+Artikolu 38 Valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit ta’ attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf
---+Artikolu 38 1
---+Artikolu 38 2
---+Artikolu 38 3
---+Artikolu 38 4
---+Artikolu 38 5
---+Artikolu 38 6
---+Artikolu 38 7
---+Artikolu 38 8

Artikolu 38 Valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit ta’ attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 38 1

1.   Meta jiġi vvalutat jekk il-mudell intern ta’ istituzzjoni jkunx implimentat b’integrità kif meħtieġ mill-Artikolu 325bi(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti dwar l-elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fit-tibdil ipotetiku fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar għar-rekwiżiti ta’ attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf imsemmijin fl-Artikolu 325bg ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk is-serje kronoloġika tat-tibdil ipotetiku fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar kif użat għall-fini tar-rekwiżiti ta’ ttestjar retrospettiv tikkoinċidix mas-serje kronoloġika tat-tibdil ipotetiku fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar kif użat għar-rekwiżit ta’ attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf, kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059.

Artikolu 38 2

2.   Meta tiġi vvalutata l-konformità ta’ istituzzjoni mal-Artikolu 325bi(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti dwar l-elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fit-tibdil teoretiku fil-valur tal-portafoll għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf imsemmijin fl-Artikolu 325bg ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw li l-politiki interni msemmijin f’dak il-punt (e):

(a)

jiżguraw li l-jiem ta’ negozju użati fil-kalkolu tat-tibdil teoretiku fil-valur tal-portafoll ikunu l-istess bħal dawk użati kemm fil-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni msemmi fl-Artikolu 325bb tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll fil-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ stress imsemmi fl-Artikolu 325bk ta’ dak ir-Regolament;

(b)

jispeċifikaw jekk l-istituzzjoni tallinjax il-ħin tal-isnapshot li għalih tikkalkola t-tibdil teoretiku fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar mal-ħin tal-isnapshot li għalih tikkalkola t-tibdil ipotetiku fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar, kif permess mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(c)

jispeċifikaw jekk hemmx fatturi tar-riskju li għalihom l-istituzzjoni tuża data tal-input jew valuri użati fil-kalkolu tat-tibdil ipotetiku sabiex tikkalkola t-tibdil teoretiku, jew jekk ma jkunx hemm fatturi tar-riskju li għalihom jintuża tali trattament, kif permess mill-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(d)

ikopru l-aspetti kollha msemmijin fl-Artikolu 15(2) u (3) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059 fir-rigward tal-fatturi tar-riskju li għalihom l-istituzzjoni tuża data tal-input jew valuri użati fil-kalkolu tat-tibdil ipotetiku sabiex tikkalkola t-tibdil teoretiku, kif permess mill-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament Delegat;

(e)

jispeċifikaw il-proċessi ta’ rettifika li għandhom jiġu segwiti fil-kalkolu tat-tibdil teoretiku f’każ ta’ kontinġenzi, ta’ eċċezzjonijiet, ta’ żbalji, u ta’ fallimenti fl-ipprezzar;

(f)

ikopru l-aspetti kollha msemmijin fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059.

Għall-finijiet tal-punt (c), meta t-trattament ikkonċernat jintuża għal xi fatturi tar-riskju, iżda mhux għal kollha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk il-politiki interni jispeċifikawx kriterji oġġettivi sabiex jintgħażlu fatturi tar-riskju li għalihom jiġi applikat dak it-trattament.

Għall-finijiet tal-punt (d), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk l-istituzzjoni tużax kriterji kwantitattivi sabiex tivvaluta l-effett tal-allinjament imsemmi fl-Artikolu 15(2), il-punt (b), tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059.

Artikolu 38 3

3.   Meta jivvalutaw jekk il-mudell intern ta’ istituzzjoni jkunx implimentat b’integrità kif meħtieġ mill-Artikolu 325bi(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf imsemmijin fl-Artikolu 325bg ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

fir-rigward tal-kalkolu tat-tibdil teoretiku fil-valur tal-portafoll:

(i)

jivverifikaw jekk il-jiem ta’ negozju użati fil-kalkolu tat-tibdil teoretiku fil-valur tal-portafoll ikunux l-istess bħal dawk użati fil-kalkolu tal-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni msemmi fl-Artikolu 325bb tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tal-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ stress imsemmi fl-Artikolu 325bk ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

jivverifikaw jekk il-pożizzjonijiet użati fil-kalkolu tat-tibdil ipotetiku jkunux dawk użati għall-kalkolu tat-tibdil teoretiku.

