill-awtoritajiet regolatorji, dawn għandhom jinfurmaw lill-ACER dwar id-deċiżjoni tagħhom. Meta l-infrastruttura kkonċernata tkun linja ta’ trażmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, l-awtorità regolatorja, jew, meta xieraq, xi awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni man-network tal-Istati Membri, jistgħu jikkonsultaw lill-awtorità rilevanti ta’ dak il-pajjiż terz biex, fir-rigward tal-infrastruttura kkonċernata, jiżguraw li dan ir-Regolament qed jiġi applikat b’mod konsistenti fit-territorju u, meta applikabbli, fil-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru. Meta l-awtorità tal-pajjiż terz ikkonsultata ma tweġibx għall-konsultazzjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli jew sa skadenza stabbilita li ma taqbiżx it-tliet xhur, l-awtorità regolatorja kkonċernata tista’ tadotta d-deċiżjoni meħtieġa.

L-ACER għandha, f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/942, teżerċita l-kompiti kkonferiti lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati skont dan l-Artikolu:

(a)

meta l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati kollha ma jilħqux ftehim fi żmien sitt xhur mid-data meta t-talba għal eżenzjoni tasal għand l-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji; jew

(b)

meta ssir talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati.

L-awtoritajiet regolatorji kkonċernati kollha jistgħu jitolbu b’mod konġunt li l-perijodu msemmi fit-tielet subparagrafu, il-punt (a), jiġi estiż b’perijodu massimu ta’ tliet xhur.

Artikolu 78 5

5.   Qabel jadottaw deċiżjoni, l-ACER għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-applikanti.

Artikolu 78 6

6.   Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-infrastruttura l-ġdida jew tal-infrastruttura eżistenti b’kapaċità miżjuda b’mod sinifikanti.

Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandha titqies il-ħtieġa, skont il-każ, li jiġu imposti kundizzjonijiet dwar it-tul tal-perijodu tal-eżenzjoni u l-aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura. Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar dawk il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari, għandhom jitqiesu l-kapaċità addizzjonali li trid tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-perijodu previst għall-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel tagħti eżenzjoni, l-awtorità regolatorja għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Ir-regoli għandhom jeżiġu li l-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura jintalbu jindikaw l-interess tagħhom fl-ikkuntrattar tal-kapaċità qabel ma tiġi allokata l-kapaċità fl-infrastruttura l-ġdida, inkluż għall-użu proprju. L-awtorità regolatorja għandha teżiġi li r-regoli għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni jkunu jinkludu l-obbligu li l-kapaċità mhux użata tiġi offruta fis-suq, u għandha teżiġi li l-utenti tal-infrastruttura jkunu intitolati li jikkummerċjalizzaw il-kapaċitajiet kuntrattati tagħhom fis-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (c) u (f), l-awtorità regolatorja għandha tqis ir-riżultati ta’ dik il-proċedura tal-allokazzjoni tal-kapaċità.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, inkluż kwalunkwe kundizzjoni minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif xieraq.

Artikolu 78 7

7.   Meta tanalizza jekk infrastruttura ġdida maġġuri hix mistennija ttejjeb is-sigurtà tal-provvista skont il-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetentigħandha tikkunsidra sa liema punt l-infrastruttura l-ġdida mistennija ttejjeb il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, fil-livell reġjonali u anki fil-livell nazzjonali.

Artikolu 78 8

8.   Meta awtorità għajr l-awtorità regolatorja tkun kompetenti li tadotta deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità regolatorja tagħhom jew l-ACER, skont il-każ, jissottomettu opinjoni dwar it-talba għal eżenzjoni lil dik l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni formali dwar l-eżenzjoni. Dik l-opinjoni għandha tiġi pubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

Artikolu 78 9

9.   L-awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-Kummissjoni kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni mingħajr dewmien wara li taslilha. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika, mingħajr dewmien, il-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha. Dik l-informazzjoni tista’ tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni b’format aggregat, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni u għandu jkollha, b’mod partikolari:

(a)

ir-raġunijiet dettaljati għalfejn l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, taw jew ċaħdu l-eżenzjoni, flimkien ma’ referenza għall-punt(i) rilevanti tal-paragrafu 1 li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li fuqhom dik id-deċiżjoni tkun ibbażata, inkluż l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa tal-eżenzjoni;

(b)

l-analiżi li saret tal-effett fuq il-kompetizzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern li jirriżulta mill-għotja tal-eżenzjoni;

(c)

ir-raġunijiet għat-tul tal-perijodu tal-eżenzjoni u s-sehem tal-kapaċità totali tal-infrastruttura li għalih tingħata l-eżenzjoni;

(d)

jekk l-eżenzjoni tkun relatata ma’ interkonnettur, ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji kkonċernati;

(e)

il-kontribut tal-infrastruttura għad-diversifikazzjoni tal-provvista.

Artikolu 78 10

10.   Fi żmien 50 jum tax-xogħol mill-għada li tasal in-notifika skont il-paragrafu 9, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li titlob lill-korpi notifikanti biex jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ eżenzjoni. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob opinjoni tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) dwar jekk l-eżenzjoni tikkontribwixxix għall-ilħuq tal-miri tal-Unjoni fil-qasam tal-klima u tal-enerġija. Jekk il-Kummissjoni titlob iżjed informazzjoni, dak il-perijodu jista’ jiġi estiż b’50 jum tax-xogħol ieħor. Il-perijodu addizzjonali għandu jibda mill-għada li tasal l-informazzjoni sħiħa. Il-perijodu inizjali jista’ jiġi estiż ukoll bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikanti.

Meta l-informazzjoni mitluba ma tingħatax fiż-żmien stabbilit fit-talba, in-notifika għandha tiġi kkunsidrata bħala rtirata, għajr meta qabel jiskadi dak il-perijodu, il-perijodu jiġi estiż bil-kunsens tal-Kummissjoni u tal-awtorità regolatorja, jew għajr meta l-awtorità regolatorja tinforma lill-Kummissjoni bi stqarrija motivata kif xieraq li qed tqis in-notifika bħala waħda kompleta.

L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tirtira d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien xahar u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif xieraq.

Il-Kummissjoni għandha tħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Meta l-Kummissjoni tapprova deċiżjoni dwar eżenzjoni, dik l-approvazzjoni għandha titlef l-effett tagħha:

(a)

wara sentejn mill-adozzjoni tagħha, meta l-infrastruttura tkun għadha ma bdietx tinbena;

(b)

wara ħames snin mill-adozzjoni tagħha, meta l-infrastruttura ma tkunx operazzjonali f’dak il-perijodu, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx iddeċidietx li kwalunkwe dewmien huwa dovut għal ostakli kbar li mhumiex fil-kontroll tal-persuna mogħtija l-eżenzjoni.

Artikolu 78 11

11.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 80 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi linji gwida għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għall-proċedura li trid tintuża għall-applikazzjoni tal-paragrafi 3, 6, 8 u 9 ta’ dan l-Artikolu.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 15.07.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1789
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.