+Artikolu 124 Skoperturi ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà immobbli
---+Artikolu 124 1.
---+Artikolu 124 2.
---+Artikolu 124 3.
---+Artikolu 124 4.
---+Artikolu 124 5.
---+Artikolu 124 6.
---+Artikolu 124 7.
---+Artikolu 124 8.
---+Artikolu 124 9.
---+Artikolu 124 10.
---+Artikolu 124 11.
---+Artikolu 124 12.
---+Artikolu 124 13.
---+Artikolu 124 14.

Artikolu 124 Skoperturi ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà immobbli

-

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 124 1.

Skopertura mhux ADC li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 3, jew kwalunkwe parti minn skopertura mhux ADC li taqbeż l-ammont nominali tar-rahan fuq il-proprjetà, għandha tiġi ttrattata kif ġej:

(a) 

skopertura mhux IPRE għandha tiġi ponderata għar-riskju bħala skopertura għall-kontroparti li mhijiex iggarantita permezz tal-proprjetà immobbli kkonċernata;

(b) 

skopertura IPRE għandha tiġi assenjata piż tar-riskju ta' 150 %.

Artikolu 124 2.

Skopertura mhux ADC, sal-ammont nominali tar-rahan fuq il-proprjetà, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandha tiġi ttrattata kif ġej:

(a) 

meta l-iskopertura tkun iggarantita permezz ta' proprjetà residenzjali,

(i) 

skopertura mhux IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 125(1):

(ii) 

skopertura IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 125(1) meta tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

il-proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-iskopertura tkun ir-residenza primarja tad-debitur, jew meta l-proprjetà immobbli kollha kemm hi tikkostitwixxi unità ta' abitazzjoni waħda jew inkella meta l-proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-iskopertura tkun unità ta' abitazzjoni li tkun parti separata fil-proprjetà immobbli;

(2) 

l-iskopertura tkun għal persuna fiżika u tkun iggarantita minn unità ta' abitazzjoni residenzjali li tipproduċi introjtu, jew meta l-proprjetà immobbli kollha kemm hi tikkostitwixxi unità ta' abitazzjoni waħda jew inkella meta l-unità ta' abitazzjoni tkun parti separata fil-proprjetà immobbli, u l-iskoperturi totali tal-istituzzjoni għal dik il-persuna fiżika ma jkunux iggarantiti permezz ta' aktar minn erba' proprjetajiet immobbli, inkluż dawk li ma jkunux proprjetajiet residenzjali jew li ma jissodisfaw l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti f'dan il-punt, jew unitajiet ta' abitazzjoni separati fil-proprjetajiet immobbli;

(3) 

l-iskopertura tkun għal assoċjazzjonijiet jew kooperattivi ta' persuni fiżiċi li jkunu rregolati skont il-liġi nazzjonali u li jeżistu bl-għan uniku li joffru lill-membri tagħhom l-użu ta' residenza primarja fil-proprjetà li tiggarantixxi s-self;

(4) 

l-iskopertura tkun għal kumpaniji ta' djar tal-gvern jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jkunu rregolati bil-liġi u li jeżistu biex jaqdu skopijiet soċjali u joffru abitazzjoni fit-tul lill-inkwilini;

(iii) 

skopertura IPRE li ma tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (ii) ta' dan il-punt għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 125(2);

(b) 

meta l-iskopertura tkun iggarantita permezz ta' proprjetà immobbli kummerċjali, din għandha tiġi ttrattata kif ġej:

(i) 

skopertura mhux IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 126(1);

(ii) 

skopertura IPRE għandha tiġi ttrattata f'konformità mal-Artikolu 126(2).

Artikolu 124 3.