(iii)

jivverifikaw jekk meta l-istituzzjoni tikkalkola t-tibdil teoretiku, il-pożizzjonijiet ikunux preżunti li ma nbidlux, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(iv)

jivverifikaw li ma hemm l-ebda differenza bejn il-metodi tal-ipprezzar, il-parametrizzazzjonijiet tal-mudell, id-data tas-suq u kwalunkwe teknika oħra użata fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji, u dawk użati għall-kalkolu tat-tibdil teoretiku, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(v)

jivverifikaw li t-tibdil teoretiku fil-valur tal-portafoll jirrifletti biss it-tibdil fil-valuri tal-fatturi tar-riskju li jiġu xxokkjati meta jiġi kkalkolat il-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni msemmi fl-Artikolu 325bb tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew il-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ stress imsemmi fl-Artikolu 325bk ta’ dak ir-Regolament, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(vi)

jivverifikaw li l-proċessi ta’ rettifika msemmijin fil-paragrafu 2, il-punt (e), ikunu robusti u jkunu segwiti fil-prattika kull meta jseħħu kontinġenzi, eċċezzjonijiet, żbalji, u fallimenti fl-ipprezzar;

(b)

fir-rigward tar-riżultati tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf:

(i)

jivverifikaw jekk il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman u l-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov humiex ikkalkolati b’mod korrett;

(ii)

jivverifikaw jekk il-fatturi tar-riskju li għalihom l-istituzzjoni tuża data tal-input użata fil-kalkolu tat-tibdil ipotetiku għall-kalkolu tat-tibdil teoretiku, kif permess mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059, humiex biss dawk li għalihom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmijin f’dak l-Artikolu;

(iii)

jivverifikaw li l-fatturi tar-riskju, li l-valuri użati fil-kalkolu tat-tibdil ipotetiku jintużaw mill-istituzzjoni sabiex tikkalkola t-tibdil teoretiku f’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059, ikunu biss dawk li għalihom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmijin f’dak l-Artikolu.

Għall-finijiet tal-punt (a)(ii), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk is-sistemi tal-IT tal-istituzzjoni jiżgurawx il-kalkolu ta’ dak it-tibdil fuq l-istess pożizzjonijiet. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjoni tipprovdi l-inventarju tal-pożizzjonijiet koperti fit-tibdil attwali u teoretiku, u jqabblu dawk il-pożizzjonijiet.

Għall-finijiet tal-punt (a)(iv), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk is-sistemi tal-istituzzjonijiet jiżgurawx li l-funzjonijiet tal-ipprezzar użati għall-kalkolu tat-tibdil teoretiku jkunu dawk użati fil-kalkolu tal-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni msemmi fl-Artikolu 325bb tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tal-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ stress imsemmi fl-Artikolu 325bk ta’ dak ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-punt (a)(v), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk is-sistemi tal-istituzzjonijiet jiżgurawx li l-valur ta’ fatturi tar-riskju oħrajn jinżammx kostanti meta jiġi kkalkolat it-tibdil teoretiku. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomplementaw il-valutazzjoni tagħhom billi jużaw il-metodu ta’ valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 5.

Għall-finijiet tal-punt (a)(vi), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrieżaminaw l-istorja tal-kontinġenzi, tal-eċċezzjonijiet, tal-iżbalji, u tal-fallimenti fl-ipprezzar fil-kalkoli tat-tibdil fil-valuri tal-portafolli, jivvalutaw jekk u kif dawn ġew irrimedjati u, meta rilevanti, jivvalutaw l-impatt ta’ dawk l-iżbalji fuq ir-riżultati tal-ittestjar retrospettiv u tat-test tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf.