Sabiex tkun eliġibbli għat-trattament imsemmi fil-paragrafu 2, skopertura ggarantita permezz ta' proprjetà immobbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

il-proprjetà immobbli li tiggarantixxi l-iskopertura tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

il-proprjetà immobbli tkun tlestiet bis-sħiħ;

(ii) 

il-proprjetà immobbli tkun foresta jew raba';

(iii) 

is-self ikun għal persuna fiżika u l-proprjetà immobbli tkun jew proprjetà residenzjali li għadha qed tinbena jew tkun art li fuqha jkun ippjanat li tinbena proprjetà residenzjali meta dak il-pjan ikun ġie approvat legalment mill-awtoritajiet rilevanti kollha, kif applikabbli, u meta tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

il-proprjetà immobbli ma jkollhiex aktar minn erba' unitajiet ta' abitazzjoni residenzjali u ser tkun ir-residenza primarja tad-debitur u s-self lill-persuna fiżika ma jkunx qed jiffinanzja skoperturi ADC indirettament;

(2) 

ikunu involuti gvern ċentrali, gvern reġjonali jew awtorità lokali jew entità tas-settur pubbliku, li l-iskoperturi għalihom jiġu ttrattati f'konformità mal-Artikolu 115(2) jew l-Artikolu 116(4), rispettivament, u dawn ikollhom is-setgħat u l-kapaċità legali li jiżguraw li l-proprjetà li tkun għadha qed tinbena titlesta f'perjodu ta' żmien raġonevoli u jkunu meħtieġa, jew ikunu ħadu impenn legalment vinkolanti, li jiżguraw it-tlestija meta l-kostruzzjoni kieku ma titlestiex f'tali perjodu ta' żmien raġonevoli; inkella jkun hemm mekkaniżmu legali ekwivalenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-proprjetà li tkun għadha qed tinbena titlesta f'perjodu ta' żmien raġonevoli;

(b) 

l-iskopertura tkun iggarantita bl-ewwel rahan miżmum mill-istituzzjoni fuq il-proprjetà immobbli, jew l-istituzzjoni żżomm l-ewwel rahan u kwalunkwe rahan sekwenzjali ta' klassifikazzjoni aktar baxxa fuq dik il-proprjetà;

(c) 

il-valur tal-proprjetà ma jkunx materjalment dipendenti fuq il-kwalità kreditizja tad-debitur;

(d) 

l-informazzjoni kollha meħtieġa fl-oriġinazzjoni tal-iskopertura u għall-finijiet ta' monitoraġġ tkun iddokumentata kif xieraq, inkluż informazzjoni dwar il-kapaċità tad-debitur li jħallas lura u dwar il-valwazzjoni tal-proprjetà;

(e) 

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 208 ikunu ssodisfati u jiġu rispettati r-regoli dwar il-valwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 229(1).

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-istituzzjonijiet jistgħu jeskludu sitwazzjonijiet fejn fatturi purament makroekonomiċi jaffettwaw kemm il-valur tal-proprjetà kif ukoll il-prestazzjoni tad-debitur.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu politiki ta' sottoskrizzjoni fir-rigward tal-oriġinazzjoni ta' skoperturi ggarantiti permezz ta' proprjetà immobbli li jinkludu l-valutazzjoni tal-kapaċità tal-mutwatarju li jħallas lura. Il-politiki ta' sottoskrizzjoni għandhom jinkludu l-metrika rilevanti għal dik il-valutazzjoni u l-livelli massimi rispettivi tagħhom.

Artikolu 124 4.
B'deroga mill-paragrafu 3, il-punt (b), f'ġuriżdizzjonijiet li fihom irhna subordinati jipprovdu lid-detentur bi pretensjoni fuq kollateral li jkun legalment infurzabbli u jikkostitwixxi mitigant effettiv tar-riskju ta' kreditu, l-irhna subordinati miżmuma minn istituzzjoni li ma tkunx dik li żżomm ir-rahan prijoritarju jistgħu jiġu rrikonoxxuti wkoll, inkluż meta l-istituzzjoni ma żżommx ir-rahan prijoritarju jew ma żżommx rahan bi klassifikazzjoni bejn rahan aktar prijoritarju u rahan aktar subordinat it-tnejn li huma miżmuma mill-istituzzjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ir-regoli li jirregolaw l-irhna għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:

(a) 

kull istituzzjoni li jkollha rahan fuq proprjetà tista' tibda l-bejgħ tal-proprjetà b'mod indipendenti minn entitajiet oħrajn li jkollhom rahan fuq il-proprjetà;

(b) 

meta l-bejgħ tal-proprjetà ma jsirx permezz ta' rkant pubbliku, l-entitajiet li jkollhom rahan prijoritarju jieħdu passi raġonevoli biex jiksbu valur tas-suq ġust jew l-aħjar prezz li jista' jinkiseb fiċ-ċirkostanzi meta jeżerċitaw kwalunkwe setgħa ta' bejgħ waħedhom.