Artikolu 38 4

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-punt (a)(iii), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw wieħed jew aktar mill-metodi ta’ valutazzjoni li ġejjin:

(a)

jirrikjedu li l-istituzzjoni tipprovdi l-inventarju, f’jum partikolari u fil-jum sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059, tal-pożizzjonijiet fil-portafoll li fih tikkalkola t-tibdil teoretiku, u jivvalutaw jekk dawk l-inventarji jikkoinċidux;

(b)

jivverifikaw li t-tibdil teoretiku fir-riskju huma tipikament eqreb tat-tibdil ipotetiku milli tat-tibdil attwali u, billi juża r-rapporti msemmijin fl-Artikolu 36, il-paragrafu 1, il-punti (b) u (c), jidentifikaw dawk il-jiem fis-serje kronoloġika meta t-tibdil attwali u ipotetiku jvarja l-aktar minħabba tibdil fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-post tan-negozjar, u jivverifikaw li t-tibdil teoretiku f’dawk il-jiem ma jkunx affettwat minn tali tibdil fil-kompożizzjoni tal-portafoll.

Artikolu 38 5

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-punt (a)(v), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu:

(a)

meta l-istituzzjoni tikkalkola l-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni msemmi fl-Artikolu 325bb tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew il-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ stress imsemmi fl-Artikolu 325bk ta’ dak ir-Regolament, jirrikjedu li l-istituzzjoni tipprovdi kampjun tal-istrumenti finanzjarji fil-portafoll tagħha, li l-prezzijiet tagħhom jiddependu kemm fuq fatturi tar-riskju li jkunu xxokkjati kif ukoll fuq fatturi tar-riskju li ma jkunux ixxokkjati;

(b)

meta l-istituzzjoni tikkalkula t-tibdil teoretiku relatat mal-istrumenti finanzjarji msemmijin fil-punt (a), jivverifikaw jekk, għal data ta’ referenza ta’ rapportar partikolari, il-valur tal-fatturi tar-riskju li ma jkunux ixxokkjati jinżamm kostanti.

Artikolu 38 6

6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-punt (b)(i), l-awtoritajiet kompetenti għandhom, għall-postijiet tan-negozjar l-aktar materjali jew għall-postijiet tan-negozjar kollha:

(a)

jirrikjedu li l-istituzzjoni tipprovdi s-serje kronoloġika ta’ tibdil ipotetiku u teoretiku fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar użat għall-kalkolu tal-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman u tal-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(b)

jikkalkolaw il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059 u l-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament Delegat;

(c)

jivverifikaw jekk il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman u l-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov li tirriżulta mill-punt (b) jikkoinċidux ma’ dawk miksubin mill-istituzzjoni;

(d)

jivverifikaw jekk il-klassifikazzjoni tal-postijiet tan-negozjar għaż-żoni msemmijin fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059 hijiex korretta.

Artikolu 38 7

7.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-punt (b)(ii), l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jidentifikaw l-aktar fatturi tar-riskju materjali li għalihom l-istituzzjoni applikat it-trattament imsemmi fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(b)

jivverifikaw jekk l-istess fattur tar-riskju jintużax fil-kalkolu tat-tibdil ipotetiku u teoretiku;

(c)

jivverifikaw jekk il-valur tal-fatturi tar-riskju msemmijin fil-punt (a) ivarjax biss minħabba s-sorsi jew il-ħinijiet tal-estrazzjoni differenti tad-data tal-input tagħhom.

L-intensità li biha l-awtorità kompetenti twettaq il-valutazzjoni għandha tkun proporzjonata għall-effett li l-allinjament tad-data tal-input tal-fatturi tar-riskju jkollu fuq it-tibdil teoretiku u fuq ir-riżultati tat-test tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059.

Artikolu 38 8

8.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-punt (b)(iii), l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jidentifikaw l-aktar fatturi tar-riskju materjali li għalihom l-istituzzjoni applikat it-trattament imsemmi fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(b)

għall-fatturi tar-riskju msemmijin fil-punt (a), jiksbu fehim komprensiv tat-tekniki tas-sistemi ta’ valwazzjoni li jintużaw sabiex jiġi dderivat il-valur tal-fattur tar-riskju mid-data tal-input, kif imsemmi fl-Artikolu 14(2), il-punt (b), tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059;

(c)

fuq il-bażi tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059 humiex issodisfati, filwaqt li jqisu kwalunkwe raġuni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 15(3) ta’ dak ir-Regolament.

L-intensità li biha l-awtorità kompetenti twettaq il-valutazzjoni għandha tkun proporzjonata għall-effett li l-allinjament tal-valuri tal-fatturi tar-riskju jkollu fuq it-tibdil teoretiku u fuq ir-riżultati tat-test tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2059.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 17.06.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1085
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.