Artikolu 124 5.
Għall-fini tal-kalkolu tal-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju għal faċilitajiet mhux miġbuda, l-irhna li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà kollha stabbiliti fil-paragrafu 3 u, fejn applikabbli, il-paragrafu 4, jistgħu jiġu rikonoxxuti meta l-ġbid skont il-faċilità jkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni preċedenti jew simultanja ta' rahan sal-punt tal-interess tal-istituzzjoni fir-rahan ladarba tinġibed il-faċilità, b'tali mod li l-istituzzjoni ma jkollha l-ebda interess fir-rahan sal-punt li l-faċilità ma tinġibidx.
Artikolu 124 6.

Għall-finijiet tal-Artikolu 125(2) u l-Artikolu 126(2), il-proporzjon tal-iskopertura għall-valur (“ETV”) għandu jiġi kkalkulat billi l-ammont gross tal-iskopertura jiġi diviż bil-valur tal-proprjetà soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat bħala l-valur kontabilistiku tal-element ta' assi relatat mal-iskopertura ggarantita permezz tal-proprjetà immobbli u kwalunkwe ammont mhux miġbud iżda impenjat li, ladarba jinġibed, iżid il-valur tal-iskopertura li tkun iggarantita permezz tal-proprjetà immobbli; dak l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat mingħajr ma jitqiesu:

(i) 

aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikolu 110;

(ii) 

aġġustamenti għall-valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 relatati man-negozju tal-portafoll mhux tan-negozjar tal-istituzzjoni;

(iii) 

l-ammonti mnaqqsa f'konformità mal-Artikolu 36(1), il-punt (m); u

(iv) 

tnaqqis ieħor ta' fondi proprji relatat mal-element ta' assi;

(b) 

l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat mingħajr ma jitqies kwalunkwe tip ta' protezzjoni ta' kreditu finanzjata jew mhux iffinanzjata, ħlief għal kontijiet ta' depożiti mirhuna mal-istituzzjoni mutwanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għan-netting fil-karta tal-bilanċ, jew skont ftehimiet ewlenin ta' netting f'konformità mal-Artikoli 196 u 206 jew skont ftehimiet oħra ta' netting fil-karta tal-bilanċ f'konformità mal-Artikoli 195 u 205 u jkunu ġew mirhuna mingħajr kundizzjonijiet u b'mod irrevokabbli għall-għan uniku li jiġi ssodisfat l-obbligazzjoni ta' kreditu relatat mal-iskopertura ggarantita permezz ta' proprjetà immobbli;

(c) 

għal skoperturi li jeħtieġ jiġu ttrattati f'konformità mal-Artikolu 125(2) jew l-Artikolu 126(2) meta parti li mhijiex l-istituzzjoni żżomm rahan prijoritarju u rahan subordinat miżmum mill-istituzzjoni jkun rikonoxxut skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-ammont gross tal-iskopertura għandu jiġi kkalkulat bħala s-somma tal-ammont gross tal-iskopertura tar-rahan miżmum mill-istituzzjoni u tal-ammonti gross tal-iskopertura għall-irhna kollha l-oħra bi klassifikazzjoni ugwali jew ogħla mir-rahan miżmum mill-istituzzjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), meta istituzzjoni jkollha aktar minn skopertura waħda ggarantita permezz tal-istess proprjetà immobbli u dawk l-iskoperturi jkunu ggarantiti permezz ta' irhna fuq dik il-proprjetà immobbli li jkunu sekwenzjali f'ordni ta' klassifikazzjoni mingħajr l-ebda rahan miżmum minn parti terza fi klassifikazzjoni xi mkien fin-nofs, l-iskoperturi għandhom jiġu ttrattati bħala skopertura waħda kombinata u l-ammonti gross tal-iskopertura għall-iskoperturi individwali għandhom jingħaddu flimkien biex jiġi kkalkulat l-ammont gross tal-iskopertura għall-iskopertura unika kombinata.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), meta ma jkunx hemm biżżejjed informazzjoni biex tkun tista' tiġi aċċertata l-klassifikazzjoni ta' irhna l-oħra, l-istituzzjoni għandha tittratta lil dawk l-irhna bħala bi klassifikazzjoni pari passu mar-rahan subordinat miżmum mill-istituzzjoni. L-istituzzjoni għandha l-ewwel tiddetermina l-piż tar-riskju f'konformità mal-Artikolu 125(2) jew l-Artikolu 126(2) (“piż tar-riskju bażi”), kif ikun applikabbli. Imbagħad, għandha taġġusta dan il-piż tar-riskju b’multiplikatur ta’ 1,25 , għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti ponderati għar-riskju ta’ irhna subordinati. Meta l-piż tar-riskju bażi jikkorrispondi għall-bucket l-aktar baxx tal-iskopertura għall-valur, il-multiplikatur m’għandux jiġi applikat. Il-piż tar-riskju li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-piż tar-riskju bażi b’1,25 għandu jkun limitat għall-piż tar-riskju li jkun applikat għall-iskopertura li kieku ma jkunux ġew issodisfati r-rekwiżiti fil-paragrafu 3.

Artikolu 124 7.
Skoperturi għal inkwilin skont tranżazzjoni ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li skontha l-istituzzjoni tkun il-lokatur u l-inkwilin ikollu l-għażla li jixtri għandhom jikkwalifikaw bħala skoperturi ggarantiti permezz ta’ proprjetà immobbli u għandhom jiġu ttrattati f’konformità mat-trattament stabbilit fl-Artikolu 125 jew 126 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti f’dan l-Artikolu, dment li l-iskopertura tal-istituzzjoni tkun iggarantita mis-sjieda tagħha tal-proprjetà.
Artikolu 124 8.
L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità li tkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-paragrafu 9. Dik l-awtorità għandha tkun l-awtorità kompetenti jew l-awtorità maħtura.

Meta l-awtorità maħtura mill-Istat Membru għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tkun l-awtorità kompetenti, din għandha tiżgura li l-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti li jkollhom mandat makroprudenzjali jiġu informati kif xieraq bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li tagħmel użu minn dan l-Artikolu, u li jiġu involuti kif jixraq fil-valutazzjoni tat-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħha f'konformità mal-paragrafu 9.

Meta l-awtorità maħtura mill-Istat Membru għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tkun differenti mill-awtorità kompetenti, l-Istat Membru għandu jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiżgura koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni xierqa bejn l-awtorità kompetenti u l-awtorità maħtura għall-applikazzjoni xierqa ta' dan l-Artikolu. B'mod partikolari, l-awtoritajiet għandhom jintalbu jikkooperaw mill-qrib u jikkondividu l-informazzjoni kollha li tista' tkun meħtieġa għat-twettiq adegwat tad-dmirijiet imposti fuq l-awtorità maħtura skont dan l-Artikolu. Dik il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li tevita kwalunkwe forma ta' azzjoni duplikata jew inkonsistenti bejn l-awtorità kompetenti u l-awtorità maħtura, kif ukoll li tiżgura li titqies kif xieraq l-interazzjoni ma' miżuri oħra, b'mod partikolari miżuri meħuda skont l-Artikolu 458 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Artikolu 124 9.

Abbażi tad-data miġbura skont l-Artikolu 430a u abbażi ta' kwalunkwe indikatur rilevanti ieħor, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandha tivvaluta perjodikament, u tal-inqas darba fis-sena, jekk il-piżijiet tar-riskju stabbiliti fl-Artikoli 125 u 126 għall-iskoperturi ggarantiti permezz ta' proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità jkunux ibbażati kif xieraq fuq:

(a) 

l-esperjenza ta' telf ta' skoperturi ggarantiti permezz ta' proprjetà immobbli;

(b) 

żviluppi prospettivi fis-swieq tal-proprjetà immobbli.

Meta, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu tikkonkludi li l-piżijiet tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 125 jew 126 ma jirriflettux b'mod adegwat ir-riskji reali relatati ma' skoperturi għal segment wieħed jew aktar tal-proprjetà ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà residenzjali jew fuq proprjetà immobbli kummerċjali li tinsab f'parti waħda jew aktar mit-territorju tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità, u jekk tqis li l-inadegwatezza tal-piżijiet tar-riskju jista' jkollha effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja attwali jew futura fl-Istat Membru tagħha, din tista' żżid il-piżijiet tar-riskju applikabbli għal dawk l-iskoperturi fi ħdan il-meded iddeterminati fir-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu jew timponi kriterji aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

L-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandha tinnotifika lill-EBA u l-BERS bi kwalunkwe aġġustament għall-piżijiet tar-riskju u l-kriterji applikati skont dan il-paragrafu. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dik in-notifika, l-EBA u l-BERS għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom lill-Istat Membru kkonċernat u jistgħu jindikaw f'dik l-opinjoni, fejn meħtieġ, jekk iqisux li l-aġġustamenti għall-piżijiet tar-riskju u l-kriterji humiex rakkomandati wkoll għal Stati Membri oħra. L-EBA u l-BERS għandhom jippubblikaw il-piżijiet tar-riskju u l-kriterji għall-iskoperturi msemmija fl-Artikoli 125 u 126 u fl-Artikolu 199(1), il-punt (a), kif implimentati mill-awtorità rilevanti.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu tista' żżid il-piżijiet tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 125(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 125(2), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 126(1), l-ewwel subparagrafu, jew l-Artikolu 126(2), l-ewwel subparagrafu, jew inkella timponi kriterji aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għal skoperturi għal segment wieħed jew aktar ta' proprjetà ggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà immobbli li tinsab f'parti waħda jew aktar tat-territorju tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità. Dik l-awtorità m'għandhiex iżżid dawk il-piżijiet tar-riskju għal aktar minn 150 %.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu tista' tnaqqas ukoll il-perċentwali tal-valur tal-proprjetà msemmija fl-Artikolu 125(1) jew l-Artikolu 126(1) jew il-perċentwali tal-iskopertura għall-valur li jiddefinixxu l-bucket tal-piż tar-riskju tal-iskopertura għall-valur stabbilit fl-Artikolu 125(2), it-Tabella 1, jew fl-Artikolu 126(2), it-Tabella 1. L-awtorità rilevanti għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-buckets tal-piż tar-riskju tal-iskopertura għall-valur kollha, b'tali mod li l-piż tar-riskju ta' bucket tal-piż tar-riskju ta' skopertura għall-valur aktar baxx ikun dejjem aktar baxx jew daqs il-piż tar-riskju ta' bucket tal-piż tar-riskju tal-iskopertura għall-valur superjuri.

Artikolu 124 10.
Meta l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 tistabbilixxi piżijiet tar-riskju ogħla jew kriterji aktar stretti skont il-paragrafu 9, l-istituzzjonijiet għandu jkollhom perjodu tranżitorju ta' sitt xhur biex japplikawhom.
Artikolu 124 11.
L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BERS, għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika t-tipi ta' fatturi li għandhom jitqiesu għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-piżijiet tar-riskju msemmija fil-paragrafu 9.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Jannar 2026.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 124 12.

Il-BERS, permezz ta' rakkomandazzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, jista' jagħti gwida lill-awtoritajiet maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu dwar dawn it-tnejn li ġejjin:

(a) 

fatturi li jista' jkollhom “effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja attwali jew futura” msemmija fil-paragrafu 9, it-tieni subparagrafu;

(b) 

punti ta' riferiment indikattivi li l-awtorità maħtura f'konformità mal-paragrafu 8 għandha tqis meta tiddetermina piżijiet tar-riskju ogħla.

Artikolu 124 13.
L-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru għandhom japplikaw il-piżijiet tar-riskji u l-kriterji li jkunu ġew iddeterminati mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor f'konformità mal-paragrafu 9 għall-iskoperturi korrispondenti kollha tagħhom iggarantiti permezz ta' ipoteki fuq proprjetà residenzjali jew fuq proprjetà immobbli kummerċjali li jinsabu f'parti waħda jew aktar ta' dak l-Istat Membru l-ieħor.
Artikolu 124 14.
L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika x'jikkostitwixxi “mekkaniżmu legali ekwivalenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-proprjetà li tkun għadha qed tinbena titlesta f'perjodu ta' żmien raġonevoli”, f'konformità mal-paragrafu 3, il-punt (a)(iii)(2).

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Lulju 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit